MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Jitilqu l-74 jum ta’ stennija għall-MLP

Joseph Muscat se jitfa’ n-nomina għall-Kap

Kurt Sansone

Minn għada jibdew l-74 jum li se jwasslu lid-delegati Laburisti għall-elezzjoni kruċjali tal-5 ta’ Ġunju fejn se jaħtru l-mexxej tal-partit, it-tieni darba f’ħames snin li se jintalbu jagħmlu dan.
Hu żmien twil ħafna u skond numru ta’ delegati li tkellmu ma’ Illum dan jista’ jfisser għawġ għall-Partit Laburista. Huma sostnew li għalkemm se jkun hemm ċans kbir biex jinstemgħu l-argumenti tal-kandidati, it-tul ta’ żmien jista’ wkoll iwassal għal kampanja “maħmuġa” li ma tgħinx lill-MLP.

Dan ifisser ukoll li għal iktar minn xahrejn il-Partit Laburista se jkun oppożizzjoni zoppa għall-Gvern u għalhekk se jagħti nifs lill-amministrazzjoni ġdida ta’ Lawrence Gonzi f’mument meta hemm ukoll tbaqbaq il-kwistjoni ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.
Madankollu t-tul ta’ żmien jista’ jkun ta’ benefiċċju għal xi wħud mill-kandidati prospettivi għat-tmexxija tal-MLP, fosthom Evarist Bartolo u George Abela.
Jekk Bartolo u Abela jitfgħu n-nomina tagħhom se jkollhom bżonn l-itwal żmien possibbli biex jikkonvinċu lid-delegati. Ta’ l-ewwel kien tilef fil-konfront dirett ma’ Michael Falzon għall-ħatra ta’ deputat mexxej fl-2003 u allura jrid jaqta’ bi snienu biex jasal għand id-delegati u tat-tieni ilu maqtugħ mill-MLP u jeħtieġ jispjega aħjar għalfejn telaq mill-partit fis-sajf imqanqal ta’ l-1998, lejlet elezzjoni.
Fiż-żewġ każi t-tul ta’ żmien jista’ jaħdem favurihom anki jekk Abela din il-ġimgħa spara lejn saqajh meta qal li għalih il-GWU hi iktar importanti mill-MLP.
Bartolo diġà ltaqa ma numru ta’ kumitati u delegati u għandu struttura organizzata ħafna.
Intant din il-gazzetta tista’ tikkonferma li fil-jiem li ġejjin il-Membru Parlamentari Ewropew Joseph Muscat uffiċjalment se jissottometti n-nomina tiegħu għat-tmexxija tal-partit wara ġimagħtejn ta’ riflessjoni.
Flimkien ma’ l-isem tad-Deputat Mexxej Michael Falzon, isem Muscat kien l-iktar fuq fomm l-attivisti Laburisti fis-sala tal-għadd tal-voti meta kien ċar li l-MLP tilef l-elezzjoni.
Muscat igawdi simpatija kbira fost id-delegati u għandu wkoll l-appoġġ tal-Membri Parlamentari George Vella, Karmenu Vella u Joe Mizzi li jagħtuh bażi qawwija fost id-delegati tan-nofsinhar.
L-iżvantaġġ ewlieni li għandu Muscat hi l-età tiegħu. Il-Membru Parlamentari Ewropew għad għandu 34 sena għalkemm persuni viċin tiegħu insistew ma’ din il-gazzetta li fl-1949 Dom Mintoff kellu biss 33 sena meta ħa t-tmexxija tal-partit f’idejh.
Min-naħa l-oħra Michael Falzon għandu appoġġ qawwi fost l-attivisti u l-għeruq minħabba l-ħidma tiegħu fil-magna elettorali tal-partit iżda jidher li fost id-delegati, dawk li fl-aħħar mill-aħħar se jeleġġu l-mexxej, naqqas xi ftit mis-saħħa li kellu.
Minkejja li fis-sala tal-għadd tal-voti Falzon kien waħdu meta ikkonċeda t-telfa lill-PN, bil-kontra ta’ dak li għamel Charles Mangion, naqas li jirriżenja minn Deputat Mexxej.
Id-dikjarazzjoni ta’ Mangion din il-ġimgħa li mhux se jikkontesta għat-tmexxija u li kien se jerfa’ parti mir-responsabbiltà tat-telfa tefgħu piż qawwi fuq Falzon.
Mad-delegati Falzon ma jistax jaħrab milli jindirizza r-raġunijiet tat-telfa li kien parti minnha bħala Deputat Mexxej.
Intant ismijiet oħra li baqgħu jissemmew b’insistenza matul din il-ġimgħa huma dawk ta’ Marie-Louise Coleiro Preca u Anġlu Farrugia li s’issa għadhom ma kinux ċari biżżejjed dwar l-intenzjonijiet tagħhom.
Coleiro Preca hi maħbuba mill-għeruq u jekk tiddeċiedi li ma tikkontestax, fejn titfa’ l-ankri hi jista’ jaffetwa fejn ixaqleb il-miżien fit-tiġrija aħħarija.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan