MediaToday

Intervista | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit

Għandu 57 sena u ftit ’il bogħod mill-Kartanzjan il-Professor Anthony Zammit irnexxielu jitla’ għall-ewwel darba fil-Parlament.
Imma forsi ftit huma dawk li jafu li Zammit fi żmien kien Nazzjonalist.
“Eħe,” tkun it-tweġiba għall-ewwel ftit xotta.
Imbagħad minn taħt il-mustaċċi bajdanin tixref tbissima.
“Jien għadni mmur nara lil Mrs Borg Olivier. Tħobbni ħafna. Fi żmien kont operajtha. Nittrattaha bħala zija tiegħi.”
Imma x’ġiegħlu jbiddel minn partit għall-ieħor?
“Jien fl-1987, ftit wara li ġejt mill-Ġermanja, ivvutajt lill-Partit Nazzjonalist. Imma wara ndunajt li l-Partit Laburista hu l-veru partit tal-qalb. Hu partit sinċier,” iwieġeb filwaqt li bil-mod itaptap idu fuq il-qafas ta’ sidru. “Ħassejtni aktar komdu u at home bil-politika tal-Partit Laburista.”
Mistoqsi jekk hux veru darba prova joħroġ bħala kandidat tal-PN, Anthony Zammit jiċħad.
Iżda kif ħaduha tal-familja issa li tela’ fil-Parlament u ma’ partit oppost għall-fehmiet tagħhom?
Għall-ewwel silenzju. Imbagħad għonqu jdur b’kalma kbira ’l hemm u ’l hawn bħal pendlu.
“Mort kontra l-mewġ. Kien hemm xi kuġini li ċemplu biex jifirħu imma….” U jerġa’ jieqaf.
Ftit wara jgħidli li ommu, li tilifha tliet snin ilu, meta qalilha li kien ħiereġ mal-Partit Laburista kienet ħadet xokk kbir.
“ Meta lil ommi għidtilha li ħiereġ mal-Partit Laburista qaltli: ‘ibni se tħammarli wiċċi’,” ikompli qisu qed jerġa’ jgħix ix-xena.
Imma fil-bagalja tiegħu l-Professur iġorr suċċess personali. Tul dawn l-aħħar snin għamel isem mhux biss għalih iżda anke barra minn xtutna fil-qasam tal-kirurġija.
Għal ħafna li spiċċaw taħt idejh ismu ma kienx ġdid u jaħilfu bih. Imma f’daqqa waħda f’Diċembru seħħ dak li ħadd ma basar u f’temp ta’ xahrejn ismu sploda hekk kif ftit wara l-Milied opera b’suċċess lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għall-marda tal-kanċer.
Kif jiddeskrivi lil Alfred Sant?
“Issa lil Alfred Sant nafu minn ġewwa u minn barra la operajtu minn ġewwa,” jitbissem u ftit sekondi wara jkompli b’pawsa bejn aġġettiv u ieħor. “Alfred Sant hu bniedem veru onest … bniedem sinċier … metikoluż u persuna b’qalb tad-deheb,” iwieġeb fil-pront.
“Tlifna moħħ kbir,” u jieqaf ħesrem.
Kif iħares lejn il-fatt li taħt idejh kellu lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni?
“Tul dawk l-erbat ijiem ta’ qabel ħassejt piż kbir fuqi. Għax minkejja li tkun għamilt ċerti testijiet qabel xorta ma tkunx taf x’se ssib. Imma meta dħalna għall-operazzjoni, le. Dik storja oħra. Għidtilhom, ‘let’s go boys’ u bdejna bil-ħidma tagħna.”
Xi jwieġeb għall-kritika li ssirlu li rikeb fuq il-mewġa ta’ din l-operazzjoni u grazzi għaliha tela’ fil-Parlament?
“Din akkuża malafamanti. Jien ħriġt għall-elezzjoni ħames snin qabel. Mort tajjeb imma ma tlajtx. Eżatt wara dik l-elezzjoni komplejt nara n-nies, qattajt ħafna ħin nagħmel id-door to door u nżur ħafna familji. Il-kampanja tiegħi kompliet tintensifika lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali. Forsi veru ġbidt aktar simpatija tan-nies,” jgħid.
Fil-Ħames Distrett fejn bilkemm resaq lejh bħala kandidat xorta rnexxielu jikseb 1,500 vot.
“Ara kemm operajt nies minn dik iż-żona fi 23 sena! U dejjem irrispettajt lin-nies. Ir-rispett iġib ir-rispett,” iwieġeb.
“Jien qatt ma nqdejt b’din l-operazzjoni. Forsi swietli ta’ ġid fid-duwijiet. Ngħiduha kif inhi, min għandu l-kandidat tiegħu jżomm lilu u lili vvutali t-tieni,” isostni l-Professur Zammit.
Inpoġġilu quddiemu mistoqsija differenti. Gavin Gulia, veteran fil-politika u żiemel b’saħħtu fuq id-distrett li tela’ minnu Zammit, baqa’ l-art minħabba l-voti li naqqarlu. Jimmaġina lil Gulia bi rwol akbar fil-Partit Laburista?
