Aħbarijiet | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Julia Farrugia
Raġel ta’ 47 sena mir-Rabat tressaq il-Qorti f’Għawdex nhar l-Erbgħa li għadda wara li fl-aħħar jiem il-pulizija rnexxielha tkisser ċirku ta’ pedofelija.
Ir-raġel qed jinżamm il-ħabs ta’ Kordin.
L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija rċeviet rapport li tifel kien abbużat sesswalment minn Għawdxi. It-tifel saħansitra kixef kif l-aggressur kien jgħaddilu flus biex jagħlaq ħalqu u biex ma jitkellem xejn ma’ ħadd dwar dak li kien għaddej. Illum dan it-tifel għandu 15-il sena.
Fil-korsa ta’ l-investigazzjoni nkixfet xibka mħabbla fejn bdew ifeġġu aktar każijiet simili. L-issuspettat ewlieni, li għal xi żmien kien jgħix l-Awstralja, spiċċa ammetta li fuq medda ta’ snin abbuża mhux biss minn dan it-tifel imma minn ta’ l-inqas tlett itfal oħra.
Fil-mira ta’ l-aggressur dejjem kien ikun hemm subien u l-etajiet tal-vittmi kienu jvarjaw minn 10 snin sa 13-il sena.
Ħafna minn dawn il-molesti sesswali kienu jseħħu fl-appartament tar-raġel fir-Rabat.
Informazzjoni li għandha din il-gazzetta tindika li xi tfal li kienu sesswalment abbużati kienu joqogħdu fl-istess binja ta’ appartamenti fejn joqgħod ir-raġel, u allura kienu ġirien tiegħu.
L-investigazzjonijiet ħadu żvolta akbar hekk kif irriżulta li waqt li t-tfal kienu jkunu abbużati kienu jiġu ffilmjati wkoll.
Il-Pulizija għamlet numru ta’ tfittxijiet fosthom fl-appartament tal-Għawdxi. L-investigaturi wettqu wkoll numru ta’ rejds f’bini ieħor u minn dar ta’ raġel differenti kienu elevati filmati pornografiċi. F’dawn il-filmati jidher l-abbuż fuq it-tfal Għawdxin.
Tagħrif li għandha din il-gazzetta juri li nhar it-Tnejn li għadda r-raġel, li hu qiegħed, kien arrestat u miżmum għal aktar stħarriġ. Hu tressa il-qorti nhar l-Erbgħa u mhux eskluż li ġaladarba l-investigazzjonijiet jiġu fi tmiemhom għandhom jitressqu l-Qorti numru ta’ persuni oħra.
Il-kodiċi kriminali jistipula fost l-oħrajn li min jimmolesta persuna taħt l-età jkun suġġett għal piena ta’ ħabs għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin. Jekk jinstab li l-offiża tkun saret fuq tfal li ma jkunux għalqu t-12-il sena, jew jekk l-istess att ikun sar bi vjolenza, il-piena ta’ priġunerija tista’ titla’ sa massimu ta’ sitt snin.
Dwar filmati pornografiċi l-Liġi Maltija tistipula li min jinstab li fil-pussess tiegħu jkollu dawn it-tip ta’ filmati jista’ jeħel sentenza ta’ mhux aktar minn sitt xhur ħabs u jew ukoll multa ta’ mhux aktar minn €465.87. Dan japplika wkoll għal min jieħu l-filmat u għal min iqassmu.
Il-każijiet ta’ pedofelija jibqgħu jqanqlu rabja fis-soċjetà, l-aktar ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tat-tfal.
Waqt il-kampanja elettorali l-Partit Nazzjonalista ntrabat b’wegħda elettorali li jwaqqaf “reġistru wieħed ta’ ismijiet ta’ persuni li nstabu ħatja ta’ reati sesswali serji – l-aktar dawk kommessi fuq it-tfal – li jkun aċċessibbli għall-forzi ta’ l-ordni u istituzzjonijiet uffiċjali li għandhom interess li jkunu jafu din l-informazzjoni.”
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|