MediaToday

Sports | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Determinazzjoni, dedikazzjoni u talent naturali

Determinazzjoni, dedikazzjoni u talent naturali. Huma t-tliet punti ta’ riferiment li għandu jkollu atleta akkost ta’ kollox jekk irid jasal sal-quċċata ta’ l-isport li jkun fih. Hekk irrispondiet l-eks numru wieħed ta’ l-atletika ta’ Malta Deirdre Farrugia għall-mistoqsija tiegħi: X’irid ikollha atleta tajba?
Iltqajt ma’ Deirdre nhar it-Tnejn li għadda f’dar mill-isbaħ stil Taljana f’Ħal Balzan. Tgħidli li għadhom ġejjin lura wara sena u nofs l-Ingilterra u għalhekk qed jorganizzaw irwieħhom mill-ġdid f’pajjiżna. Anki jekk issa ilha nieqsa snin mit-track u b’żewġt itfal, il-mara baqgħet waħda li kif appena tħares lejha ma tistax ma tgħidx li ma kinitx sportiva.
Kif nitla’ t-taraġ nisma’ l-għajjat taż-żewġt itfal. Il-wiċċ u l-ħarsa ta’ għajnejhom jindikaw li fihom hemm xi ħaġa Britannika żgur. Stħajjilthom żewġ anġli. Tippreżentani ma’ żewġha Nathan. Sportiv ukoll u eks plejer ukoll tat-tim nazzjonali Malti tal-basketball. L-impressjoni tiegħi baqgħet li din hija familja sportiva serena.
Deirdre tgħidli li lil Nathan kienet ilha tafu iżda kienu l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Lussemburgu li fih taw għall-ewwel darba kas ta’ xulxin kien hemm spark li minnufih żviluppa fi storja ta’ mħabba bejn it-tnejn.
“Nathan kien jilgħab mat-tim nazzjonali tal-basketball. Konna flimkien bħala kontinġent, hu fit-tim tal-basketball u jien ta’ l-atletika. Kollna niltaqgħu f’dan it-tip ta’ safar għal diversi drabi iżda kien il-pajjiż tal-Lussemburgu li ndunajna sew b’xulxin. Nammetti li kont jien li għamilt l-ewwel pass.
“Illum jien omm ta’ żewġt itfal. Bħalissa minix naħdem. Ġejna lura mill-Ingilterra wara sena u nofs u qed nerġgħu nippruvaw nissetiljaw lura pajjiżna. Qabel kont naħdem anki fil-bidu li kelli t-tfal u forsi ’l quddiem se nerġa’ nibda.
“Għadni sa llum immur xi ġirja biex inzomm ruħi fit. Minix qed nagħmel dak it-taħriġ li kont nagħmel qabel ta’ kuljum. It-track m’għadnix ninżel imma meta sa ftit jiem ilu konna għadna l-Ingilterra kont immur il-gym ta’ spiss.”
Deirdre Farrugia twieldet f’Hillington, Londra nhar is-26 ta’ Ottubru 1972. Hija bint Joe Caruana u Avril Kirkpatrick u għandha oħta Michelle ikbar minnha. Miżżewġa lil Nathan u llum hija omm ta’ żewġt itfal, Robyn u Keira. Tgħidli li minkejja li llum hija persuna rtirata mil-logħob kompetittiv, l-atletika għadha l-isport favorit tagħha.
“Minkejja rtirata l-atletika għadha l-isport numru wieħed tiegħi. Meta kont ħafna iżgħar fiż-żmien l-iskola kont nilgħab ftit tennis. Kont immur l-iskola Sacred Heart u kienet l-għalliema ta’ l-Edukazzjoni Fizika li ntroduċietli u ħajritni nibda l-atletika. Kull filgħodu u waqt il-brejks konna nagħmlu r-relays u dejjem kont ngħaddi sew lill-kumplament. Indunajt li l-atletika kien l-isport numru wieħed tiegħi minn ta’ età zgħira. Sa llum għadu l-isport favorit tiegħi. Fuq it-televizjoni nħobb insegwi l-isport kollu li jkun hemm iżda l-atletika tibqa’ l-mimmi t’għajnejja.
“Bqajt niġri ma’ l-iskola sakemm inktibt mal-klass AS Libertas. Minn dak iż-żmien ħajti fl-atletika saret rutina ta’ kuljum. L-ewwel darba li sifirt kelli xi 12-il sena fi Sqallija u kont irbaħt Midalja tad-Deheb anki jekk ġrejt ma’ oħrajn li kienu sentejn ikbar minni.”
Nitkellem magħha fuq iż-żminijiet tagħha. Tiddeskrivili l-atmosfera bejn l-atleti kollha ta’ dak iż-żmien.
“Fiż-żmien tiegħi konna tim vera tajjeb. Konna qisna familja. Kellna taħriġ iebes ħafna u kelli kowċ li kont nafdah mija fil-mija. Għadni sa llum fil-kuntatt ma’ atleti oħra sħabi ta’ dak iż-żmien. M’ilux iltqajt ma’ Kevin Tonna tal-long jump. Niftakar ukoll ix-shot putter Eric Fenech Pace li hu ħabib kbir tiegħi u Mario Bonello li kien it-training partner miegħi. Kumbinazzjoni llum ċempilli Karl Farrugia. Għadni ħabiba ma’ kulħadd u bejnietna ma kienx hemm piki u għira. Fi zmieni meta xi ħadd kien imur tajjeb kulħadd kien jifraħ. Illum ma nafx kif inhuma l-affarijiet bejn l-atleti għax kont imsiefra u ili maqtugħa ħafna.”
Bejni u bejn ruħi ngħid jinbidel iż-żmien meta llum tikkunsidra li hemm atleti jirtiraw minn tlielaq apposta li ma jmurx jgħaddihom l-ikbar sfidant tagħhom li se jkun qed jiġri magħhom.
Deirdre tkompli tgħidli li l-isport żammha ’l bogħod minn dawk li jistgħu jkunu l-vizzjijiet tal-ħajja. Tispjegali kif b’daqsxejn sagrifiċċji waslet għax-xewqiet il-kbar fil-karriera tagħha.
“Jekk tiffoka fuq xi ħaġa sportiva żżommok lura mix-xorb u d-drogi u vizzjijiet oħra. Jien f’ħajti anqas qatt ma ppruvajt dawk l-affarijiet għax anki kieku ridt qatt ma kelli ċ-ċans. Iżda t-taħriġ kien sagrifiċċju kbir. U meta tkun taf li se tirrappreżenta lil pajjiżek timtela’ b’ċertu kuraġġ li mingħajr ma trid tibqa’ moħħok hemm il-ħin kollu.
“Jien ta’ 16-il sena rbaħt l-unur ta’ l-Isportiva tas-Sena. Kien unur kbir għalija. Imbagħad l-Olimpjadi ta’ l-1992 f’Barċellona kienu l-quċċata tal-karriera tiegħi. Kelli wkoll ir-rekords nazzjonali tal-100 metru u l-200 metru għal snin twal. Dan kollu jfisser li s-sagrifiċċji kollha li kont għamilt f’dawk is-snin kienu kollha worth it.”
Deirdre kellha 7.70 sekondi fis-60 metru, 12.16 sekondi fil-100 metru u 24.80 sekondi fil-100 metru. Nistaqsiha hix iddispjaċuta li llum il-ġurnata dawn ir-rekords nazzjonali m’għadhomx tagħha u x’tiftakar minn Charlene Attard li kellha tkun proprju dik it-tifla żgħira li hi tiftakarha sew għadha tibda l-karriera li kellha tkun hi li toħdilha dan ix-xettru fit-tliet distanzi.
“Hawn min jistaqsini jekk jiddispjaċinix li m’għadnix ir-rekord holder tas-60 metru, tal-100 metru u l-200 metru u ġenwinament ngħidlu li le. L-atletika f’Malta għamlet passi ta’ ġgant u atleti rtirati bħali konna idoli ta’ l-atleti ta’ llum. U dawk ta’ llum se jkunu l-idolu ta’ warajhom. Ir-rekords damu xi 15-il sena għandi.
“Lil Charlene niftakarha għadha tibda. Minn ta’ età żgħira dehret li se tkun b’saħħitha ħafna. U għandha gazz kbir ukoll. Hija atleta determinata u nemmen li għandha l-mentalità li kelli jien li ma nħalli lil ħadd jgħaddini. Minn meta kienet żgħira kienet turi li għandha xi ħaġa aktar mill-kumplament. Ma jiddispjaċini xejn li kellha tkun hi li tiksirli r-rekords.”
“Niftakar ukoll lil Darren Gilford. Kien jagħmel il-long jump. Darba qalli li jibża’ minni. Jien kont niġri ma’ l-irġiel biex inkun nista’ ntejjeb il-ħin u darba qalli li jibża’ li ngħaddih u jaqa’ għaċ-ċajt. Illum anqas noħlomha li ntellaqlu.”
Nitkellem magħha fuq l-aktar mumenti sbieħ u koroh fil-karriera tagħha. Deirdre ma taħbix il-fatt li semmili l-aktar mument kiefer f’ħajjitha.
“L-ikbar diżillużjoni kienet meta kellna lill-kowċ Taljan Donato Sabia u taħtu kont għamilt ir-rekord ta’ 12.16 sekondi fil-100 metru fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar f’San Marino. Fil-finali tal-100 metru kont ġejt fit-tielet post eżatt ma’ l-atleta Ċiprijotta. Tawna wkoll l-istess ħin. Domna xi nofs siegħa nistennew ir-rizultat finali tat-tellieqa u ma nafx x’inhi r-raġuni kif lilha tawha t-tielet post u lili tawni r-raba’ post. Kont ksirt rekord nazzjonali fl-istess tellieqa u ma ħadtx midalja. Kien l-ikbar diżappunt tal-karriera. Jumejn wara ġrejt il-200 metru u rbaħt il-Midalja tal-Fidda u pattejt xi ftit għad-diżappunt.
“L-iktar mument sabiħ kien meta mxejt l-ewwel waħda wara l-bandiera Maltija fil-Logħob Olimpiku ta’ Barċellona fl-1992. Li jkun stadium mimli nies u tkun parti minn kontinġent ta’ seba’ atleti biss kienet xi ħaġa immensa għalija.
“F’dawk il-logħob kelli biss 19-il sena u meta tqis li ikkompetejt fl-ogħla livelli ta’ l-atletika mondjali kienet esperjenza li ma ninsiha qatt. Fil-ħin liberu konna mmorru nieklu ma’ tennisti ta’ fama mondjali bħal Chang u Isanisevic. Konna noqogħdu fl-Olimpic Village u allura dawn in-nies ta’ fama mondjali kienu kollha viċin tiegħi f’dawn il-jiem li nqishom bħala speċjali f’ħajti.”
Wara karriera tant twila u ta’ suċċess nistaqsiha jekk b’xi mod nistgħux nerġgħu narawha fit-track bħala atleta jew xi ħaġa oħra.
“Issa le. Biex nikkompeti żgur li le imma ma naħbix il-fatt jekk ngħidlek li meta jikbru t-tfal tkun idea tajba jekk nerġa’ nibda b’xi mod fl-atletika. Li hu żgur hu li rrid nagħmel kors tal-coaching għax qatt ma tħajjart nagħmlu. Pero’ ngħidlek li iva, nixtieq nagħti xi ħaġa lura. Kif u meta ma nafx imma probabbilment dan nista’ nagħmlu permezz tal-coaching.”
Deirdre tgħidli li tħossha fortunata li permezz ta’ l-atletika daret id-dinja. Tgħidli li kienet fortunata li ltaqet ma’ l-atleta Marlene Ottey li ammirat minn ta’ età żgħira.
“Kull tip ta’ sport huwa tajjeb kemm għal ġisem u anki l-moħħ. Jien kont fortunata ħafna għax irrappreżentajt lil Malta għal ħafna snin u bis-saħħa t’hekk dort id-dinja.
“L-isport għamilni popolari ħafna u nammetti li għadni sa llum insib nies li jassoċċjawni ma’ l-atletika. Ma jdejqunix għax baqgħu jagħrfuni. Anzi nazzarda ngħid li nħossni onorata li dak kollu li rbaħt għadni rikonoxxuta għalih sal-ġurnata ta’ llum.
“Minn dejjem kont nammira lil Marlene Ottey. Bħala atleta naraha eleganti ħafna. Għamlet affarijiet kbar fl-atletika. Iltqajt magħha imma qatt ma nzertajt fl-istess tiġrija magħha. Bħala atleta maskili minn dejjem għoġobni ħafna Carl Lewis iżda qatt ma ltqajt miegħu. Rajtu jitħarreġ u jiġri mill-bogħod u minn fuq it-televiżjoni imma qatt ma kelli x-xorti li niltaqa’ miegħu.”
Fl-aħħarnett Deirdre tirringrazzja lil dawk li tul ħajjitha kienu ta’ għajnuna u appoġġ kontinwu.
“Godwin Zammit kien il-kowċ tiegħi għal xi 11-il sena u kien hu li għeni l-aktar biex ħriġt it-talent kollu li kelli fl-atletika. F’ħajti dejjem sibt l-appoġġ mingħand il-ġenituri tiegħi, l-aktar minn naħa ta’ ommi li kienet twassalni kuljum għat-taħriġ. Ġieli ħallast jien biex immur nikkompeti u hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax lil missieri għal dawn is-sagrifiċċji li kien jagħmel għalija. Imbagħad ma nistax ninsa lir-raġel għax wara li żżewwiġna xorta baqa’ jissaportjani biex insiefer u nkompli fl-isport li tant inħobb.”

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan