MediaToday

Ittri | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Delegati jew tesserati ?

Minn James Piscopo,
Marsaskala

Min għandu jivvota għall- mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista? Id-delegati biss jew it-tesserati wkoll?
Din hi l-mistoqsija li qiegħda tiddomina l-fażi bikrija tal-kampanja għall-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Nazzarda ngħid li kulmin għandu għal qalbu l-interessi ġenwini tal-Partit Laburista, b’xi mod jew ieħor iddiskuta l-validità jew le ta’ din il-mistoqsija. Hi mistoqsija li mhux lakemm wieħed jaqbad u jirrispondi għaliha bla ma jifli sew x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet.
Imma, qabel kollox, min huma d-delegati? Huma nies li ħafna minnhom iqattgħu parti sostanzjali mill-ħin liberu tagħhom jaħdmu, min fi sfera min f’oħra, għall-interess tal-Partit. Effettivament dawn huma nies li jew ikunu jiffurmaw parti mill-kumitati lokali u/jew distrettwali, jew persuni innominati mill-fergħat jew il-fondazzjonijiet tal-Partit. Jiġifieri huma nies li huma midħla sew ta l-istrutturi tal-Partit u ħafna minnhom ikunu jafu sew il-Partit kif jaħdem. Huma nies li l-interess tagħhom huwa l-interess tal-Partit, xejn aktar u xejn anqas.
U kif wara kollox jixhed it-titlu, id-delegat huwa persuna li tkun fdata u għalhekk mgħobbija bir-responsabbiltà minn grupp ta’ nies ħafna aktar imdaqqas, liema responsabbiltà mbagħad id-delegat jeżerċita b’vot jew parteċipazzjoni fil-Konferenza Generali tal-Partit.
Id-delegat, allura, suppost li jkun qed jaġixxi fl-interess anke ta’ min eliġġieh u mhux biss fl-interess personali. Nieħdu eżempju l-presidenti tal-kumitati li jkunu wkoll delegati. Dawn ikunu qegħdin jaġixxu anke fl-interess tal-membri li jkunu eleġġewhom rispettivament fil-lokal tagħhom.
Mill-banda l-oħra, iżda, min hu tesserat? Jew aħjar, min jista’ jkun tesserat? Sempliċi: kullħadd, jew kważi. Tneħħi xi ftit eċċezzjonijiet tekniċi żgħar, kulħadd jista’ jkun tesserat. Kulmin juri x-xewqa u lest li jħallas miżata żgħira! Daqshekk sempliċi: wieħed iħallas u jsir tesserat!
U hawnhekk kollox. Għax filwaqt li d-delegati huma midħla sew tal-Partit u responsabbli lejn min eleġġihom, it-tesserat jista’ jkun diżinteressat mill-Partit illum, l-għada jsir tesserat u jerġa’ jitlef kompletament l-interess il-pitgħada! B’daqshekk ma nħossx li qed nirredikola jew nonqos mir-rispett lejn kulmin hu tesserat, iżda sempliċiment qiegħed nagħmel paragun loġiku u nġib għall-attenzjoni li fil-fatt kulħadd jista’ jkun tesserat kemm min għandu għal qalbu l-interess ġenwin tal-Partit u anke min m’għandux!
Niltaqa’ ma ħafna tesserati ġenwini li, bħali, m’humiex delegati, u li kieku jixtiequ jivvutaw għall-mexxej tal-Partit. Wieħed ma jistax jagħtihom tort. Qed jaraw quddiemhom ippreżentata opportunità li huma stess jagħmlu parti mill-għazla tal-mexxej tal-Partit.
L-argument li twessa’ l-bażi ta’ l-elettorat biex issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ min eventwalment ikun elett hu argument demokratikament plawsibbli. Iżda għandna nieqfu hemm? Jew għandna naraw aktar fit-tul?
Ejjew nitftakru u nifhmu li l-Partit Nazzjonalista ftit tas-snin ilu mhux biss eleġġa Kap tal-Partit permezz tal-kunsilliera (li huma l-ekwivalenti tad-delagati Laburisti iżda anqas fin- numru) imma eleġġa Prim Ministru mingħajr ma qagħad idur fuq in-nies biex jieħu l-parir demokratiku tagħhom! Tista’ tgħid l-għażla ta’ ftit kunsilliera għażlu Prim Ministru f’isem il-poplu Malti kollu taqbel u ma taqbilx! Jiġifieri meta l-PN jargumenta u jippontifika b’certu mod, wieħed irid jagħrbel sewwa f’liema kuntest u b’liema interess qiegħed jagħmel dan.
Allura għaliex għandu l-MLP jimplimenta din il-kunsiderazzjoni hu issa? Nifhem, għax diġà stqarrejt, il-kredenzjali demokratiċi ta’ din il-proposta, iżda nifhem ukoll li deċizjoni bħal din tista’ tkun mhux biss loġistikament diffiċli fic-cirkostanzi preżenti, iżda possibbilment perikoluża.
M’inix ser nsemmi t-tesserati doppji, li jeżistu, imma nsemmi biss kunsiderazzjoni importanti għall-futur: għandu l-Partit jiftaħ il-bibien beraħ illum u jorbot idu u siequ għal għada? Għandu l-Partit jagħti opportunità tad-deheb lil kulmin ġid ma jixtiqlux, biex f’każ ta’ elezzjoniet oħrajn futuri, anke possibbilment għal karigi oħra, imbagħad isib ma’ wiċċu problema fejn it-tesserati jkunu splodew fin-numru u, f’daqqa waħda, kulħadd isir jinteressah il-Partit Laburista min ġenwinament u min mod ieħor? Għandu l-MLP jieħu l-ħabel illum biex jitgħallaq bih għada?
Filwaqt li nemmen li kulmin qiegħed imexxi ’l quddiem il-proposta li jivvutaw għall-mexxej tal-Partit it-tessarat ukoll qiegħed jagħmel dan għax hekk jaħseb li hu l-interess tal-Partit bħalissa, inħeġġeġ biex ikun hawn aktar il-ħsieb intelliġenti, ir-responsabbiltà u l-kawtela neċessarja, jekk kemm-il darba din il-mistqosija tasal biex tikkonkretizza f’forma ta’ deċiżjoni jew oħra.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan