Wenzu Mintoff| 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.
Dakinhar l-Irxoxt ma kellux joħroġ għalija u għal ħafna nies oħra bħali. Minflok kont mort għall-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ta’ Ġieżu, ir-Rabat, u hemm kelli niltaqa’ ma’ ħafna rjus maqtugħa bħal tiegħi.
Din is-sena la għamilt wegħdi u wisq inqas imħatri. Imma li kieku kollox mar sew naħseb illum xorta waħda kont nisbaħ Bormla u nintasab taħt l-Irxoxt li jġibli tant memorji sbieħ ta’ tfuliti. Imma dan ma kellux ikun u se jkollna ngħaddu minn Ġimgħa l-Kbira kemmxejn twila sakemm jittrijonfa l-Irxoxt għalina wkoll. Il-ħasra hija li dan kollu biex inpattu għal dnubiet li qatt m’għamilna.
Il-parti l-kbira tal-Laburisti f’dan il-pajjiż,
bħall-parti l-kbira tan-Nazzjonalisti wara kollox, huma nies deċenti u ta’ l-affari tagħhom, li la qatt kienu vjolenti u wisq inqas korrotti, imma ġejjin minn familji kwieti u ta’ l-affari tagħhom.
Minħabba dawk il-ftit ħafna li snin twal ilu tebbgħu ġieħ il-partit bl-aġir insensat tagħhom, wara dawn is-snin kollha għadna qed inpattu għal dnubiet ħaddieħor. Avolja wħud minn dawk li waqqgħulna wiċċna l-art illum jinsabu jixxuxxaw taħt il-kappa komda tal-Partit Nazzjonalista. Jekk irridu verament inħarsu ’l quddiem u mhux lura, irridu ninqatgħu għal kollox mill-passat, u anki n-nostaliġiċi u l-veterani jridu jirrealizzaw li m’hemmx triq oħra.
Anki jekk il-maġġoranza kbira tagħna l-Laburisti qatt ma billejna subgħajna f’xejn u wisq inqas qatt xi darba konna vjolenti, id-dnubiet tal-ftit qed ikollhom iħallsu għalihom il-ħafna. Anki jekk kulma jmur dawk li għexu ċerti episodji dolorużi tal-perjodu bejn l-1981 u l-1987 qegħdin jikbru fl-età, sfortunatament aħna l-Laburisti għadna nehedew b’ritwali, simboli u kuluri li kif appena jitfaċċjaw, għandhom l-effett li jixegħlu bozza ħamra f’moħħ dawk li ħassewhom mgħaffġa u mweġġgħa matul dawk iż-żminijiet. L-istess ġralhom ċerti partiti tax-Xellug fl-Ewropa li baqgħu b’moħħom bis-simboli u ritwali sorpassati bħal minġel u l-martell, li jappellaw kemm jappellaw għan-nostalġiċi, inaqqsu jistgħu u żgur mhux iżidu l-appoġġ popolari tagħhom.
PfP
Inutli noqogħdu nippridkaw u niddandnu b’anniversarji storiċi bħal ‘ħelsien mill-preżenza militari barranija’ jekk il-poplu Malti huwa intrinsikament wieħed kolonjalista li jliegħeb għall-barrani.
Kurjuża l-biċċa kif waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-kabinett ta’ GonziPN kienet li Malta terġa’ tidħol fil-Partnership for Peace. Il-PfP huwa programm tan-NATO għal dawk il-pajjiżi li mhumiex membri tan-NATO. Deċiżjoni li ttieħdet proprju ftit ġranet wara l-elezzjoni ġenerali avolja mkien ma ssibha din fost it-353 wegħda tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista 2008-2013.
Bilfors tistaqsi għalfejn deċiżjoni mgħaġġla bħal din proprju issa meta l-MLP għadu qed isib saqajh wara telfa elettorali li timplika tibdila fit-tmexxija tiegħu? Hemm xi skop diaboliku wara dak kollu biex mingħalihom jipprovokaw u jħarrxu lid-delegati proprju f’dan il-mument delikat fejn iridu jagħmlu għażliet importanti li jridu jħarsu ’l quddiem u fit-tul flok lura?
Irridu ninqatgħu mill-passat kemm hemm bżonn, imma mhux inħallu l-baħħ u l-vojt jimtela bil-konfuzjoni ta’ ħsibijiet li ma jistgħux jgħixu flimkien. Pereżempju ma nistgħux fl-istess nifs li ngħidu kemm hu għażiż l-ambjent għalina u kemm nixtiequ nindukraw dak li għad fadal minnu, u fl-istess ħin ikollna fostna lil min jitħabbeb ma’ tycoons u kuntratturi mustaċċuni li kissru u farrku kemm felħu l-ambjent ta’ pajjiżna.
Irridu naqtgħu l-mazzri li għandna mdendlin ma’ saqajna li għadhom qed itaqqlulna l-pass tagħna. Iridu jitwarrbu ħsibijiet politiċi li għamlu żmienhom, it-tifsila antikwata tagħhom u l-uċuh li baqgħu jesprimuhom. Imma fl-istess ħin irridu niskopru mill-ġdid il-valuri li jsawwru r-ruħ tagħna, proprju dak li suppost jgħaqqadna lkoll, il-ġebla tax-xewka ta’ partit li qed jopera f’soċjetà moderna f’dinja li qed tinbidel il-ħin kollu.
Għandu jkollna l-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tagħna u ma niddejqux nesprimuhom. Il-ħidma politika tagħna trid tkun mirquma u ikkalkulata kemm trid, imma m’għandhiex tkun ikkundizzjonata kontinwament mis-sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika u mill-eġemonija tal-ħsieb Nazzjonalista fuq is-soċjetà Maltija.
Bħala partit politiku li qed jipproponi ruħu biex dan il-pajjiż jitmexxa aħjar biex il-Maltin u l-Għawdxin jgħixu aħjar, xogħlna huwa li nuru t-triq u li nnebbħu u nispiraw l-opinjoni pubblika u mhux nistennew l-opinjoni pubblika tifforma ruħha waħidha biex niddeċiedu x’għandna nagħmlu.
Insemmi biss bħala eżempju l-kwistjoni tal-koppji li qed jikkoabitaw u li mhumiex rikonoxxuti bl-ebda mod mil-Liġi. Għandna għalfejn Allaħares qatt naslu sal-punt li iktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ dan il-pajjiz tispiċċa poġġuta biex niddeċiedu li għandna nagħmlu xi ħaġa dwar din is-sitwazzjoni ta’ tiġrib għal ħafna nies?!
Irridu nikkonvinċu bl-ideat tagħna u mhux inħallu s-sens ta’ inferjorità jaħkimna u nispiċċaw niġu assorbiti mill-ideat ta’ ħaddieħor. Naħdmu b’moħħna iktar milli b’qalbna kemm trid, imma fl-istess ħin tajjeb li nżommu f’moħħna li l-politika mhix biss xi eżerċizzju fil-project management jew fit-tmexxija eżekuttiva ta’ xi kumpanija kbira. Irridu ndaħħlu lura ftit emozzjoni u passjoni fil-politika. Mhux it-tbaqbiq tad-demm fil-vini u s-saħna ta’ l-irjus ta’ dahri, imma l-fibra u l-emozzjoni tal-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tagħna li jqanqlu u jispiraw lil ħaddieħor.
Żgħażagħ
La ġie d-diskors fuq it-tbaqbiq tad-demm, jekk fil-Partit se nibqgħu f’sitwazzjoni fejn ma jitħallatx demm ġdid mal-qadim, inkunu qed nirriskjaw li jiġrilna bħal dawk is-soċjetajiet magħluqin fejn id-demm ma jitħallatx u li eventwalment jaqbdu t-triq ta’ l-estinzjoni.
Jekk il-Partit mhux se jinfetaħ beraħ għal demm ġdid, demm żagħżugħ, fi ftit snin se nispiċċaw istitut ta’ l-anzjani. Irridu ninvestu qatiegħ fiż-żgħażagħ f’kull livell tal-Partit mit-tmexxija ’l isfel. Evidentement il-każini fl-irħula mhumiex l-aħjar mezz biex iż-żgħażagħ jitħajru jipparteċipaw fil-politika. Ma nemminx lanqas li l-parties fid-diskoteki u l-Gaba bir-Rise Up b’xi mod se jżidu l-impenn taż-żgħażagħ fil-politika.
Il-Partit irid jinfetaħ beraħ għaż-żgħażagħ u għal dawk kollha li qatt ma ffrekwentaw każini, mhux biss biex jagħtu sehimhom fix-xogħol politiku imma biex jieħdu karigi importanti u jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet.
Charles Mangion ta’ gentlom li hu assuma parti mir-responsabbiltà għat-telfa ta’ l-elezzjoni ġenerali u ddikjara li se jitlaq mill-kariga li kien jokkupa u mhux se jikkontesta għal xi kariga oħra fit-tmexxija.
Kulħadd jistenna li l-bqija ta’ dawk li immonopolizzaw għal kollox it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kampanja u għalqu l-bibien kollha għal ħaddieħor, li dawn ukoll jimxu fuq il-passi ta’ Sant u Mangion u jirriżenjaw mill-kariga.
Għalkemm jien ma kelli l-ebda sehem fil-kampanja elettorali u ma kelli x’naqsam xejn mad-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-ġimgħat ta’ qabel u ta’ matul il-kampanja, xorta waħda lest li noffri r-riżenja tiegħi minn membru ta’ l-amministrazzjoni jekk dawk li semmejt aktar qabel jagħmlu l-istess.
L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd! |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|