Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
FIL-PARTIT
Favurih
George Vella
L-appoġġ ta’ l-eks deputat mexxej George Vella għal Muscat hu kruċjali. Vella hu maħbub u rispettat ħafna fil-Partit u jista’ jinfluwenza l-vot tad-delegati, speċjalment fin-nofsinhar.
Żgħażagħ
Muscat igawdi appoġġ qawwi fost iż-żgħażagħ li jimmilitaw f’diversi strutturi tal-Partit. Apparti li dan l-appoġġ jista’ jirrifletti ruħu f’vot għal Muscat mid-delegati li għadhom żgħar fl-età, jista’ wkoll iwassal biex il-25 delegat tal-Forum Żgħażagħ Laburisti wkoll jixħtu l-preferenza favurih.
Joe Mizzi
Muscat għandu wkoll l-appoġġ tal-Whip tal-Partit li jservi ta’ pont importanti għall-Grupp Parlamentari.
Suċċess fl-2004
B’36,958 vot fl-ewwel għadd ta’ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, Muscat kien l-iktar kandidat Laburista li ġab voti u t-tieni l-iktar li ġab wara Simon Busuttil. Dan is-suċċess personali jista’ jinżel għasel mad-delegati li jixtiequ jaraw lil xi ħadd rebbieħ.
Żjarat Brussell
Bħala parti mill-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew Muscat tul dawn l-aħħar erba’ snin tella’ Brussell lil ħafna sindki, kunsilliera u membri tal-kumitati distrettwali tal-Partit Laburista. F’dawn iż-żjarat, fejn kollox ikun imħallas, Muscat għamel kuntatti tajbin ħafna mal-għeruq tal-partit.
Kontrieh
Viċin Sant
Muscat iġorr it-timbru li hu ‘poodle’ ta’ Alfred Sant għax kien viċin ħafna ta’ l-eks mexxej Laburista. Il-biża’ tad-delegati tista’ tkun li b’Muscat jista’ ma jinbidel xejn fl-istrutturi l-oħra tal-Partit.
L-età
Id-delegati ta’ llum ma jiftakrux lil Dom Mintoff jieħu r-riedni tal-partit f’idejh fl-età ta’ 33 sena lura fl-1949. Muscat għandu 34 sena u jista’ jitqies mid-delegati bħala żgħir wisq u mingħar esperjenza meta jidħol għall-battalja kontra l-avversarji politiċi mmexxija minn Lawrence Gonzi.
Ġenerazzjoni ġdida
Muscat mhux parti minn dik il-ġenerazzjoni ta’ Laburisti li għexu s-Sebgħinijiet u t-Tmeninijiet u għalhekk għal xi wħud jista’ ma jfissirx kontinwità mal-passat militanti u Soċjalista.
BARRA L-PARTIT
Favurih
Kredenzjali Ewropej
Bil-ħidma effettiva fil-Parlament Ewropew u l-għarfien tiegħu ta’ kif taħdem l-Unjoni Ewropea Muscat hu l-iktar kandidat bi kredenzjali Ewropej u għalhekk bih fit-tmun tal-Partit jitwarrab għal kollox id-dubju dwar l-isħubija ta’ Malta fl-UE jekk l-MLP ikun fil-Gvern.
Ġenerazzjoni ġdida
Muscat jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta’ diriġenti Laburisti li mhumiex marbutin mal-passat Mintoffjan. M’għandux irbit mal-vjolenza tat-Tmeninijiet u ma kellu l-ebda pożizzjoni ta’ poter bejn l-1996 u l-1998. Għalhekk jista’ joffri serħan il-moħħ lil min bata jew mar ħażin taħt gvernijiet Laburisti.
Self-Employed
Imrobbi f’familja ta’ self employed, Muscat jista’ jifhem iktar l-aspirazzjonijiet tas-self-employed u l-lingwaġġ tagħhom, settur fejn il-Partit Laburista jbati ħafna.
Internet
Muscat mhux biss jagħraf l-importanza ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni imma jifhem il-linwaġġ ta’ l-internet għax mhux maqtugħ minn din ir-realtà moderna. Kien mexxa b’suċċess is-sit tal-MLP maltastar.com mit-twaqqif tiegħu fl-2001 sa meta tela’ fil-Parlament Ewropew fl-2004. Għandu wkoll sit personali tiegħu aġġornat.
Kariżmatiku
Għalkemm qatt ma rajna lil Muscat jindirizza mass meeting, hu bniedem kariżmatiku li jaf juża l-media u fuq it-televiżjoni joħroġ tajjeb ħafna.
Kontrieh
L-età
Ħames snin oħra Muscat ikollu biss 39 sena li jista’ jqanqal mistoqsijiet f’moħħ l-elettorat dwar l-esperjenza u l-maturità tiegħu meta mqabbel ma’ Gonzi.
Prużuntuż
Il-kumment li ta Muscat lis-Sunday Times li lest ikun Prim Ministru Laburista ta’ 39 sena seta’ darras lil xi nies għax rawh prużuntus meta għadu jrid jilħaq mexxej tal-partit.
Ktieb ta’ skandli
Muscat ippubblika l-ktieb ‘Roberto Memmo: l-iskandlu ta’ Chambray’, li kien jitkellem dwar diversi skandli tal-PN fosthom il-proġett ta’ Chambray. Muscat saħansitra tilef libell fuq il-kontenut ta’ dak il-ktieb, xi ħaġa li tista’ titqajjem f’nofs kampanja elettorali. |