Carmelo Mifsud Bonnici | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Ftit minnha jkollhom il-ħin li jieqfu jirriflettu fuq x’soċjetà aħna. Kemm għandna vantaġġi, kemm qed jirnexxielna nilħqu livelli li ma rnexxilniex fi żminijiet oħra. Żammejna ħafna minn dak li tawna ta’ qabilna u bnejna fuqu tradizzjonijiet ġodda, kif ukoll metodu ta’ ħajja differenti.
Sirna ultra attenti fl-għalqa tat-teknoloġiji moderni. Ma joħrogx xi avvanz ġdid barra minn xtutna li l-għada ma ssibux hawn. Hemm x’hemm għaddej fid-dinja globalizzata li qed ngħixu fiha fi ftit ħin insiru nafu biha u naraw kif ser niħduha, indaħħluha parti minnha jew fuq n-naħa l-oħra nirreżistuha. M’għadniex il-pajjiż li fih affarjiet jaslu wara 10 snin għax inbdilna waħda sew.
Tħoss dan iktar u iktar f’dawn il-jiem sbieħ tal-Għid il-Kbir. Għaddej fil-korsija ta’ ħafna mill-knejjes tagħna ssib barra l-vari tal-Gimgħa l-Kbira esposti għan-nies biex jarawhom. Jispirawhom jirreflettu fuq id-diversi mumenti li minnhom għadda verament Sidna Gesù Kristu u jidħlu f’livell iktar fond ta’ l-importanza sħiħa tal-jiem li għandna x-xorti li ngħixu.
Mhux biss imma għall-oħrajn bħali li minn meta konna tfal konna niġru naraw il-purċissjonijiet tat-Tliet Ibliet inqabblu vara ma’ oħra, il-kostumi u l-persunaġġi li jagħmlu hemm sens ta’ passat li jerġa’ jiġi lura fil-preżent. Tħoss li hemm ħidma, sens ta’ mħabba li ftit huma l-mumenti fil-ħajja ta bniedem li fihom nistgħu nsibu bħalhom.
Mhux biss dan iżda d-diversi wirjiet li ssibhom imxerrdin ma’ kullimkien huma wkoll parti minn din l-identità qawwija bejn din il-festa kbira li ċċaqlaqna ’l quddiem u s-sens ta’ rabta qawwija mal-valuri insara li m’għandhomx jintilfu.
Fil-fatt, għalkemm ikun hemm min jaħseb kontra, il-verità u realtà hi li hemm għeruq b’saħħithom fil-fidi li dawn l-attivitajiet joħorġu iktar fil-beraħ. Jista’ jkun li wieħed jingħata l-impressjoni li din hi xi forma ta’ ritwal mingħajr ebda sustanza qisu xi twemmin popolari li huwa ’l bogħod mill-fonti oriġinali mentri fil-verità mhuwiex. Kulmin jipprepara dawn l-attivitajiet mill-wirjiet, marċi funebri u purċissjonijiet, issib li qabel inxteħet jaqra jew jieħu parir mingħand ħaddieħor biex dak li qiegħed jagħmel hu preċiż u li fih sens sħiħ reliġjuż.
Fil-fatt, għalkemm mhux kulħadd jinduna, imma din is-soċjetà hi dik li hi għax għandha din ir-rabta ma’ dawn il-valuri nsara. Huma l-ixprun li jmexxuna ’l quddiem, huma li jagħtuna direzzjoni u bilanċ bejn dak li hu ġust u li m’huwiex, huma li rnexxielhom jimbuttawna nifhmu bejn wieħed u ieħor fejn aħna u x’nistgħu nkunu. Iddur fejn iddur issib dejjem iktar preżenza nisranija f’din il-popolazzjoni li qed tikber u tespandi b’ritmi kbar. Żgur mhux forsi li l-Fokolarini huma xhieda qawwija ta’ dan. Dan il-moviment li nbeda minn Chiara Lubich sab ruħu hawn b’ħidma kostanti għall-numru twil ta’ snin. Attività reliġjuża li biddlet u daħħlet demm ġdid fi ħdan il-Knisja Kattolka.
M’hemmx dubju li mewt tal-fondatriċi f’dawn l-aħħar jiem ħalliet marka fost diversi li għadhom attivi kif ukoll dawk li b’xi mod f’ħajjithom sabu ruħhom parti minnu.
Kien hemm żvilupp sħiħ ta’ dimensjoni umana li l-karta sempliċi li ta’ kull xahar wieħed kien jirċievi għenet tkabbar. 12-il silta li mill-Vanġelu kienu jinqabdu u jiġu mfissra bi kliem sempliċi imma diretti lejn il-qalb kienu u baqgħu effettivi. Għandi memorja tajba ta’ din il-ġabra sabiħa ta’ persuni li taw u għandhiom jagħtu tant lis-soċjeta’ tagħna.
Is-semplicità tagħha fissret li waslet f’qalb ħafna u biddlet d-direzzjonijiet ta’ ħajjiet numru ta’ bnedmin lejn toroq li minnhom wieħed seta’ jsib lilu nnifsu ferm u ferm iktar utli milli kien. Reġgħet ġiet f’idejja ittra tagħha li kienet bagħtet lil numru ta’ ħbieb fl-1943 u fiha wieħed jara kemm il-bniedem hu iktar dirett meta ma jkunx ikkumplikat.
L-Għid il-Kbir jista’ jiġi ċelebrat esternament b’ikliet, figolli, bajd jew internament fil-qalb u fir-ruħ tagħna. Forsi l-fatt li twelidt fuq din il-parti tal-gżira, jew aqwa, it-trobbija li dħalt fiha, sarrfu fija l-għarfien li din hija festa mill-isbaħ. Festa li tħalli warajha sens qawwi ta’ bidla interna. Bidla li tgħinek fil-bqija tal-jiem tas-sena, fil-problemi li tikkonfronta u f’dak li trid u għandek iċċaqlaq ’il quddiem.
Dan hu poplu mimli enerġija iżda għandu dan il-vantaġġ għax dawn il-mumenti jikkargawna u jimluna b’iktar dożi ta’ determinazzjoni u perseveranza sabiex naslu fejn għandna naslu. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|