MediaToday

IL PUNT - Tonio Borg | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Malta fil-Partnership for Peace

Is-sħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace hija biss ri-attivazzjoni ta’ xi ħaġa li kienet teżisti. F’dawn l-aħħar 10 snin saru żviluppi importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropeja ġabet ’il quddiem konsiderazzjonijiet ġodda li ma kinux jeżistu qabel l-isħubija.
Il-Partnership for Peace mhix alleanza militari; lanqas hi programm ta’ operazzjonijiet militari. Il-PfP hi forma ta’ ftehim mal-pajjiżi tan-NATO dwar programm li jitfassal mill-pajjiż stess li jissieħeb fil-Partnership.
Fil-każ ta’ Malta, dan se jkun l-istess programm li kien hemm fl-1995 u li jinvolvi taħriġ f’oqsma bħal search and rescue, għajnuna umanitarja, ġestjoni ta’ kriżijiet umanitarji u reazzjoni għal diżastri naturali jew kaġunati mill-bniedem.
Huwa proprju għax kull pajjiż ifassal il-programm individwali li jagħżel hu li pajjiżi tradizzjonalment newtrali bħall-Isvizzera, Irlanda, Svezja u Finlandja daħlu fil-PfP.
Fil-każ ta’ l-Isvizzera dan hu pajjiż fejn in-newtralità hi tant magħġuna miegħu li sal-2002 ma kienx membru sħiħ tal-Ġnus Magħquda, iżda fil-PfP daħal fl-1996. X’sens jagħmel għalhekk li Malta ma tisseħibx?
L-iżvantaġġi li nibqgħu barra ħassejnihom f’dawn l-aħħar snin meta f’laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropeja kien qed jiġi mċaħħad lilna l-aċċess għal dokumenti f’materja ta’ difiża, minħabba li dawn joriġinaw min-NATO, kif ukoll ma stajniex nipparteċipaw, għall-istess raġuni, f’dibattiti dwar l-istess materji. In vista tal-fatt li l-UE tipparteċipa f’missjonijiet ta’ Pulizija (mhux militari) eż. fil-Bosnia u fil-Kosovo, kien ħażin għal pajjiżna li jibqa’ sajjem minn ċerta informazzjoni, iktar u iktar jekk fi ħdan l-UE nipparteċipaw f’dawn il-missjonijiet kif diġà nagħmlu fil-Bosnia.
It-tieni nett, l-armata ta’ pajjiż żgħir – teħtieġ iktar minn dak ta’ pajjiż ieħor – li tingħata l-opportunità li timraħ ’il barra minn xtutna, li ma tkunx insulari, u li permezz ta’ tħarriġ, korsijiet, skambju ta’ żjajjar u eżerċizzji konġunti twessa’ l-esperjenzi tagħha. Għalhekk il-FAM laqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li nerġgħu nidħlu fil-PfP.
Kif qal il-Kap Kmandant tal-FAM, il-PfP tgħin ukoll sabiex il-FAM topera aħjar ma’ armati barranin, iktar u iktar meta l-armata tipparteċipa f’missjonijiet umanitarji barra minn Malta.
Dwar il-proċedura ta’ kif applikajna, infakkar li dan hu Gvern elett mill-poplu biex jiggverna. Il-Liġi tagħna tispeċifika l-każijiet meta hemm bżonn intervent Parlamentari sabiex Gvern jieħu deċiżjoni. Din mhix waħda minnhom. Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm bdil ta’ informazzjoni u diskussjoni fil-Parlament dwar dawn id-deċiżjonijiet.
L-urġenza tal-proposta tal-Prim Ministru li nissieħbu fil-PfP, sostnuta mill-Kabinett kollu, ġejja mill-fatt li fl-ewwel ġimgħa ta’ April se jiltaqa’ s-Summit tan-NATO f’Bucharest li beħsiebu japprova r-re-attivazzjoni tas-sħubija ta’ Malta fil-PfP. Ridna wkoll li l-isħubija tagħna tiġi diskussa għaliha waħedha u ma tiġix marbuta ma’ ta’ ħaddieħor.
Bil-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, is-sħubija tar-Russja stess fil-PfP, ir-realtà ġdida ta’ Malta fl-UE u l-vantaġġi ċari li l-FAM jakkwistaw fi sħubija skond programm imfassal minna, juru, fil-fehma tiegħi, li l-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni għal sħubija huma biss rabta nostalġika ma’ l-imgħoddi.
Il-klawsoli kostituzzjonali dwar in-newtralità għandhom projbizzjonijiet speċifiċi bħal pereżempju Malta ma jistax ikollha bażi militari ta’ pajjiż ieħor, ma tistax tkun parti minn alleanza militari.
Iżda fejn tidħol politika in ġenerali m’għandhiex wisq xkiel, iktar u iktar meta bħal fil-PfP pajjiżna jikkopera ma’ pajjiżi oħra fiż-żamma tal-paċi u operazzjonijiet umanitarji. In-newtralità dan tippermettih.
L-isħubija hija konsegwenza naturali ta’ l-iżviluppi f’dawn l-aħħar 12-il sena u tar-realtà ġdida ta’ sħubija f’sens wiesa’ fl-organi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea.

Tonio Borg hu Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan