Carmelo Mifsud Bonnici | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Il-pajjiż tagħna mexa sew ’l quddiem. Dan il-progress ġie reġistrat mertu tad-diversi miżuri u liġijiet li l-Gvernijiet ta’ dawn l-aħħar snin ħadu.
B’mod partikolari, il-leġislatura li għaddiet sarrfet f’abbundanza ta’ dawn il-passi. Żgur mhux forsi li parti mill-poplu ġieb ukoll quddiem għajnejh li ma kienx immexxi minn persuni li telqu r-riedni jew li tilfu l-ideat ġodda jew li spiċċatilhom il-ħeġġa li jibdlu. Meta deher fil-laqgħat pubbliċi, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qiegħed ukoll iżomm warajh diversi minna li ħadna u tajna sehem attiv.
Il-ħames snin li għaddew ma kinux faċli: kienu kompletament għat-telgħa għax ridna nħaddmu l-mekkaniżmi ta’ l-Unjoni Ewropea fl-istrutturi li kellna u indirizzati lejn elettorat li kien qed jiġi mistieden jimxi f’toroq differenti minn dawk li mexa qabel fihom.
Fortunatament dan kollu rnexxielna naqbżuh u l-pajjiż ta mandat ġdid lil dan il-mexxej li bid-determinazzjoni u l-perseveranza tiegħu ipperswada. Kienu l-fatti, kien il-mod ta’ kif aġixxa, li sarraf f’din il-bidla fl-opinjoni. Ir-riżultat huwa li dan in-nazzjon ried li l-bidla li kien qiegħed jirċievi tkompli; anzi, f’mumenti kien iktar ċar li ried ukoll li taċċellera ruħha.
Fortunatament għalina, f’din s-soċjetà ser tkompli tirrenja l-paċi u l-istabbiltà. Elementi essenzjali għad-demokrazija tagħna. Punti determinanti għax huma jistgħu jkomplu jkabbru l-ekonomija, il-ġustizzja soċjali u dak kollu li huwa tajjeb fina. Kien il-mument determinanti li fih stajna mmorru lura jew li fih nistgħu nimxu ’l quddiem. Il-pajjiż hekk għażel u naħseb li fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ għamel iktar milli tajjeb. Preparati sabiex insarrfu dik il-fiduċja f’ħidma iktar fonda u fejjieda.
Kelli x-xorti u l-opportunità li fil-leġislatura li għaddiet naħdem fuq is-settur xejn faċli tal-Ġustizzja. Nammetti li kellna ħafna impenn u b’xi mod irnexxielna nċaqilqu ’l quddiem dak li kien jidher li qed jistenna s-snin sabiex jimxi. Però hemm ħafna u ħafna aktar x’jista’ jsir. Dan ma jaqtax il-qalb, anzi jkompli jissudana fil-bżonn ta’ riforma intelliġenti u li hija sostenibbli fis-sistema legali tagħna. Biex dan jkun jista’ jsir hemm bżonn il-parteċipazzjoni ta’ kulmin huwa nvolut b’mod dirett fl-operat ta’ kull ġurnata fl-awli tal-Qrati Maltin u Għawdxin.
Għax żgur u mhux forsi iktar ma jkun hemm parteċipazzjoni diretta u attiva minn dawk li jridu jużaw l-għodda legali aktar aħjar. Naf li mhux kull persuna tkun dejjem konvinta minn dak li jiġi fis-seħħ, però, maż-żmien ikkonvinċejna ħafna iktar sabiex jaċċettaw li hemm il-bżonn ta’ riforma fis-settur ġudizzjarju.
Il-kultura legali hija l-iktar diffiċli biex tibdel, żgur mhux forsi. Anzi tara li ħafna drabi l-bidliet leġislattivi ma jkunux dejjem interpretati fl-ispirtu l-ġdid imma jibqgħu jiġu ikkunsidrati fid-dimensjonijiet l-antiki. Però naħseb li f’dawn l-aħħar snin daħħalna mentalità differenti li fl-aħħar tal-ġurnata għamlet effett pożittiv. Għax il-pajjiż u l-poplu qiegħed aktar minn qabel jippretendi li kull settur jagħti servizz iktar malajr milli kien qabel. Dan ifisser li wieħed irid jissoda l-istrutturi billi jieħu ħsieb li jirranka aktar b’mod qawwi sabiex il-kawżi fil-kamp penali u ċivili ma jdumux.
Il-ħames snin li għaddew irreġistrajna tnaqqis sostanzjali tal-kawżi ċivili pendenti tant li dawn niżlu b’26%. Mhux biss, imma tnaqqas relattivament ukoll iż-żmien li kawża ddum pendenti. Fil-fatt mill-analiżi ta’ l-istatistika jirriżulta wkoll li l-kawżi li ilhom biss tliet snin jew inqas telgħu minn 30 fil-mija għal 51 fil-mija.
Dan huwa tajjeb iżda fuqu wieħed jrid ikompli jibni. Settur li għandu bżonn iktar attenzjoni huwa dak tal-kamp penali. Hemm għad għandna dewmien li ma jkunx neċessarjament raġonevoli li jrid jiġi indirizzat ukoll. Naħseb li għandna nibdew proċess li nirriformaw dan kollu. Ta’ min jibda jara jekk l-proċess penali kif ġie mgħallem lilna fl-Università tagħna jistax jiġi mtejjeb u mibdul. Ċert li dan ma huwiex faċli anzi, jrid dejjem attenzjoni kbira, imma nemmen li ’l quddiem id-dewmien li daqqa jmur favur min huwa ħati u daqqa kontra min huwa innoċenti rridu nnaqqsuh. Il-pajjiz jistenna minn għandna li neżaminaw dan u nidħlu f’iktar dettall sabiex l-intoppi li għandna fil-proċess kriminali jiġu kemm jista’ jkun eliminati.
Nemmen fl-abbiltajiet legali tagħna. Għandi fiduċja li jekk nagħtu s-sehem sħiħ tagħna lkoll l-pajjiż jara bidliet li fir-realtà għandu bżonn. Proċess kriminali huwa fl-interess tas-soċjetà u ta’ min jiġi akkużat li jintemm malajr kemm jista’ jkun mingħajr ma nitilfu xejn mill-valur tal-ġustizzja. Immexxija fuq l-għarfien tal-bżonn li nirriformaw, nittama li fil-ġimgħat li ġejjin nibdew dan l-process sabiex nindirizzaw din il-problema ukoll. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|