Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
FIL-PARTIT
Favurih
Kapaċità
Bartolo hu versatili ħafna tant li f’perjodi differenti kien kelliem ewlieni tal-Partit għall-edukazzjoni, l-affarijiet Ewropej u t-turiżmu. Fost id-delegati mhemmx dubju dwar il-kapaċità tiegħu.
Militant moderat
Għalkemm Bartolo hu moderat u meqjus ħafna fi kliemu mhux wieħed li se tagħmillu l-bżieq fuq imnieħru. Fih il-Laburisti jaraw persuna moderata imma li jaf jeħodha ma’ l-avversarju politiku.
Ħadem fil-media
Bartolo kien editur tal-gazzetta Il-Ħelsien u Kap ta’ l-Aħbarijiet ta’ Super One għal 10 snin sħaħ. Għalhekk jaf tajjeb l-importanza tal-komunikazzjoni f’kull strateġija li jrid ifassal il-partit.
Kontrieh
Viċin Sant
Bartolo kien viċin ħafna ta’ l-eks mexxej Alfred Sant u anki jekk f’dawn l-aħħar ħames snin ma baqax viċin l-istrutturi interni tal-poter għadu jġorr it-timbru li hu ta’ Sant. Kien ukoll il-persuna li qal lil Sant biex jisfida lil Mintoff fl-1998 bil-kliem ‘call his bluff.’
Tilef ma’ Falzon
Fl-2003 fit-tiġrija għall-kariga ta’ Deputat Mexxej Bartolo tilef kontra Michael Falzon u għalhekk m’hemm l-ebda garanzija li d-delegati se jerġgħu jagħtu ċans lil xi ħadd li diġà tilef darba oħra.
Bla xibka
Bartolo ibati fl-istrutturi interni tal-Partit għax m’għandux xibka mifruxa ta’ nies li jaħdmulu u għalhekk jista’ jsib diffikultà biex jilħaq lid-delegati kollha.
BARRA L-PARTIT
Favurih
Pont mal-klassi medja
Il-fatt li Bartolo ġej minn familja Nazzjonalista u dejjem tela’ sparat minn żewġ distretti li tradizzjonalment huma mxaqilbin lejn il-PN jagħmluh pont ideali mal-klassi medja fit-tramuntana tal-pajjiż.
Kariżmatiku
Bartolo hu kariżmatiku, jaf juża l-media u jwassal argumenti kumplikati b’diskors li jinftiehem.
Partnership tilef
F’programm satiriku fuq One TV is-sena li għaddiet Bartolo ammetta li l-partnership tilef ir-referendum ta’ l-2003, pożizzjoni li tiddistingwih minn Alfred Sant.
Kontrieh
Stipendji
Bartolo jibqa’ mfakkar bħala l-Ministru li bejn l-1996 u l-1998 kien ipprova jbiddel is-sistema ta’ l-istipendji, mossa li ġellditu ma’ l-istudenti u żiedet l-antipatija kontra l-MLP fl-Università.
Kenneth Wain
F’waħda mill-ftit drabi fejn Bartolo tilifha, jibqa’ ittimbrat l-attakk li kien għamel kontra l-Professur Kenneth Wain talli qabel l-2003 kien attiv fil-kampanja favur sħubija fl-UE fl-istess waqt li kien jokkupa kariga għolja fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. |