MediaToday

Ittri | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Il-kaċċaturi u n-nassaba u d-direttivi tal-UE

Minn Mark R. Mifsud,
Iklin

Nhar il-Ħadd 2 ta’ Marzu, ftit jiem biss ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali, l-President ta’ l-F.K.N.K, Lino Farrugia għamel meeting ir-Rabat Malta. M’ għandniex xi ngħidu għal dan il-meeting attendew mijiet ta’ kaċċaturi u nassaba li flimkien kienu jidhru bħala qawwa formidabbli.
Waqt il-meeting uħud mill-kaċċaturi u n-nassaba preżenti libsu t-shirts magħmula apposta bil-kliem: ‘Il-Kaċċa u l-Insib Ħajti’, xhieda ċara ta’ kemm għad hawn imħuħ magħluqa f’ pajjiżna.
Għaliex sar dan il-meeting? X’iridu l-kaċċaturi u n-nassaba? Forsi wħud minnkom jafu u oħrajn le li dawn in-nies qegħdin jiffaċċaw problema kbira quddiem wiċċhom għall-hekk imsejħa ‘delizzji’ tagħhom.
Dan għax skond id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea l-kaċċa fir-rebbiegħa kellha tinqata’ għal kollox sas-sena li għaddiet filwaqt li l-insib għall-għasafar kollha tal-għana għandu jinqata’ għal kollox sa tmiem din is-sena.
Ovvjament dawn huma żewġ aħbarijiet tajbin għalina l-ambjentalisti. Iżda kif intom tistgħu tobsru għall-kaċċaturi u n-nassaba dawn huma żewġ aħbarijiet koroh ferm.
Iżda tgħiduli: il-għala l-Unjoni Ewropea trid li l-kaċċa fl-istaġun tar-rebbiegħa tinqata’ filwaqt li tibqa’ dik tal-ħarifa? Ir-raġuni hija din: bħalissa miljuni ta’ għasafar li jkunu qattgħu l-istaġun kiesaħ tax-xitwa ġewwa l-Afrika jibdew jaħsbu biex ma’ tmiem dan l-istaġun jerġgħu jitilgħu lura lejn l-Ewropa. Dan l-għasafar jagħmluh għal żewġ raġunijiet ewlenin: l-ewwel hija li bħalissa fl-Ewropa t-temperatura tkun reġgħet bdiet tisħon u t-tieni raġuni, u l-aktar waħda importanti, hija li peress li fir-rebbiegħa t-temperatura tkun saħnet sewwa l-għasafar jibdew jaħsbu biex jibnu l-bejta jew bejtiet tagħhom u għaldaqstant jagħtu bidu għal ġenerazzjoni ġdida ta’ għasafar.
Iżda pajjiżna fiex jidħol f’ dan il-fenomenu hekk sabiħ tan-natura? Huma u telgħin lura mill-kontinent Afrikan bosta għasafar tal-passa jieqfu f’Malta biex jistrieħu u xi wħud bħall-ħuttaf u l-gamiem saħansitra jitħajru jbejtu.
Iżda sfortunatament ftit li xejn jirnexxielhom u dan kif tistgħu tobsru huwa kollu ħtija tal-kaċċaturi. Għalhekk l-Unjoni Ewropea trid li l-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf għal kollox u ovvjament din id-direttiva ma tantx tinżel tajjeb mall-kaċċaturi.
Fid-diskors tiegħu Lino Farrugia qal lill-kaċċaturi li jekk l-Unjoni Ewopea tiddeċiedi li l-kaċċa fir-rebbiegħa tinqata’ għal kollox minn pajjiżna, huwa ma kienx ser jibqa’ jħeġġeġ lill-kaċċaturi u n-nassaba biex jibqgħu josservaw il-Liġi.
Bħalissa l-kaċċaturi legalment jistgħu jisparaw fuq żewġ speċi biss ta’ għasafar u dawn huma l-gamiem u s-summien. Mill-bqija l-għasafar l-oħra kollha li jew huma residenti bħall-għasfur tal-bejt jew li jpassu bħat-tajr tal-priża huma kollha protetti mil-Liġi.
Iżda kif forsi diġà tafu din mhix ir-realtà ta’ pajjiżna: fil-verità ta’ kull sena jinqatlu eluf ta’ għasafar protetti bħall-gallini, qerd in-naħal, daqquq tat-toppu u bosta oħrajn.
Pereżempju nafu fiċ-ċert li numru kbir ta’ gawwi, tajra tal-baħar li fl-istaġun tax-xitwa hija komuni, qiegħed jinqatel mingħajr biss ma jingħata ċ-ċans li jasal qrib ix-xtut tagħna.
Iżda nerġgħu niġu għad-diskors tal-President ta’ l-F.K.N.K. Fl-ebda ħin waqt il-meeting Lino Farrugia m’għamel aċċenn għall-att barbaru li wettqu numru mhux ħażin ta’ kaċċaturi fuq vetturi privati ta’ membri tal-Birdlife Malta, li nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar marru fil-masġar suppost protett tal-Buskett sabiex jaqbdu u jirringjaw xi għasafar.
Barra minn hekk is-sena li għaddiet waqt wieħed mill-programmi ta’ Bondi Plus li kien jittratta s-suġġett tal-kaċċa u l-insib, Farrugia qal li l-Gvern jista’ jiftaħ diskussjonijiet ma’ l-Unjoni Ewropea sabiex f’Malta u Għawdex tkun tista’ tiġi applikata deroga bil-għan li l-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’ tiġi prattikata. Kemm dan huwa veru ma nafx iżda nittama li dan qatt ma jseħħ.
Ma rridx nieħu fit-tul wisq sabiex ma ndejjaqkomx iżda nagħlaq billi nagħmel xi punti żgħar. Issa li għaddiet l-elezzjoni ġenerali u l-Partit Nazzjonalista rega’ ngħata l-poter mill-maġġoranza tal-poplu biex jiggverna għall-ħames snin li ġejjin, nittama li ma jkollniex xi sorpriżi.
Il-Perit George Pullicino, li issa reġa’ nħatar Ministru ta’ l-Ambjent, għandu f’idejh responsabbiltà kbira.
Nispera li mill-21 ta’ Marzu ta’ din is-sena stess il-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa nqatgħu u mhux jiġri bħalma ġara s-sena li għaddiet, fejn il-kaċċa twaqqfet wara li xi nies irresponsabbli kisru l-Liġi u allegatament qatlu xi kuċċard. Jekk tistax tiġi applikata deroga jew le sinċerament ma nafx, imma jekk ikun hemm xi possibbiltà li din tkun applikata l-Ministru konċernat għandu jara li dan ma jsirx.
Għalkemm f’pajjiżna hawn numru mhux ħażin ta’ kaċċaturi u nassaba dawn m’ għandhomx ibeżżgħu lill-poplu għas-sempliċi raġuni li għandhom il-permess li jġorru s-senter u għaldaqstant huma wkoll għandhom jobdu d-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea bħalma jagħmel kull ċittadin ieħor Malti u Għawdxi.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan