MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Tifel attur fi dramm 18+

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Wara 15-il sena Lino Farrugia, magħruf l-aktar għax-xogħol televiż Villa Sunset, qed jidderieġi dramm miktub minnu nnifsu għall-pubbliku. Li hemm partikulari fih hu li qed jieħu sehem tifel ta’ 10 snin fi dramm għall-adulti b’suġġetti li jaħarqu fosthom l-imħabba bejn prostituta u qassis, l-abort u l-istupru.
Iżda d-direttur-kittieb irnexxielu jsib mezz kif lit-tifel jużah għax-xeni tiegħu f’Mor mingħajr ma hu jkun jaf x’inhu jiġri eżattament.
Din is-sena hi t-tieni darba li tifel taħt l-età qed jidher fi dramm għall-adulti. F’Jannar li għadda kien hemm Mercury Fur ta’ l-Unifaun Theatre.
Iċ-ċensura mill-ewwel ikklassifikawha 18 ’il fuq u staqsew lil Farrugia kif se jagħmel. It-tweġiba tiegħu kienet li hu persuna responsabbli u ħadha fuqu li jipproteġi lit-tifel kemm jista’. Minbarra li omm it-tifel qrat id-dramm minn qabel u qed tattendi għall-provi kollha.
“Kienet deċiżjoni li ħadt jien personali. Id-dramm fih ċerti xeni ibsin u meta ngħid ibsin, ibsin. Il-parti tat-tifel hi l-moħħ wara l-ħażen kollu li qed jiġri. Il-karattru jitfa’ l-ġebla u vilment jaħbi idu.
“L-idea tiegħi kienet li nikteb dwar l-istint negattiv jew ta’ ħażen li jitwieled magħna. It-tifel hu l-perċimess ta’ l-affarijiet li jiġru. Il-karattru ewlieni kien jiġġieled ma’ ċerti istinti minn meta kien żgħir u t-tifel hu l-ħażen ta’ ħaddieħor.
“Kelli l-idea li t-tifel ikun innoċenti li jitbissimlek kważi l-ħin kollu. Iżda t-tfal huma esposti għal ħafna affarijiet. Anki l-ħrejjef tat-tfal ġieli jkollhom ċerta vjolenza fihom. F’ċerti xeni qgħadt b’seba’ għajnejn fuqu,” żied jgħid Farrugia. Kompla jgħid kif dan hu l-aktar dramm iswed li qatt kiteb f’ħajtu, li ġie influwenzat minn ċerti affarijiet li saru jiġru dan l-aħħar u li wieħed ma jippretendix li hemm dan iċ-ċertu ħażen fil-bniedem.
’Il quddiem jixtieq jaqilbu għall-Ingliż peress li mhux marbut ma’ Malta u anki jipproduċih bħala film.
Mistoqsi hix l-ewwel darba għal Farrugia li qed jidderieġi tifel, hu wiegeb: “Fit-teatru jidhirli li qatt ma idderiġejt tfal għalkemm fit-televiżjoni iva. Connor Church, li ħadem f’It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, hu naturali ħafna. Naturalment irrid ninżel fil-lingwaġġ li nuża. Ħafna drabi jkolli nagħmel il-parti jien għax eħfef li hu jimita l-espressjonijiet ta’ wiċċi. It-tfal għandhom ħabta li jagħtu wisq speċjalment jekk fl-iskola jkunu tgħallmu jaħdmu bl-istil ta’ pantomima.”
Ikompli jitkellem dwar il-bqija tad-dramm li fih qed jieħdu sehem l-atturi ewlenin Mario Micallef, Monica Attard u Miriam Fiteni.
“Il-karattri l-oħrajn huma ibsin ħafna. Wara din il-familja hemm passat mimli sigrieti. It-tlieta jiddikjaraw gwerra lil xulxin minkejja li għandhom bżonn lil xulxin. Il-ħsieb wara d-dramm hu: ‘Meta mara tirrabja x-xitan jitlaq jiġri’. Hemm għanqbuta sħiħa.”
Mor għandha produzzjoni tal-kumpanija Talenti, li din is-sena tagħlaq 20 sena. Se tittella’ fil-Kavallier ta’ San Ġakbu mill-11 ta’ April sat-13 u mit-18 ta’ April sa l-20
fit-8pm b’kollaborazzjoni mal-Fondi għal Kawżi Ġusti.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan