MediaToday

Emmanuel Micallef | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!

Nagħmlu tajjeb li ma noqogħdux inġebbdu u nfettqu dwar ir-riżultat ta’ l-elezzjoni u nerġgħu nirritornaw għan-normalità fil-ħajja ta’ kuljum. Għax wara kollox il-ħajja mhux politika biss.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir għenu biex id-diżappunti tat-telfa jew l-ewforija tar-rebħa jmajnaw mhux ħażin u nerġgħu għal li konna qabel il-ħames ġimgħat ta’ kampanja elettorali. Imut papa u jilħaq ieħor ngħidu, u hekk jiġri fl-elezzjonijiet. Iżda avveniment bħal dan bla dubju jħalli l-effetti tiegħu, jekk xejn fuq il-partiti politiċi nfushom.
Din l-elezzjoni ġenerali għandha l-istorja tagħha. Differenti minn ta’ qabilha u r-riżultat mhux biss iddikjara r-rebbieħa u t-telliefa imma ħalla bosta lezzjonijiet li rridu nitgħallmu minnhom.
Forsi l-impatt tar-riżultat elettorali ħalla effett immedjat fuq il-Partit Laburista u mill-ewwel inbeda proċess intern biex il-Partit iħares ’il quddiem u jieħu passi ħalli ma jibqax Partit tal-minoranza, kbira kemm hi kbira. Ir-riforma fil-Partit hi meħtieġa mhux biss fl-interess tal-Partit innifsu imma għall-ġid tal-pajjiż.
Huwa ħażin għall-pajjiż li jitmexxa mill-istess Partit għal tul ta’ ż-żmien esaġerat. Jekk il-ħtieġa għall-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż ma nħassitx biżżejjed din id-darba, wara kważi għoxrin sena ta’ l-istess partit fil-Gvern, ma jfissirx li l-poplu ma jurix dan b’mod mill-aktar ċar meta jkun il-waqt!
Għalhekk il-partiti politiċi ewlenin għandhom iktar piż fuq spallejhom u ma baqagħlhomx alternattiva oħra ħlief li matul il-ħames snin li ġejjin, mhux fil-ħames ġimgħat tal-kampanja elettorali, iridu jkunu qrib tal-poplu biex jifhmuh u ma jinqatgħux minnu. It-tnejn li huma jridu jagħmlu dan. Fil-politika qed jinħassu wkoll l-effetti ta’ bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb! Forsi din hija l-ikbar lezzjoni li jridu jitgħallmu l-partiti politiċi.
Mhux biss il-Partit Laburista li jrid jagħmel eżami tal-kuxjenza iżda l-Partit Nazzjonalista wkoll irid jevalwa l-ħidma tiegħu għaliex ir-rebħa immedjata tista’ tfisser ukoll it-telfa fit-tul. Il-Partit Nazzjonalista wkoll għandu s-sintomi ta’ partit tellief.
Il-PN tilef il-maġġoranza assoluta, tilef l-appoġġ ta’ nazzjonalisti li ma ġabrux il-vot, li ħassru l-vot u li ma ħarġux jivvutaw, tilef esponenti ewlenin, tilef l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, naqqas il-voti u tilef serħan il-moħħ li jista’ jiggverna bir-riħ fil-qala.
Il-PN wkoll għandu għalfejn jinkwieta dwar kemm verament għandu l-fiducja assoluta tal-poplu. Ikun qed jagħmel suwiċidju jekk il-PN, taħt l-iskuża li rebaħ l-elezzjoni b’1,580 vot, jitfa’ kollox taħt it-tapit qisu qatt ma ġara xejn mingħajr ma jdur dawra miegħu innifsu u jaġġorna ruħu.
Ma tridx wisq biex mat-30,000 votant li sfiduċaw il-partiti l-kbar jiżdiedu 2000 votant ieħor. Jekk il-PN jiftaħar kemm irnexxietlu l-istrateġija li adotta matul il-kampanja elettorali iktar u iktar għandu għalfejn jinkwieta għax dan ikun ifisser li rebaħ bil-ħila tal-qoxra u mhux bis-sustanza. Il-konsumatur li jagħżel li jagħmel xirja għax ikun attirat mir-reklam tal-prodott imbagħad isib li l-prodott mhux dak li kien qed jistenna, darba jingidem! Hekk jiġri fil-politika.
Il-PN diġà għaddej minn uġigħ ta’ ras intern. Is-Segretarju Ġenerali digà ddikjara li se jirtira f’Ġunju li ġej. Dan ifisser li l-partit irid ibiddel l-amministrazzjoni tiegħu u l-istil li bih titmexxa. Diġa’ smajna b’esponenti, l-aktar Membri Parlamentari Nazzjonalisti, jesprimu d-diżappunt tagħhom għax ma ntagħżlux fil-kabinett il-ġdid ta’ Lawrence Gonzi.
Wara dawn l-ilmenti hemm l-appoġġ tal-partitarji. Hemm imbagħad il-preokkupazzjoni għal fatt li l-Gvern Nazzjonalista kulma għandu siġġu iktar mill-Oppożizzjoni fil-Parlament. Din il-preokkupazzjoni qed tingħata l-ġenb jew qed tinħeba. Imma b’siġġu wieħed il-Gvern, u iktar minn hekk il-Partit fil-Gvern, żgur li ma jħossux komdu. L-iskandlu tal-Mistra ma waqafx mat-tħabbira tar-riżultat elettorali. Anzi bdew joħorġu l-fatti propju mill-għada ta’ l-elezzjoni. Wara r-rapport ta’ l-awditur tal-Mepa, għad irridu naraw fiex se jwasslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-allegazzjoni ta’ korruzzjoni u l-involviment ta’ l-esponent Pullicino Orlando.
Jekk jinstab li dan kien b’xi mod imċappas, il-PN jkollu għadma iebsa xi jmexmex. Il-Partit jista’ jitlob għar-riżenja tiegħu minn kull kariga fil-Partit iżda ma jistax jġiegħlu jirriżenja mill-Parlament. Diġa’ bdejna nisimgħu li l-ewwel lealtà li għandu jkollu Pullicino Orlando bħala Deputat elett minn żewġ distretti hi lejn il-kostitwenti tiegħu u mhux lejn il-Partit Nazzjonalista.
X’se jagħmel il-PN u l-Gvern jekk Pullicino Orlando (f’każ li ma jkunx dikjarat kompletament ħieles mill-akkużi) jasal għall-konklużjoni li apoloġija pubblika hi biżżejjed biex jirrimedja u jibqa’ jinsisti li jżomm postu fil-Parlament?
Hemm ukoll l-aspettattivi tal-poplu. B’ministri differenti u Segretarji Parlamentari ġodda fjamanti wieħed jistenna li din l-amministrazzjoni titmexxa aħjar minn ta’ qabilha. L-istennija hi li l-proġetti mwiegħda jitlestew bl-inqas spejjeż u fil-ħin; li jinħolqu l-eluf ta’ mpjiegi ġodda; li d-deficit fil-baġit jinbidel f’surplus; li l-ambjent jingħata spinta.
L-elettorat ma jistenniex is-sorpriżi fis-sens li jitwettqu wegħdi li ma sarux u ma jitwettqux wegħdi li saru. Diġa’ kien hawn min darras wiċċu għax tħabbar li se nerġgħu nissieħbu fil-Partnership for Peace. Mhux daqstant għax se nissieħbu li ġabet ċerti reazzjonijiet negattivi iżda għax kienet xi ħaġa li ma ssemmiet qatt waqt il-kampanja elettorali. Bħal din jista’ jkun hemm inizjattivi oħrajn.
Tattikament il-PN jista’ jdawwar il-kanuni tiegħu lejn il-MLP biex itaffi l-pressjonijiet minn fuqu iżda b’daqshekk ma jkunx qiegħed isolvi l-problemi interni. Jekk il-MLP għandu bżonn ir-riforma biex jerġa’ jsir partit li kapaċi jirbaħ, il-PN għandu bżonn ir-riforma biex ma jsirx partit li faċli jitlef. Il-PN għandu ħames snin ibsin quddiemu bħalma għandu l-Gvern Nazzjonalista!

Nixtieq l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan