Ittri | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
Minn Michael Pace,
Buġibba
Kont ilni snin twal ma nattendi għall-mass meetings tal-Partit Laburista għax jien wieħed minn dawk li għalkemm Laburist ma kontx qed inħossni komdu fil-partit tiegħi.
Dan minħabba l-mod kif ġew ittrattati l-kapijiet preċedenti tal-partit. Ħaġ’oħra hi l-istil tan-New Labour qatt ma stajt nifhem x’inhu, imma din id-darba ridt nisma’ b’widnejja dak li kien qed jingħad mill-mexxejja ta’ dan il-partit u ma noqgħodx nisma’ t-tiċrit tad-diskorsi f’mezzi tax-xandir oħra.
Bqajt skantat mhux ftit il-mod li kif kienu qed jiġu organizzati dawn l-attivitajiet tal-massa għax jien mdorri bi stil differenti. Skantajt bil-palk enormi li kien ikun hemm li fuqu kien ikun hemm, sakemm tinġabar il-massa, tlieta jagħjtu lin-nies biex jgħollu jdejhom ’il fuq, “fejn huma l-irġiel, u fejn huma n-nisa?”
Imbagħad kien jitla’ Ray Azzopardi u hemmhekk kienet tibda l-fashion parade, jibdew jingħajtu l-kandidati wieħed wieħed, kulħadd bil-bobba u ingravata sabiħa. Wara kienu jibdew ħerġin id-deputati mexxejja.
L-ewwel ma kien jitla’ dak tal-Labour United, li kien jimlina kollha bews, imbagħad kien jitla’ d-deputat mexxej l-ieħor, kollu tixjir u jdejh magħqudin ma’ xulxin.
Fl-aħħar kien jitla’ l-Kap, fost ħafna għajjat u daqq tal-ħornijiet. Wara dan kollu jibda bl-ewwel messaġġ Michael Falzon.
Messaġġ li meta tagħsru ma kont issib xejn ta’ sustanza ħlief li aħna tal-Labour United u niġu mxebbħa ma’ ljuni. Imbagħad kien ikun hemm it-tieni messaġġ u nibqgħu sejrin hekk. Qed ngħid dan kollu bħala risposta għall-mistoqsijiet li għamel fl-artiklu tiegħu nhar il-Ħadd li għadda Stefan Zrinzo Azzopardi f’din il-gazzetta fejn għamel numru ta’ osservazzjonijiet interessanti.
L-ewwel waħda li għamel kienet li kellna elezzjoni li fiha l-ebda partit ma ġab il-maġġoranza. Ma naħsibx li din għandha tkun ta’ konsolazzjoni għal telfa. Hawn jidher in-nuqqas ta’ l-amministrazzjoni kif ukoll tal-leadership tal-partit u din iġġibni għat-tieni osservazzjoni ta’ Zrinzo Azzopardi fejn qal li kien hemm swing favur il-Partit Laburista mill-2003 lil hawn li ma kenitx biżżejjed biex
il-Partit Laburista jirbaħ.
Zrinzo Azzopardi semma wkoll li dan ir-riżultat mar kontra l-indikaturi li kien qed ikollu matul il-kampanja. Naħseb li kieku Zrinzo Azzopardi u sħabu kienu jkunu qalb il-massa, kieku żgur ma kienx jgħid li r-riżultat mar kontra l-indikazzjonijiet li kellhom. Meta tkun fil-massa tieħu idea ta’ x’qed jaħsbu n-nies u jien, li kont hemm, kont nisma’ l-kummenti tal-folla fejn ma kellhomx l-istess fiduċja ta’ l-amministrazzjoni.
Din in-nuqqas ta’ fiducja kienet ġejja mill-inkonsistenza fid-diskorsi tat-tmexxija u mill-organizzazzjoni ta’ l-amministrazzjoni. Ġejja wkoll għal mod ta’ kif kienu qed jiġu iffaċċati l-argumenti minn Gonzi PN u għal dan nista’ nsemmi ftit eżempji.
Ħadd ma kien kapaċi jispjega l-punt tar-reception class.
L-intervista li ta Charles Mangion fuq il-kwistjoni tas-sahra li marret kontra dak li kien hemm fil-manifest. Kien hemm il-kwistjoni tad-dejn nazzjonali u t-tifsira tiegħu bħala tnaqqis fis-servizzi soċjali.
L-iżbalji kbar li kien hemm fil-manifest elettorali li ssejħu misprints, manifest li qatt ma rċevejna fi djarna.
Filwaqt li l-ġurnalist ta’ One News Charlon Gouder kien qed ixejjer ir-ritratt tal-Perit Mugliett flimkien ma’ sieħbu l-Perit Robert Sant li ħa l-kuntratt tal-pont u jġibha li dan hu skandlu, issir allegazzjoni fuq id-deputat mexxej Michael Falzon li fl-aqwa tal-kampanja kien qed jiekol flimkien ma’ wieħed mill-aqwa kuntratturi li kien għadu kif inħariġlu permess abbużiv għal supermarket f’Ħal-Kirkop.
B’dawn il-ftit punti Zrinzo Azzopardi għandu jinduna li dawn il-messaġġi kienu qed jiġu diskussi waqt
il-laqgħat tal-massa li kien qed jorganizza l-partit u dawn kienu l-beżgħat vera
tal-Laburisti.
Inħoss li issa hu ż-żmien li kulmin għandu demm Laburista ġo fih għandu jikser l-omertà li ħakmet lil dan il-partit u ma nibżgħux ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Ma nagħmlux iktar l-iżball, bħalma għamilt jien ukoll, li min għar-raġunijiet tiegħu għamilna nħossuna skomdi fl-istess partit tagħna nħalluh jagħmel li jrid. Niftakru li l-partit issa qed isejħilna biex ningħaqdu iktar minn qatt qabel u ma nħallux il-ħidma ta’ missirijietna u tagħna tispiċċa fix-xejn.
Għalhekk inħoss li l-amministrazzjoni kollha għandha toffri r-riżenja tagħha u jsir proċess ħieles u demokratiku biex neleġġu kap u amministrazzjoni ġdida li taħdem biex tgħaqqad
il-partitarji sinċieri Laburisti. Meta ħdimna flimkien u
bil-volontarjat ħadna r-riżultat għax iggvernajna għal 16-il sena sħaħ.
Filwaqt li nawgura lil Alfred Sant saħħa u għomor twil nawgura wkoll li jintgħażel mexxej li jgħaqqad lil kulħadd! |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|