Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Il-Kummissarju tal-Pulizija jiċħad l-għajdut
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Xnigħat persistenti dwar ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija kienu miċħuda direttament minn John Rizzo innifsu.
F’kummenti lil din il-gazzetta Rizzo eskluda li fil-jiem ta’ qabel l-elezzjoni tefa’ r-riżenja tiegħu u li din ma ġietx aċċettata.
“Nassigurak li dan mhu veru xejn. Qatt ma għaddietli minn moħħi li nirriżenja,” sostna l-Kummissarju tal-Pulizija.
John Rizzo qal li għal dawn l-aħħar seba’ ġimgħat il-Korp kien impenjat f’kampanja elettorali twila imma minkejja dan, kien hemm ħidma oħra li baqgħet għaddejja.
“Kelli mhux biss ix-xogħol ta’ l-elezzjoni imma ħidma diretta fil-policing. Kelli kważi kważi xogħol part-time ukoll għaddej: dak li jsir tisbiħ u tibdil fid-depot tal-Pulizija. Minbarra t-tisbiħ ta’ numru ta’ swali ftaħna l-mużew tal-kriminalità u għamilna wkoll is-soltu wirjiet tal-melħ b’rabta mal-festi tal-Ġimgħa l-Kbira,” sostna Rizzo.
Iżda jekk fil-Kwartieri tal-Pulizija fil-Floriana kienet għaddejja din il-ħidma, kien hemm min kien impenjat bil-fabbrikar ta’ xnigħat.
Il-Kummissarju tal-Pulizija eskluda wkoll il-qlajja li wara l-elezzjoni kien se jerġa’ jitfa’ r-riżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Fl-aħħar jiem saħansitra ssemmew ismijiet ta’ Uffiċjali fil-Korp li jistgħu ikunu s-suċċessuri ta’ John Rizzo.
B’daħka l-Kummissarju wieġeb li “dawn huma s-soltu xnigħat ta’ qabel l-elezzjoni u li ma jagħtix wisq kashom.”
Fuq l-istess nota Carm Mifsud Bonnici, il-Ministru għall-Intern u l-Ġustizzja, sostna li fil-ġimagħtejn li ilu fil-kariga diġà kellu tliet laqgħat mal-Kummissarju u mhux talli s-suġġett tar-riżenja qatt ma ssemma talli diġà bdiet ħidma fuq il-bażi ta’ identifikazzjoni ta’ numru ta’ problemi u dwar kif dawn jistgħu jkunu indirizzati.
“Tkellimna fuq programm li jwassal fit-tul u li jħares għall-ħames snin li ġejjin,” saħaq ma’ Illum il-Ministru għall-Intern.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|