Emmanuel Micallef | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Kif jidhru l-affarijiet il-ħidma Parlamentari f’din il-leġislatura se ddum ma tirranka għax kif żvolġew iċ-ċirkostanzi wara l-Elezzjoni Ġenerali, sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet pendenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-amministrazzjoni pubblika jew Deputati Parlamentari jew ma’ l-Elezzjoni Ġenerali, sakemm isiru l-by-elections u sakemm jinħatar Kap ta’ l-Oppożizzjoni u jiġu appuntati l-ufficcjali fl-amministrazzjoni pubblika, kollox jindika li l-Parlament se jiftaħ f’Gunju. Dan biex wara ftit jiem imbagħad l-istess Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf!
Imbagħad ngħidu kif jgħaddi ż-żmien u kif nispiċċaw elezzjoni u nibdew naħsbu għal oħra apparti li rridu naħsbu wkoll għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u dik tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla.
Nistgħaġbu għalfejn bosta mill-proposti li jressqulna l-Partiti fil-manifesti elettorali jibqgħu biss fuq il-karta. Jekk naħlux ħafna żmien għal xejn ma nistax ngħid għax mill-banda l-oħra kollox irid jieħu ż-żmien tiegħu biex jitwettaq. Naturalment il-Gvern għandu seba’ mitt sena biex ifittex ixammar il-kmiem u jibda’ jwettaq il-programm tiegħu. Probabbilment wara biss xahar mill-vaganzi tas-sajf il-Gvern irid jibda jaħseb għal baġit tas-sena d-dieħla.
L-istess l-Oppożizzjoni trid tfittex issib saqajha u tikkonċentra fuq il-ħidma tagħha għax din ukoll għandha impenn xi twettaq matul din il-leġislatura. Iżda dan kollu jiddependi fuq kemm il-partiti rappreżentati fil-Parlament ifittxu jġibu l-ordni f’darhom, għax wara kull Elezzjoni Ġenerali l-partiti l-kbar jkun jinħtiġilhom iduru dawra magħhom infushom mhux biss biex jagħtu kinsa u tfarfira!
Kulħadd jaf issa li fil-Partit Laburista nbeda dan il-proċess ta’ tiġdid jew tindif. Għad irridu nsiru nafu jekk hux se ssir mesħa fuq fuq jew tbaħbiħa minn fuq s’isfel. Kif tgħid il-mara tad-dar jekk se taqla’ aħjar taqla’ waħda sew iżda hawn min jifhimha li l-fittaġni żejda m’għandniex x’irriduha.
Fil-każ tal-Partit Laburista l-aħjar nirraġunaw bħall-mara tad-dar. Bit-tajjeb kollu li sar u bl-immodernizzar l-Partit baqa’ ma ġabx ir-riżultat u allura hemm bżonn ferm iktar minn mesħa ħafifa. B’ħasla A1 il-Partit se jidher iktar frisk, iktar fuq tiegħu, iktar ifuħ u iktar jattira nies lejh. Dan li għandu bżonn l-MLP. Id-delegati u l-imsieħba tal-Partit dan jafuh tajjeb u għalkemm uħud minnhom jistgħu ma jammettuhx iżda fil-fond ta’ qalbhom jafu li din il-bidla, mhux biss fl-uċuh u fid-dehra imma fil-qalba u s-sustanza, hija meħtieġa llum.
Sa qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali l-Laburisti kellhom tama qawwija li se jirbħu. Kważi għamluha fatta. Ma tlumhomx sa barra għaliex ħafna kienu dawk l-uffiċjali li insistew magħhom li r-rebħa hi ċerta. Uħud mill-partitarji kienu jgħidu kif jista’ jkun li l-partit jibqa’ fl-oppożizzjoni għal kważi 25 sena sħaħ! Oħrajn meta kien jiġihom mument ta’ dubju kienu jaslu biex jgħidu li jekk ma jirbaħx din id-darba għalihom ikun spiċċa l-partit!
Illum wara r-riżultat ta’ l-elezzjoni dawn ġew f’sensihom u qed jirrealizzaw li l-folol fil-Luxol Grounds, li d-diskorsi ta’ rebħa ċerta, li l-kompjuter tagħna qed jagħti figuri differenti ma jġibux ir-rebħa! Bir-raġun jiddispjaċihom u jħossu dwejjaq kbar iżda issa għandhom bżonn min jerġa’ jimlihom bil-kuraġġ u t-tama li jħarsu ’l quddiem iktar milli joqogħdu jibku l-passat. F’dal-kuntest, l-uffiċjali tal-Partit għandhom responsabbiltà kbira fuq spallejhom. Ir-riżultat kien li kien u inutli issa joqogħdu jiġġustifikaw għemilhom u jsibu l-iskużi kollha immaġinabbli biex lil-Laburisti jikkonvinċuhom li huma ma jaħtu xejn.
