Ittri | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Minn Dolores Mallia,
Mosta
Segwejt dak li kellu xi jgħid l-avukat Wenzu Mintof dwar xi wħud mill-punti li għenu biex il-Partit Laburista jsofri minn telfa fl-elezzjonijet ġenerali tat-8 ta’ Marzu.
Tajjeb li jingħad li l-post mortem jagħmilha xi ħadd fuq ħaddieħor u ma tistax tagħmilha fuqek innifsek.
Kien validu għalhekk Wenzu Mintoff fil-post mortem tiegħu. Għal dan jien naqbel mija fil-mija miegħu dwar is-sintomi li wasslu għat-telfa.
Iżda għal xi raġuni Wenzu Mintoff naqas li jsemmi l-media tal-Partit li kellu l-aktar rwol importanti fl-elezzjonijiet li għaddew u li naqset li twassal il-messaġġ tagħha fl-irkejjen kollha u l-kantunieri tad-djar u l-lokalitajiet ta’ madwar Malta u Għawdex kollu.
Forsi għax l-istess Wenzu Mintoff kien jifforma parti minn din l-istess media?
Qabel ma nibdew inwaħħlu f’dik il-media opposta, li wkoll kellha l-irwol tagħha x’taqdi, tajjeb li qabel xejn induru dawra madwarna u nistaqsu lilna nfusna jekk dan hux l-aħjar mod li din tkompli titmexxa u minn min.
U dan fejn tidħol il-media mismugħa, dik viżiva u l-oħra stampata, fejn dawn kollha jinsabu fi stat ta’ monopolju, u ħadd m’għandu xi ċans li jinfiltra fiha, jekk mhux b’xi imbuttatura.
Ngħidu li l-media tal-Partit tinsab fl-ewwel post fis-surveys li jsiru però żġur li r-riżultati politiċi ma ġabithomx.
Fi programm tar-radju simili għal dawk li jsiru minn Wenzu Mintoff in-nies kienet stmata ta’ dubbien. Minflok dawn wasslu l-messaġġ tagħhom, pjuttost nisslu ċerta korla fil-konfront tal-preżentaturi tagħhom.
F’dawn il-programmi n-nies riedet tesprimi l-weġgħat u d-dwejjaq tagħha, l-inġustizzja, id-diskriminazzjoni u l-vittimizzazzjoni.
Però din ma tħallietx tagħmel dan għax il-preżentatur jew kien jieħu l-ħin kollu hu, jew inkella taparsi jġib xi mistieden biex jinduttrina lis-semmiegħa.
Iva, il-preżentatuturi ta’ dawn il-prgrammi riedu li jkunu huma li jgħidu x’qed iħossu n-nies u mhux l-istess imġarrba. Għax dan jiġu fgati u maħnuqa minn leħnu.
Dawn il-preżentaturi ġieli kellhom opinjoni opposta minn dawk li ċemplulhom imma raw kif għamlu u ippruvaw idaħħlu intortament lill-istess semmiegħa fihom.
L-istess jista’ jingħad għax-xandir viżiv fejn fil-programmi politiċi suppost jitwassal il-messaġġ bihom. Dawn dejjem iduru fuq l-istess swaba’, bl-istess preżentaturi u dejjem bl-istess mistednin. Jekk ifettilek tiġbed l-attenzjoni għal dan tiġi injorat totalment.
Fil-ġurnal imsejjaħ Il-Leħen tal-Partit Laburista ukoll jinħass in-nuqqas ta’ dik il-ħaġa mexxejja li timla b’nifs qawwi lil dawk kollha li jsegwu l-politika Xellugija permezz ta’ dan il-ġurnal.
Ma nistax nifhem kif ċerti deputati li jikkorrispondu b’kitbiethom fuq dan il-ġurnal, minflok ma jwasslu l-messaġġ tal-Partit, erħilhom jaqsmu mal-qarrejja dwar kemm kien tajjeb l-istuffat tal-fenek u l-inbid f’ikla li kellhom mal-ħbieb.
Tgħid l-Avukat Mintoff ma riedx jirfes kallijiet, jew ma riedx jigdem l-id li jrid jiekol minnha biex żamm is-skiet tiegħu dwar il-media tal-Partit Laburista?
Nemmen li fil-Partit Laburista hemm riżorsi umani biżżejjed sabiex bihom titwettaq strateġija ġdida li tkun kapaċi biżżejjed li tikkonfronta kull maltemp u ostakli oħra sabiex tasal fejn għandha tasal bid-determinazzjoni tagħha u tieħu f’idejha dak li jkun immirat għalih.
Għalissa, min għandu bżonn jistrieħ, għandu wkoll jingħata spazju biex ikun jista’ jagħmel dan.
Nota Editorjali:
Il-korrispondenta bagħtet din l-ittra wkoll personalment lil Wenzu Mintoff li talabna nġibu l-kjarifika ta’ hawn taħt bħala tweġiba għal xi punti li tqajmu mill-korrispondenta.
Wenzu Mintoff jgħid: Nixtieq nippreċiża li kontra dak li hemm allegat fl-ittra, jien qatt ma rċevejt ħlas għal dawn il-programmi. Anzi ħlejt ħin, petrol u rriskjajt il-familja biex għamilt dawn il-programmi.
Barra minn hekk nixtieq nagħmilha ċara wkoll li mhux veru li qatt ittrattajt lil xi ħadd ta’ ‘dubbien’. Anzi dejjem imxejt b’kortesija kbira. Fil-ftit okkażjonijiet li qtajt it-telefonati kienu minħabba kwistjonijiet ta’ libelli jew diċenza jew xi ‘ereżija’. Dejjem ittrattajt lis-semmiegħa b’rispett u b’kortesija.” |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|