Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Ebba von Fersen Balzan tibqa’ miftakra l-aktar għall-arti tagħha b’kuluri jagħjtu u għax-xogħol li kienet tagħmel fi ħdan l-istituzzjoni Ġermaniża Friedrich Ebert Stiftung. Ħadet sehem f’bosta wirjiet f’Malta b’mod kollettiv u weħidha. Fil-Ġermanja wkoll kellha suċċess bil-wirjiet tagħha u fi Brittany fi Franza fetħet gallerija ta’ l-arti f’darha stess.
Għaliha l-arti kienet tirrifletti l-viżjoni ta’ l-artist dwar kif iħares lejn id-dinja llum u kienet tqisha bħala “espressjoni politika dwar il-ħajja, iċ-ċirkustanzi, l-ideat u l-ideali tradotti għal lingwa viżiva”.
Seħibha, l-artist Vince Briffa, kien jaraha bħala artista li tikkommetti lilha nnifisha b’serjetà, dejjem ippreparata artistikament u ma tiddejjaq qatt tesperimenta b’kuluri vibranti.
“Ħafna drabi nħoss li dan l-użu tal-kulur ma kienx biss stil iżda estensjoni tal-karattru tagħha. Ebba kienet tħaddan ġid kbir kulturali u umanitarju. Għalhekk xogħolha gawda minn rikkezza kunċettwali. Għal din ir-raġuni kienet tippreferi taħdem f’serje ta’ xogħlijiet li jittrattaw l-istess tema milli tieqaf ma’ l-ewwel attentat. Kienet taf li dawn l-istess temi jimmeritaw profondità kbira, xi ħaġa li Ebba kellha bil-bosta.
“Kont ukoll nammira l-imħabba ġenwina li kellha għall-istess materjal pittoriku, għaż-żebgħa, it-tessitura u l-karta.”
Persuna oħra li kienet tammira xogħolha kienet Katrina Bartling, artista Ġermaniża, li saret taf lil Ebba fil-klassi ta’ l-iskola tagħha. Huma qattgħu ħafna żmien flimkien u għaddew minn ħafna affarijiet. Minkejja li Ebba niżlet tgħix Malta xorta żammu kuntatt bejniethom u baqgħu l-istess ħbieb tal-qalb bħalma kienu qabel.
“Ebba kienet l-akbar ħabiba tal-qalb li qatt kelli minn tfuliti. Iltqajna fl-iskola meta kelli 12-il sena u hi 13. Minn dakinhar li daħlet fil-klassi bqajna flimkien. Kont inħobbha wisq għas-sens umoristiku partikulari li kellha. Żgur li kienet qisha oħti għalija għalkemm tlift ħafna aktar minn oħt…
“Nadura l-pittura tagħha, id-disinni u l-linocuts li huma enerġija immensa ta’ esperimenti artistiċi. Kienet taf kif għandha tgħaqqad l-affarijiet flimkien sakemm jieħdu l-ħajja. Fid-disinni kienet dejjem tqabbel l-iktar ħaġa tipika jew umoristika mas-suġġett li tkun qed tiffoka fuqu. Rari rajtha mingħajr xi sketchbook fil-basket. L-arti kienet iċ-ċentru ta’ ħajjitha.”
Uħud minn ħbiebha jsemmu l-lejliet li kienu jqattgħu għandha mdawrin ma’ mejda dejjem b’ikel u bi nbid mill-aqwa u kemm kienet tagħti kas tad-dettalji fil-preparamenti ta’ dawn l-ikliet. Bihom kienet iġġiegħel lil dak li jkun iħossu speċjali.
Fosthom kien hemm Jeni Caruana, li bħal Ebba, kienet barranija li għażlet lil Malta bħala darha. Din, minbarra l-ossessjoni li kellhom għall-arti, għaqqdithom aktar bejniethom speċjalment meta kienu jħossu n-nuqqas ta’ qrabathom.
“Pittirna ħafna suġġetti differenti flimkien: it-Tempji, il-Festival tal-Jazz, pajsaġġi, nudi u spiss konna ntellgħu wirjiet flimkien ukoll. Kont inħobb l-użu tal-kulur tagħha u l-intensità miġmugħa f’xogħolha.
“Konna ħbieb tal-qalb għal bosta snin. Kienet estremament qalbha tajba u taħseb fin-nies. Se nħoss in-nuqqas tagħha f’wisq affarijiet, fosthom li noqgħod bilqiegħda f’darha ikkulurita, imdawra bi tpinġijietha jew is-sjuf wara nofsinhar fil-bitħa, nixorbu l-inbid u naqsmu l-ħolm u l-memorji…
“Missieri bagħatli din l-email: Jiddispjaċini bl-aħbar ta’ Ebba. Dejjem hu diffiċli meta ħabib tal-qalb imut. Iżda Ebba żgur li kienet waħda mill-aħjar ħbieb li qatt kellek u naturalment se tħoss ħafna n-nuqqas tagħha.
“Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu… u jien kont fortunata biżżejjed li kienet tiegħi.”
Vince Briffa wkoll kien wieħed minn dawk li japprezza l-ikliet ta’ Ebba u ż-żmien li kien iqatta’ f’darha ma’ martu. Żied jgħid: “L-isbaħ mumenti ma’ Ebba kienu fid-dar tagħha u ta’ Saviour fi Brittany, speċjalment meta fetħet il-gallerija personali tagħha fl-istess dar. Niftakar ukoll meta f’għeluq sninha, marti Laura kienet tatha ktieb ċkejken dwar l-immaġini tal-kelb tul l-istorja ta’ l-arti. B’entużjażmu ta’ tifla, li qalgħet l-isbaħ rigal, qalet lil Laura li ma setgħetx tagħtiha rigal aktar prezzjuż għax irnexxielha tiġbor tlieta mill-aktar suġġetti għal qalbha:
il-ktieb, l-arti u l-annimali.”
Iċ-ċeramista Julie Apap kienet ħabiba oħra ta’ Ebba li ħadet sehem magħha f’xi wirjiet.
“Dan l-aħħar ħlomt li għaddejt minn ħdejn Ebba, li kienet tidher bħas-soltu u mehdija fil-pittura tagħha. Waqaft u staqsejtha jekk kinitx tħossha tajba. Hi wieġbet: “Mela” fil-mod tipiku tagħha ta’ ‘tgħidx ħmerijiet’. Dejjem hekk kont nafha, qatt ma teqred dwar il-mard tagħha u dejjem b’saqajha ma’ l-art. Dejjem lesta li tidħaq u tgħin jekk tista’.
“Xogħolna kien ta’ ġeneri differenti iżda l-istess f’ħafna affarijiet. Kienet temmen fija, tħeġġeġ l-ideat tiegħi u tagħtini pariri tajbin speċjalment dwar il-kulur.
“Bħala ħbieb ħadna sehem f’xi wirjiet flimkien, dejjem ngħinu lil xulxin. Kien tajjeb li sirt nafha u se nħossu ħafna n-nuqqas tagħha.”
Artista oħra li saret taf lil Ebba fil-bidu li ġiet Malta kienet Isabelle Borg. F’dak iż-żmien Borg tiftakarha kurjuża ħafna dwar x’jiġri f’pajjiżna. Saru jafu lil xulxin fl-1989 u l-arti wkoll kienet iċ-ċentru tal-ħbiberija tagħhom. Sentejn wara tellgħu l-ewwel wirja bejniethom – One Landscape, Two Visions fil-Mużew ta’ l-Arti l-Belt - għalkemm diġà kienu ħadu sehem f’wirjiet kollettivi oħra. It-tnejn kienu affaxxinati bit-Tempji u l-arti primittiva minn qabel ma ltaqgħu u kienet xi ħaġ’oħra li għaqqdithom.
“Waħda mill-affarijiet li niftakar dwar Ebba kienet id-diskussjonijiet twal li kien ikollna għandha, mhux dwar l-arti biss, u r-riċerki li konna naħdmu fuqhom. Dak iż-żmien ma kienx hemm internet.
“Ebba kienet artista li ma kinitx tpinġi b’mod konvenzjonali iżda b’mod espressiv speċjalment fil-pajsaġġi. It-tnejn konna nħobbu npinġu mill-osservazzjoni u t-tnejn li aħna ma kinitx togħġobna l-idea li naħdmu minn ritratti. Allura konna naħdmu fuq il-post. Konna naqblu dwar ħafna affarijiet u metodi ta’ kif nagħmlu l-arti tagħna, fosthom l-esperimentazzjoni bil-materjali.
“Kienet waħda mill-iktar ħbieb qrib tiegħi u kollega. Xi ħadd li xogħolha kien veru jogħġobni u kont nirrispetta. Ebba kellha sens ta’ umoriżmu dwar il-ħajja ta’ madwarha. Kienet tagħti kas ħafna tan-natura u tal-kultura. Konna nieħdu ħafna mill-ispirazzjoni tagħna min-natura aktar minn xi kwalunkwe tip ta’ arti oħra.”
Ebba von Fersen Balzan kienet mart Saviour Balzan, l-editur tal-MaltaToday u mietet fl-età ta’ 50 sena. L-aħħar żewġ xogħlijiet tagħha lestiethom f’Diċembru li għadda minkejja li kienet tbati biex taħdem.
Is-sena li għaddiet ħarġet l-ewwel ktieb tagħħa …life according to Oskar, dwar l-ewwel kelb tal-fenek li daħal f’ħajjitha. Minn dak iż-żmien laħqet ħadmet fuq animal ieħor għal qalbha u ħarġet il-ktejjeb Oreste fluff: The adventures of a Maltese cat, li se joħroġ dalwaqt għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba wkoll. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|