Daqstant ieħor għandhom piż xi jġorru d-delegati tal-Partit. Sa llum huma biss għandhom id-dritt li bħala rappreżentati ta’ l-imsieħba fil-Partit jiddeċiedu l-futur ta’ l-istess Partit. Iridu jagħżlu jekk il-Partit jibqax taħt id-dell ta’ l-imgħoddi jew jekk jaqbadx rotta ġdida u differenti. Huma d-delegati li jistgħu jkunu l-katalisti tal-bidla u l-qawmien ta’ l-MLP. Huma jridu jiddeċiedu jekk il-Partit jaqbillux li fl-għażla tal-mexxejja tiegħu jieħdu sehem ukoll l-imsieħba. Huma jridu jnaddfu lill-Partit u allura jridu jaraw li ma jħallux min jirreżisti l-bidla minn ġewwa. Iridu jassiguraw li ħadd ma jitlagħlu għal rasu u jaħseb li l-Partit sar proprjetà tiegħu. Ma jridux iħallu lil min għandu pożizzjoni ta’ poter inaqqas is-saħħa li għandhom id-delegati.
Iridu jqumu għall-okkażjoni u ma jħallux min jittrattahom qishom in-ngħaġ ta’ Bendu. Id-delegati diġà bdew jirċievu telefonati minn kandidati jew ħbieb ta’ kandidati li se jikkontestaw għat-tmexxija tal-Partit. Wieħed jifhem li jsir dan il-canvassing iżda d-delegat jrid jifhem li mhux kulmin qed jippreżenta ruħu bħala kandidat hu l-persuna ideali li tokkupa kariga tat-tmexxija fil-Partit.
Id-delegat m’għandux iħares lejn uċuh. Iħares biss lejn l-interess veru tal-Partit. Ifisser li ma jridx jiddeċiedi a bażi ta’ ħbiberija personali, ta’ simpatija, ta’ emozzjoni jew sempliċiment jitfa’ l-vot biex ikun għamel dmiru! Ir-responsabbiltà tiegħu titlob li jinsa lilu nnifsu u jħares lejn il-ġid komuni ta’ dawk kollha li jiffurmaw il-Partit. Il-morr tal-kura jġib il-fejqan u għalhekk id-delegat irid ikun lest li jekk hemm bżonn jixrob minn din il-mistura! Din id-darba d-delegat jrid juża moħħu u mhux qalbu.
Minn issa sal-5 ta’ Gunju, 2008 se jkun iffaċċat minn propaganda, l-iktar minn taħt jew wara l-kwinti, li x’aktarx tpoġġi lill-kandidat qabel il-Partit. Se jisma’ kritika kultant inġusta minn ħbieb ta’ kandidat kontra kandidat ieħor. Se jiġi mġiegħel jaħdem għal blokk kontra ieħor. Se jkun hemm min jipprova jużah għal skopijiet ta’ moħħu. Sa dakinhar mhux se jħalluh bi kwietu u għalhekk id-delegat irid jinjora dan kollu u juża moħħu. Huwa l-Partit li qed isejjaħlu u mhux il-kandidat.
Ngħid dan għax jien għaddejt minnu personalment f’organizzazzjoni kbira wkoll u naf kemm huwa faċli li d-deċiżjoni tad-delegat tinbena fuq l-emozzjoni iktar milli fuq il-ħsieb. Naf kif kandidat jista’ jurik id-debba u jagħtik il-ħmara. Tgħallimt kif f’ċirkostanzi bħal dawn hemm min ma jiddistingwix bejn il-personali u l-professjonali; bejn is-sens ta’ servizz u l-kisba tal-poter; bejn l-interess ta’ l-organizzazzjoni u l-kilba għas-siġġu.
Il-Partit Laburista għandu bżonn mexxej li għandu l-ħiliet kollha biex iwassal lill-Partit jirbaħ l-Elezzjoni Generali. Mexxej li kapaċi jgħaqqad lill-Partit biex ikun kapaċi jgħaqqad lill-poplu meta jkun fil-Gvern. Mexxej li jkun kapaċi jattira l-fiduċja fit-tmexxija tiegħu anke minn min ma jaqbilx ma’ l-ideoloġija politika li jħaddan. Mexxej li jħares ’il barra mill-kwartieri tal-Partit.
Huma d-delegati li għandhom ir-responsabbiltà li jagħmlu dak kollu possibbli nkluż li jibdlu l-istatut, jibdlu l-amministrazzjoni, jibdlu l-istrutturi, jibdlu l-policies biex jerġgħu jagħtu lill-poplu Partit Laburista dehen li jkun Gvern alternattiv fil-leġislatura li jmiss. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|