Jitbissem u jgħid: “Jien kont sorpriż li Gavin Gulia ma ħariġx għal bye election fuq is-Sitt Distrett. Ma nafx xi jrid jindika b’dan. Kulħadd għandu x’joffri fil-Partit Laburista. Issa jiddependi x’viżjoni qed jara l-Partit u x’għandu x’joffri hu lill-Partit.”
Nistaqsieh jekk qattx basar li ġejja telfa għall-Partit Laburista. Jgħid li kien fiduċjuż li ġejja rebħa għall-MLP.
“Qatt ma bsart. Għax trid tqis jien kemm nitkellem ma’ nies u kulħadd kien jgħidli li hemm bżonn bidla fil-Gvern. Kien hemm oħrajn Nazzjonalisti li fil-beraħ sostnew li mhux se jivvutaw. Kien hemm ukoll Nazzjonalisti li ġew fuqi u speċifikament qaluli li se jivvutaw lili. Il-feeling kien li ġejja rebħa għall-MLP,” jgħid Zammit.
Imma x’jaħseb li kienu l-fatturi li wasslu għat-telfa?
“Diffiċli tgħid. Naħseb li l-Partit Nazzjonalista beżża’ lill-votant. Il-PN beżża’ lin-nies li l-MLP se joħroġ lil Malta mill-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li qatt ma kien il-każ. Kien hemm il-kwistjoni tar-reception class. Din il-PN ħadha u biegħha bħala ‘repeater class’.”
Il-lista ta’ Anthony Zammit tkompli.
“Kien hemm ukoll il-makakkerija tal-media tal-Partit Nazzjonalista u tal-media hekk imsejħa indipendenti. Kien hemm is-siegħa żejda dakinhar tal-votazzjoni li żgur tefgħet lura lill-Partit Laburista,” jgħid Zammit.
Infakkru li skond Joe Saliba, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, meta intervistat minn din il-gazzetta eżatt wara l-elezzjoni, kien qal li l-Partit Laburista talab li l-votazzjoni tiġi estiża b’siegħa.
Iħares lejja u waqt li jweġibni jibqa’ jagħti b’rasu b’sens ta’ determinazzjoni.
“Mela kien żball tal-MLP!”
Nistaqsih jekk jaqbilx li għandu jkun hemm bidla kbira fil-Partit. Għandu jkun hemm uċuħ ġodda, demm ġdid?
“Jien naħseb li t-trio kien hemm u t-trio tilef. Iva, għandu jkun hemm bidla ta’ kulħadd imma ma naħsibx li għandna nagħmlu reklutaġġ minbarra l-partit,” jargumenta b’referenza ċara għal persuni li snin ilu lebbtu ’l barra mill-MLP.
Lil min qed jappoġġa bħala mexxej ġdid Laburista?
“Diffiċli tgħid. Għadni rrid naħseb fiha. Naqbel żgur li mal-mexxej għandu jkun hemm Deputat Mexxej wieħed u mhux tnejn,” iwieġeb.
Imma għala? Biex ma jkollokx ħafna kaptani?
“Iva,” u bil-mod u bil-kalma kollha li kważi tippnotizzak jerġa’ jagħmel sinjal b’rasu ’l isfel.
“Li hu żgur hu li aħna kburin li aħna Laburisti u għandna nibqgħu kburin. M’aħniex ċittadini tat-tieni klassi. Il-Laburisti huma intelliġenti daqs il-partit l-ieħor, jekk mhux aktar minnhom.
“Qatt ma għajjarna lill-avversarji b’ismijiet ta’ annimali. U l-ħamallaġni kulħadd ra fejn kienet fil-kampanja elettorali,” jargumenta b’referenza għal ċerti xeni ta’ partitarji Nazzjonalisti.
Nerġa’ nipprova nżellaq il-mistoqsija ta’ min l-aħjar ikun il-mexxej ġdid Laburista. F’daqqa waħda jagħtini l-ġenb bis-siġġu u minflok lejja issa jħares lejn l-iskrivanija ta’ quddiemu.
B’idejh jagħmel sett ta’ sinjali biex jispjegali t-teorija tiegħu.
“Għamilt ġurnata naħseb fuqha. Trid tkun taħlita. Hemm bżonn li bħala mexxej ikollok persuna azzettata, b’ċerta maturità fil-ħajja politika. Din għandha tkun imżewġa ma’ wiċċ żagħżugħ. Bit-tnejn, bħala partit, tinfetaħ għal kull faxxa tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.” Ma’ l-aħħar ftit kliem ta’ din is-sentenza jasal b’idu n-naħa l-oħra tal-mejda li kienet tissimbolizza rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Jaqbel li l-għażla tal-mexxej għandha tibqa’ kif inhi jew li għandha titwessa’ l-għażla ta’ min jista’ jivvota?
“Naħseb li jekk titwessa’ jkollok aktar demokrazija. Naqbel li għandhom jivvutaw aktar nies. Ma neskludix il-possibbiltà li wara l-ħatra tal-mexxej ikun hemm diskussjoni interna biex jinbidel l-istatut,” iwieġeb il-Professur.
Anthony Zammit jaħseb li wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jgħid ċar u tond kif jaħsibha dwar suġġetti jaħarqu, fosthom il-koabitazzjoni u d-drittijiet għal persuni gay?
“M’għandi xejn kontra l-koabitazzjoni dment li jkun hemm il-lealtà,” jispjega filwaqt li jaqbel li l-liġijiet għandhom jinbidlu biex jipproteġu liż-żewġ partijiet.
“Naf koppji gay li ilhom 35 sena jgħixu flimkien. Jien naqbel li wara ċertu ammont ta’ snin li tnejn ikunu ilhom jgħixu taħt l-istess saqaf, japplikaw ċerti regolamenti,” jgħid Zammit.
“Il-gruppi ta’ minoranza ħadd ma jħobb joħroġ għonqu għalihom. Jien fuq programm televiżiv fuq Smash tkellimt fuq il-gays. M’għandi xejn kontrihom. Huma nies enjoyable, kultivati u ma niddejjaq xejn inkun fil-kumpanija tagħhom, anzi. Jien open-minded ħafna għall-gruppi ta’ minoranza. Is-saħħa m’għandhiex kuluri,” jgħid.
Hemm min li lill-Professur Zammit jakkużah b’ipokrezija għax filwaqt li jimplikaw li hu gay, jibża’ jiddefendi fil-beraħ temi ta’ gays biex ma jitlifx l-appoġġ tan-nies.
“Jiena persuna sempliċi ħafna. Forsi minħabba l-fatt li nitħallat u ninżel għal-livell ta’ kulħadd… Min jgħid hekk jista’ jkun li jgħid hekk biex jaqla’ l-ħama għax jaf li ċerti faxex mhumiex aċċettati mis-soċjetà,” iwieġeb waqt li wiċċu issa huwa skarnat.
Imbagħad isemmili x’qallu ħabib tiegħu gay meta kien il-Ġermanja.
“Kien qalli: ‘Never say never’,” jgħid Zammit.
Il-Professur jemmen li tul dawn l-aħħar snin Malta tilfet ħafna mill-valuri u hawn jiftaħ fuq realtà oħra soċjali: xebbiet li jispiċċaw irabbu tfal waħedhom barra ż-żwieġ.
“F’dawn l-aħħar 20 sena tlifna l-prinċipji Maltin. Veru morna l-baħar!” isostni Zammit.
“M’għandi xejn kontra s-single mothers. Nemmen li għandna nkomplu ngħinuhom aktar. Imma jekk wieħed jindaga sew isib li ammont kbir ta’ tfal mhux veru ħadd ma jaf min hu missierhom.
“Forsi ħafna mill-każijiet huma tali li jekk dawn il-koppji jkunu identifikati, il-pajjiż jista’ jgħinhom bħala koppja. Wieħed jista’ jgħinhom isolvu l-problemi bejniethom u wkoll billi jsibilhom fejn joqogħdu. Imma kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà għal għemilu,” b’referenza diretta għal ċerti ġuvintur li jibqgħu jġorru bandiera bajda qisu qatt ma kien xejn.
Indawwar l-intervista fuq il-ħin ta’ rilassament. Iħobb l-arti, il-pittura u kollezzjonist ta’ l-artiġġanat u affarijiet antiki. Xi ħaġa li probabbli mxiet fid-demm mill-għeruq tal-familja. Ommu kienet ħarġet minn familja fil-ġojjellerija u ta’ nies li jaħdmu fil-fidda.
“Il-mużika togħġobni ħafna. Kull tip ta’ mużika. Minn klassika sa pop. Jiddependi minn dak li nkun qed nagħmel f’dak il-ħin. Anke waqt operazzjoni erġajna daħħalna l-mużika b’xi radju fl-isfond.”
Imbagħad bla ma nistaqsieh ‘iqerr’ fuq xi ħaġa personali.
“Jien waqt li nkun qed nikkonċentra nagħlaq għajnejja. Ninża’ kompletament mill-ħsejjes ta’ madwari u niffoka fuq dak li nkun qed nagħmel jew fuq dak li jingħad. Mhux darba u tnejn inkun waqt xi laqgħa jew diskussjoni u jaħsbuni li nkun qed nogħnos. Fil-verità inkun qed naħseb.”
Bejni u bejn ruħi jien u mmekkek fil-kurituri ta’ l-Isptar Mater Dei nipprova nifhem din ta’ l-aħħar.
Konvinta li din il-‘qrara’ qalha għax waqt l-intervista ħassu komdu u sinċier. Imma għandi sensazzjoni li jista’ jkun qed jilqa’ minn issa għal xi filmat tiegħu li fil-futur jistgħu jġibuh jimmedita b’għajnejh magħluqa waqt xi dibattitu jaħraq fil-Parlament jew fil-Partit Laburista.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan