MediaToday

Sport | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Muntanja ta’ muskoli jperpru l-bandiera Maltija

Dan l-isport jista’ ma jkunx il-favorit tiegħek imma tħares lejn il-persuni li jikkompetu fih bilfors li tammira d-dedikazzjoni li għandhom biex dak li jkunu jridu jaslu għalih jirnexxielhom jagħmluh sal-ġurnata li fiha jkunu jridu jesponu ġisimhom għall-ġurija u l-pubbliku preżenti.
Din il-ġimgħa kelli l-opportunità nsir naf aktar x’jiġifieri l-ħajja għall-bodybuilder li ta ħafna minn ħajtu għal dan l-isport. Lil Pierre Mifsud kont nafu ftit mill-wiċċ qabel din l-intervista. Ġieli qbadna diskursata żgħira bejnietna meta fil-passat kont niffrekwenta t-31 Bar f’Birkirkara, il-bar li hu rnexxielu jibni u jrawwem flimkien mal-familja tiegħu.
Hu fl-istess post li ltqajna u poġġejna quddiem xulxin għal aktar minn siegħa nhar it-Tlieta wara nofsinhar. Pierre jirrakkuntali l-bidu tal-karriera tiegħu bħala bodybuilder sal-ġurnata ta’ llum li rnexxielu jirbaħ l-unur ta’ Mr. World f’Ġunju li għadda. Id-dispjaċir għalih jibqa’ dak li minkejja li wasal għal dan is-suċċess kbir, ftit li xejn huma dawk in-nies li f’dan il-pajjiż apprezzaw dan li rnexxielu jagħmel.
Pierre jgħidli li minkejja dan kollu, is-sodisfazzjon hu wieħed enormi li jippremjah għas-sagrifiċċji li għamel f’dawn l-aħħar 13-il sena.
“Jien tip ta’ bniedem ambizzjuż ħafna. Jekk se nidħol għal xi ħaġa rrid nagħmilha sew inkella ma nidħol xejn. Anki bħala xogħol fil-ħanut. Ftit perfezzjonist iż-żejjed u rrid kollox kif suppost. Nipprova nlaħħaq ma’ kollox u meta jkun iż-żmien il-kompetizzjonijiet it-taħriġ joħodli ħafna ħin.
“L-inkoraġġiment tan-nies ta’ madwari f’dawn l-aħħar snin kien ta’ għajnuna biżżejjed biex dejjem komplejt fit-triq li bdejt meta kelli 28 sena. Persuna li kienet wara dawn is-suċċessi kollha kienet bla dubju l-mara tiegħi li dejjem appoġġatni u sajritli l-affarijiet li jkunu bżonjużi għalija. Meta ittraskurajt daqsxejn ix-xogħol tal-ħanut dejjem kompliet hi biex jien inkun nista’ nikkonċentra aktar fuq it-taħriġ.
“Iżda kienu wkoll snin li fihom sibt min qatagħli qalbi. Ikunu għedewwa bil-pulit li fl-aħħarnett tinduna li jkunu qed jgħiru għalik. Kulħadd jgħidlek prosit u jiġi wieħed li jmaqdrek u jwaqqgħek down. Sfortunatament fil-ħajja l-ħażin jiddomina. Minn mija issib tlieta li ma jifilħux jarawk sejjer tajjeb u tagħmel suċċess. Ġieli ikkompetejt mal-barranin u sibt Maltin kontrija. Dik għalija hi għira ċara li bniedem ma jistax jilħaq l-għeneb u jgħid kemm hu qares.”
Minn tant sport nistaqsih jekk hux dan l-uniku wieħed li juri interess fih u kif nibdet ġo fih din in-namra fi sport li ftit li xejn igawdi popolarità fil-pajjiż.
“Qabel kont iktar dilettant tal-futbol u kont nilgħab xi ftit ma’ sħabi wkoll. F’daqqa waħda ħassejtni li kont qiegħed nintelaq iżżejjed u għidt li ma jistax ikun li nkompli nixrob il-birra biss. Iddeċidejt li nibda mmur il-gym. Fil-bidu bdejt immur biex ngħaddi l-ħin imma meta għadda ż-żmien dawwart kollox fuq is-serjetà. Minn sempliċi keep fit dort fuq xi ħaġa aktar solida. Bdejt nara r-riżultati ġejjin. Wara sena u tmien xhur ikkompetejt l-ewwel darba għal Mr Malta u rbaħt it-titli kollha possibbli. Dan l-isport ma twelidx fija imma skoprejtu.”
Jurini d-diżappunt u d-dispjaċir meta nkellmu fuq il-pubbliċità u l-apprezzament li jingħata dan l-isport fuq il-mezzi tax-xandir.
“Jiddispjaċini li l-bodybuilding mhu popolari xejn f’Malta. Il-media qatt ma tatna pubbliċità. Jien irbaħt il-Mr World u ftit li xejn jafu. Immaġina dak li rbaħt jien fil-bodybuilding nirbħuh fuq l-istess skala bħala nazzjon fil-futbol jew sport ieħor iktar popolari. Ftit jafu kemm trid tkun dedikat għal dan l-isport tal-bodybuilding. Meta tasal kompetizzjoni importanti jien nagħmel dieta ta’ kważi sena sħiħa. L-aħħar 6 jew 7 xħur tkun dieta stretta li tbikkik.”
Ikellimni fuq kif jipprepara ruħu għall-kompetizzjoni professjonali f’dak li hu ikel.
“Trid tibda tipprepara minn ħafna qabel. L-ewwel perjodu tibda b’dieta li mhux daqshekk kiefra. Iktar ma jgħaddi żmien iktar jinqaleb l-ikel. Fejn fl-ewwel fażi tad-dieta niekol platt għaġin, fit-tieni fażi rrid niekol nofs platt għaġin u patata mgħollija miegħu. Ċerti laħmijiet tnaqqashom għal tiġieġ u lejn l-aħħar taqleb kollox għal ħut. Biex tikkompeti f’kompetizzjoni tal-bodybuilding ikollok data li trid tkun perfett sakemm tasal inkella tista’ ma tikkompeti xejn għax m’għandekx ċans. Trid taħdimha bi skola tajba u tkun taf x’għandek tagħmel biex għal dakinhar tal-kompetizzjoni tkun perfett kif suppost tkun skond il-ġisem tiegħek.”
Pierre Mifsud twieled fis-17 ta’ April 1967 u joqgħod Ħal Tarxien. Miżżewweġ lil Rita u missier ta’ Gallen li għandu 20 sena. Pierre rebaħ l-unur ta’ Mr Malta ħames darbiet. L-ewwel darba li ikkompeta spiċċa fit-tielet post fl-Ewropa biex avvanza pożizzjoni s-sena ta’ wara. Kien spiċċa r-raba’ fil-Mr Universe, l-aktar kompetizzjoni ta’ livell għoli li ssir fid-dinja. L-ikbar suċċess fil-karriera għamlu f’Ġunju li għadda meta irnexxielu jirbaħ il-kompetizzjoni tal-Mr World li saret f’Malta.
“Dik tad-9 ta’ Ġunju li għadda kienet l-isbaħ u l-ikbar kompetizzjoni li qatt irbaħt fuq skala internazzjonali. Il-kompetizzjoni Mr World saret f’pajjiżna u allura kelli l-vantaġġ li se jkolli lill-familja u lil ħbieb imdawrin miegħi. Iżda dan daħħalli aktar pressjoni fuqi għax ridt naqta’ fiġura tajba f’pajjiżi u l-aħħar xahar daħħalt iktar serjetà fija f’dik li hi dieta u taħriġ. Kont perfett fil-ġurnata tal-kompetizzjoni. Kull kompetizzjoni li rbaħt fiha l-istorja tagħha imma din ta’ Ġunju li għadda kienet l-iktar waħda li tagħtni sodisfazzjon u dan għax saret u rbaħtha f’Malta.
“Tirbaħ il-Mr World jiġifieri tirbaħ kompetizzjoni mondjali. Iżda l-aktar li tista’ tirbaħ fuq skala mondjali ħija l-kompetizzjoni Mr Universe. Dan bħal meta fil-futbol tikkompeti fiċ-Champions League. Li tirbaħa hi sodisfazzjon enormi iżda l-ikbar unur hu t-Tazza Interkontinentali.”
Sakemm jurini diversi ritratti relatati mal-pożi tiegħu waqt il-kompetizzjonijiet nistaqsih jekk dan l-isport jarahx kompatibbli wkoll fuq in-nisa.
“Raġel tgħoddu sabiħ b’muscle man. Mara bil-kontra. Mara mhux qeda hemm għall-muskoli. Ma naħsibx li mara hi maħluqa għalhekk. Inħobb mara li jkolla fiżiku tajjeb iżda sinċerament nemmen li mara mhux maħluqa biex ikollha dawn it-tip ta’ muskoli.”
Ma’ Pierre nitkellem fuq id-doping fl-isport. Ngħidlu kif jista’ jkun li raġel jinbena b’dan il-mod mingħajr sustanzi li jgħinu lil-ġisem biex isir hekk.
“Sustanzi hawn imma huma illeġali bħalmeta tużahom fi sport ieħor. Bniedem irid isir hekk b’dieta tajba u b’determinazzjoni kbira. Id-droga u s-sustanzi proibiti tista’ tużahom f’kollox u f’kull sport u huma dejjem illegali. Iżda l-isport tagħna ħammġuh għax jaraw il-muskoli. Hawn Malta s’issa qatt ma nqabad ħadd u d-doping test jistgħu jagħmluh f’kull ħin.
“Nixtieq li tinbidel il-mentalità tan-nies għax il-bodybuilding għandu wisq isem ħażin. U dan qatagħna lura. Jgħidu li għax dan ħuwa sport ta’ l-istress imma jien ngħid li fil-ħajja kollox fih l-istress.”
F’Malta hawn żewġ għaqdiet tal-bodybuilding. Pierre ikellimni fuq l-IFBB u n-NABBA, l-għaqda li hu membru magħha. Madankollu Pierre jgħidli li għandu relazzjoni mill-aqwa mal-bodybuilders kollha.
“It-tnejn għandhom it-tajjeb u l-ħażin tagħħom. Iżda jien qiegħed man-NABBA għax ma naqbilx daqshekk ma’ ċertu reġolamenti li għandhom l-IFBB.
“Il-bodybuilders Maltin kollha ħbieb tiegħi. Fost dawk li għamlu isem għal Malta hemm Domenic Schieda, Gilbert Cuschieri u fiż-żmien kien hemm Cħarles Duca li llum il-ġurnata jgħix l-Awstralja iżda hu Malti u kien rebaħ il-World Championship tliet darbiet. Aktar lura kellna lil ċertu Tony Żerafa. Bażikament naħseb li dawk kienu l-iktar li għamlu isem għal Malta fil-bodybuilding.”
“Imma wara dan is-suċċess kollu, kemm sibt appoġġ mill-awtoritajiet”, kienet il-mistoqsija tiegħi?
“Xejn. Assolutament xejn. Qatt ma sibt appoġġ mingħand ħadd. Lanqas mill-media ma sibt appoġġ. Meta rbaħt il-Mr World ġabu xi ħaġa żgħira l-gazzetti imma s’hemmħekk waqafna. Darba minnhom ħabib ġurnalist bħalek ipprova jġib xi ħaġa fuqhi fil-gazzetta u anqas aċċettawha. L-istess gazzetta għamlet ġimgħa sħiħa tirrapporta tiġrija tad-dgħajjes tal-qlugħ li saret Sqallija u ma kien ħemm l-ebda Malti mdaħħal fiha. Hawn mentalità kerha wisq.
“Jien stess anqas naf x’jista’ jsir. Jien stess qiegħed f’dan l-isport u ma nafx minfejn se naqbad nibda biex ningħataw ftit pubbliċità. L-ewwel ma jrid ikun hu l-gvern li jagħtina l-ewwel imbuttatura. Jien fl-2001 ħallast kollox mill-but biex nikkompeti għal pajjiżi. Dak iż-żmien kont tlabt lill-Ministru konċernat biex jgħinni ftit fil-passaġġi ta’ l-ajruplan u skoprejt li kont qed naħli l-ħin. Illum il-ġurnata jiddependi kollox minn butna u ġieli ħalsitilna wkoll l-Assoċjazzjoni. Tikkompeti għax hu delizzju u għax fl-aħħar ikollok sodisfazzjon personali.
“Jien Malti, inħobb lil Malta u kburi b’dan. Iżda kulmeta irrappreżentajt lil Malta f’pajjiż ieħor irrappreżentajt biss lil Pierre Mifsud. Qatt ma sibt għajnuna u rikonoxximent minn xi ħadd. Irbaħt anki Mr. World u kieku qatt ċempilli Membru Parlamentari biex jawgurali. Qatt ma ħadt prosit mingħand ħadd u għalhekk dejjem qist li qed nirrapreżenta lili nnifsi għall-unur tiegħi biss. Mingħand in-nies xi tgħajjira tista’ tieħu. Kif għidtlek meta mort nitlob ftit għajnuna mingħand il-Gvern fuq sempliċi passaġġ ta’ l-ajru wkoll sibt il-bieb magħluq.”
Nistaqsih liema huma dawk il-bodybuilders ta’ fama mondjali l-aktar li jammira u għala.
“L-iktar wieħed li ltqajt miegħu u ammirajtu hu Inġliż minn Birmingham, Dorian Yates. Hu champion Mr Olympia seba’ darbiet. Iżda hawn ieħor li qatt ma ltqajt miegħu. Qed ngħid għal Ronnie Coleman li rebaħ il-Mr Olympia xi seba’ darbiet. Coleman hu l-iktar wieħed li nammira. Almenu ta’ żmieni ngħidlek li hu kien l-aqwa bodybuilder fid-dinja f’dawn l-aħħar snin.”
Għal min mhux daqshekk intiż f’dan l-isport jaf mill-popolarità ta’ fuq it-televiżjoni lill-atturi ta’ fama internazzjonali Lou Ferigno u Arnold Schweirzeneiger li llum waslu fejn waslu grazzi għal dan l-isport. Insaqsih fuqhom.
“Dak kien żmien ieħor. Għal żmienhom kienu bodybuilders kbar u l-idoli ta’ ħafna. Imma ibqa’ ċert li kieku Lou Feriġno u Arnold Schweirzeneiger jikkompetu llum il-ġurnata anqas jibdew. Iż-żmien tagħhom kien żmien ieħor u kienu jaraw ċertu kobor biss. Illum jaraw kobor, simetrija u l-kundizzjoni tal-ġisem. Qabel tnejn bħal dawn kont tarahom b’dik il-ġilda kollha ħoxna fuqhom. Imma llum il-ġilda tal-bodybuilders tkun karta strazza u anqas tinqabad. Mhux qed ngħidlek li kienu ħżiena għax xorta kienu bodybuilders kbar u bis-saħħa ta’ dan l-isport saru popolari mad-dinja kollha u miljunarji kbar. Jien qatt ma ltqajt magħhom. Darba kien se jkolli ċ-ċans niltaqa’ ma’ Schweirzeneiger u ma lħaqtux. Kien ġie jara kompetizzjoni li kont qiegħed fiha jien l-Inġilterra fl-1998 imma laħaq telaq qabel ma wasalt jien.”
Lil Pierre inqasih jekk wara karriera daqstant twila li fiha rebaħ dak kollu possibbli wasalx iż-żmien li jieqaf u joqgħod jitpaxxa bl-unuri li rebaħ.
“Ili ngħid li nieqaf żmien u din is-sena erġajt għidt l-istess. Issa ddeċidejt li din is-sena se nieħu break imma sena oħra beħsiebni nerġa’ nikkompeti. U la se nerġa’ nikkompeti se nagħmel dan biex nirbaħ. Jekk ikun hemm tazza u unur kulħadd jieħu pjaċir jirbħu jekk ikun se jikkompeti għalih. L-Italja ħaduha erba’ darbiet it-Tazza tad-Dinja tal-futbol imma xorta baqgħu jidħlu għaliha. Id-delizzju jibqa’ delizzju. Veru li r-realtà tal-ħajja tgħidli biex nieqaf ħa nkun waqaft on a high note, l-aktar meta llum għandi 41 sena u kbirt. Dan l-isport m’għandekx età meta tieqaf imma nista’ nieqaf fil-futur jekk nerġa’ nkun champion.
“Jiġri x’jiġri jien kuntent ħafna li wasalt s’ħawn u rbaħt dan kollu. Jien il-bodybuildinġ bdejtu ta’ 28 sena meta kont diġà kbir. Sal-ġurnata ta’ llum għamilt dawn is-suċċessi kollha li f’Malta s’issa ma kienx hawn min rebaħ daqsi.”
Ngħidlu jekk għandu ħsieb li joħloq xi skola tal-bodybuilding fil-futur.
“Le u anqas irrid. Għax bi skola imbagħad jiġi xogħol. Jien irrid li l-bodybuilding jibqa’ delizzju għalija.
“Fil-bidu kelli kowċ f’ħajti imma maż-żmien bdejt nitħarreġ waħdi. Nara mingħand ħaddieħor u nitgħallem. Illum il-ġurnata qiegħed fi stadju li ngħallem lil ħaddieħor. Nixtieq nibqa’ f’dan l-isport anki meta nieqaf nikkompeti. L-iktar ħaġa ideali għalija hi li nintefa’ ma’ xi ħadd li jkun irid jikkompeti bis-serjetà u noqgħod nieħu ħsiebu jien. Dik tibqa’ x-xewqa tiegħi.”

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan