Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
FIL-PARTIT
Favurih
Lingwaġġ
Falzon jitkellem il-lingwaġġ tad-delegati u l-għeruq tal-Partit u fuq livell personali jista’ jkun konvinċenti.
Lealtà
Minkejja li Falzon ma qabilx li l-Partit kellu jmur għall-elezzjoni fl-1998 wara biss 22 xahar fil-Gvern, kien mexa mar-rieda tad-delegati u baqa’ leali lejn il-Partit f’mument daqstant diffiċli. Dan l-aġir ġibed lejh l-ammirazzjoni tad-delegati.
Uffiċċju elettorali
Falzon hu l-bniedem ikkreditat li bena l-uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista wara l-1992 f’magna li tħabbatha sew man-Nazzjonalisti. Il-ħidma tiegħu f’dan l-uffiċċju tlaqqgħu ma’ ħafna attivisti u għalhekk hemm simpatija kbira għalih f’dak il-livell.
Kontrieh
Parti mit-telfa
Falzon ma jistax jaħrab mill-fatt li hu kien parti mit-tim tat-tmexxija li tilfet l-aħħar elezzjoni. Bil-kontra ta’ Alfred Sant u Charles Mangion hu m’offriex ir-riżenja tiegħu minn Deputat Mexxej.
Il-kwistjoni tas-serp
Anki jekk kienu miċħuda, l-allegazzjonijiet interni li kienu saru fl-2006 kontra Nathalie Attard, l-assistenta ta’ Michael Falzon, fuq il-ħruġ ta’ informazzjoni lill-media tal-PN dwar laqgħa fil-kwartieri tal-MLP ta’ kuntratturi li kienu telgħu Dubai, ma niżlux tajjeb mad-delegati tal-Partit.
L-isplużjoni tar-Rabat
L-aġir ta’ Falzon meta fil-preżenza ta’ Alfred Sant sploda fil-każin tal-MLP fir-Rabat waqt laqgħa għall-attivisti fejn anki akkuża mingħajr ma indika ismijiet lil nies fil-Partit li kienu qed jagħmlulu l-ħsara wkoll ma niżilx tajjeb mad-delegati għax ħassew li d-Deputat Mexxej kien qed jikkommetti suwiċidju politiku għall-partit.
Qatt attakkat mill-PN
Minkejja l-ħruxija tal-kampanja negattiva tal-PN kontra t-tmexxija Laburista, inkluż id-Deputat Mexxej l-ieħor Charles Mangion, Falzon qatt ma kien attakkat mill-avversarji politiċi. Dan il-fenomenu mhux bilfors jinżel tajjeb mad-delegati għax jagħti x’jifhem li l-PN hu komdu ħafna b’Falzon.
BARRA L-PARTIT
Favurih
Irġulija
Il-fatt li Falzon qatt ma kien attakkat mill-PN u l-irġulija li wera fis-sala tal-għadd tal-voti meta mar jieħu b’idejn is-Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba meta kien ċar li l-MLP tilef, poġġewh f’dawl tajjeb ma’ min mhux Laburist.
Suċċessur
Għal ħafna snin Falzon kien meqjus bħala s-suċċessur ta’ Sant. Nies barra l-partit huma psikoloġikament preparati jaraw lil Falzon fit-tmun.
Kredenzjali Ewropej
Falzon mhux identifikat mal-politika tal-partnership. Iktar minn hekk, fl-2004 meta l-MLP kien qed jiddiskuti l-bidla fil-politika dwar l-UE wara t-telfa ta’ l-2003 kien strumentali biex jintlaħaq ftehim bejn it-tmexxija tal-partit u Karmenu Mifsud Bonnici biex dan ta’ l-aħħar jirtira mozzjoni li kien qed jipproponi biex l-MLP jaħdem ħalli Malta toħroġ mill-UE.
Ġenerazzjoni ġdida
Falzon tfaċċa fl-MLP wara l-1992 u għalhekk mhuwiex marbut mal-passat Mintoffjan anki jekk f’diskorsu l-ħin kollu jirreferi għall-passat tal-Partit. Għaldaqstant m’għandux irbit mal-vjolenza tat-Tmeninijiet.
Kontrieh
‘L-iljuni tal-bidla’
Il-kummiedja li għamel waqt il-mass meeting tal-Luxol meta beda jkanta b’mod stunat mal-folla u jiddeskrivi l-partitarji Laburisti bħala ‘iljuni tal-bidla’, ma niżlitx tajjeb ma’ l-elettorat moderat.
Kaċċatur
Il-passjoni personali tiegħu għall-kaċċa u l-perċezzjoni li lest ikun ‘ħanin’ mal-kaċċaturi ma jinżlux tajjeb ma’ l-elettorat li jqisu lill-kaċċaturi bħala bullies.
Dilettant tan-nar
Għal darb’oħra l-passjoni personali tiegħu għal-logħob tan-nar tista’ tkun xkiel ma’ sezzjoni importanti ta’ l-elettorat speċjalment jekk juri li ma jasalx biex jitkellem dwar regolamenti iktar ibsin għas-settur.
Sensittiv għall-kritika
Falzon hu sensittiv ħafna għall-kritika li ssirlu fil-media u għalkemm dejjem kien disponibbli għall-kummenti mhux l-ewwel darba attakka sezzjonijiet ta’ l-Istampa. Bħala mexxej aġir bħal dan ma jinżilx tajjeb ma’ l-elettorat.
Ikompli f’paġna 8 |