MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Il-votanti li salvaw lill-PN

KURT SANSONE janalizza ċ-ċifri ta’ l-elezzjoni u jasal għall-konklużjoni li l-MLP ma rnexxilux jirbaħ biżżejjed voti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta minkejja l-għawġ li kellu l-PN

Għalkemm hu diffiċli li tasal għall-konklużjoni ta’ kif ivvutaw dawk li xeħtu l-vot tagħhom għall-ewwel darba, jidher li dawn kienu l-votanti li salvaw il-ġurnata għall-Partit Nazzjonalista.
Analiżi taċ-ċifri tindika li minkejja l-akbar għadd ta’ nies li ma ħarġux jivvutaw kienu f’distretti meqjusa Nazzjonalisti, il-probabbiltà hi li għamlu tajjeb għal dan il-votanti l-ġodda li skond l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li kien qed isir fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni kienu aktar imxaqilbin lejn il-PN.
L-ikbar telf ta’ voti għall-PN seħħ fid-Distretti tan-naħa ta’ fuq (mis-seba’ sat-12) fejn mill-2003 lil hawn il-PN tilef 2,575 vot. Madankollu l-Partit Laburista hawnhekk ma gawdiex biżżejjed mill-inkwiet li kellu l-PN biex ixaqleb il-miżien tar-rebħa favurih.
Mill-għawġ tal-PN gawdew ukoll b’mod sostanzjali l-partiti ż-żgħar.
Bejn is-seba’ Distrett u t-12 l-MLP ra l-voti tiegħu jiżdiedu b’2,562 fuq l-elezzjoni ta’ l-2003. Fl-istess waqt, il-voti li marru għall-partiti ż-żgħar flimkien żdiedu b’1,961.
Jidher ċar li f’dawn id-Distretti pjuttost affluwenti l-MLP kellu diffikultà biex jikkommunika man-nies u għalhekk min ried jagħti lezzjoni lill-PN ħassu komdu li jivvota wkoll lill-partiti ż-żgħar, jew jibqa’ d-dar.
Fl-1996, l-unika elezzjoni mirbuħa mill-MLP mill-1981 lil hawn, is-sitwazzjoni kienet għal kollox differenti. Dakinhar fid-distretti tan-naħa ta’ fuq l-MLP kien żied il-voti b’iktar minn 7,700 fl-istess waqt li l-PN tilef ftit iktar minn 1,500 fuq l-elezzjoni ta’ qabel. Hu evidenti li fl-1996 l-MLP irnexxielu jattira numru sostanzjali ta’ votanti ġodda li xaqilbu l-miżien favurih.
Din id-darba ma jidhirx li kien hemm l-istess moviment favur l-MLP.
Iżda s-suċċess tal-PN fl-elezzjoni li għaddiet seħħ ukoll fid-distretti tan-nofsinhar fejn irnexxielu jwaqqaf l-emoraġija ta’ voti li seta’ kien hemm minħabba l-għafsa tal-għoli tal-ħajja u l-qgħad li hu pjaga ħafna ikbar fin-nofsinhar.
Fl-ewwel sitt Distretti l-PN naqqas biss 53 vot mit-total li ġab fl-2003. Min-naħa l-oħra l-MLP ra żieda ta’ 4,225 filwaqt li l-partiti ż-żgħar flimkien raw żieda ta’ 1,091.
Iż-żieda fil-voti tal-MLP ma jidhirx li seħħet a skapitu tal-PN. Il-probabbiltà hi li l-mixja ta’ voti mill-PN għall-MLP u l-partiti ż-żgħar kienet kumpensata mill-votanti l-ġodda li setgħu xeħtu l-ewwel preferenza għall-PN.
Fl-1996 l-MLP f’dawn id-Distretti kien żied il-voti bi 8,333 filwaqt li l-PN kien tilef 1,248 vot. Dakinhar apparti li kien hemm mixja ta’ voti mill-PN għall-MLP kien hemm ukoll numru sostanzjali ta’ voti ġodda li marru għand il-Partit Laburista.
Fuq Għawdex il-Partit Laburista kellu suċċess relattiv għax żied il-voti tiegħu b’1,008. Madankollu din iż-żieda ma ħallietx impatt negattiv fuq il-PN għax mill-2003 lil hawn kulma tilef kien 76 vot. Għal darb’oħra hawnhekk seta’ ħadem il-fenomenu tal-votanti l-ġodda li żammew fil-wiċċ lill-Partit Nazzjonalista minkejja li seta’ kien hemm ċaqlieq ta’ voti minn partit għall-ieħor. Il-partiti ż-żgħar flimkien raw żieda ta’ 290 vot.
Fl-1996 il-Partit Laburista kien ra żieda iktar qawwija favurih għax kien ġabar 1,537 vot iktar mill-elezzjoni ta’ qabel. Iżda l-PN kien ukoll naqqas b’279 vot fuq erba’ snin qabel.
L-ikbar mistoqsija ta’ l-elezzjoni hi x’wassal biex l-MLP ma jikkonvinċix lin-nies tan-naħa ta’ fuq biex jivvutawlu tant li setgħu ħassewhom iktar komdi li jibqgħu d-dar jew jivvutaw lill-Alternattiva Demokratika. It-tweġiba żgur ma tinstabx fiċ-ċifri iżda fil-politika li ħaddan il-Partit Laburista, il-lingwaġġ li uża u l-mexxej relattivament antik meta mqabbel ma’ l-avversarju dirett tiegħu.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan