MediaToday

Intervista | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro

Sakemm qed nistenna lil Patri Hilary fil-kappella tal-Millennju f’Paceville ninnota żewġ immigranti jistennewh. Jasal u jieqaf ikellimhom. Nisimgħu jgħid: “I’m sorry but I do not have any money to give you. The money we had has finished. I can only give you some of my pocket money.”
Ma nifhimx x’qed jiġri u jarani b’ħarsa mħawda fuq wiċċi. Jispjegali li dawn huma nies li lanqas għandhom għaxja ta’ lejla.
“Jiġu minn Ħal Far biex nagħtihom il-flus, imma jien immur nagħmel wiċċi biex inkunu nistgħu nagħtuhom xi ħaġa. Hemm organizzazzjoni li tħallsilhom il-passaġg biex jitilqu minn Malta għax dawn mhux hawn iridu jibqgħu. Huma jridu jmorru fejn hemm ix-xogħol. Iżda biex jitilqu għandhom bżonn li mill-inqas f’idejhom ikollhom €250.”
Dak li nisma’ mingħandu jikkuntrasta mhux ftit ma’ dak li jaħsbu bosta Maltin li l-immigranti jridu jibqgħu hawn għax jinsabu komdi.
“Hi għarukaża li għad għandna nies li f’dik il-kesħa jgħixu taħt dawk it-tined meta tara kemm hawn postijiet vojta,” jgħid il-patri b’ton li nilmaħ fih ir-rabja.
Illum, fl-Għid, Patri Hilary jagħlaq 50 sena minn meta sar patri darba fl-1958. “Għadni għaddej,” jgħidli bi tbissima. “Illum u l-ġimgħa ta’ wara għandna xi ċelebrazzjonijiet. Ma ridt nagħmel xejn imma la laħqu organizzaw kollox mhux sejjer ma niħux sehem,” jgħidli bl-umiltà karatteristika tiegħu.
Nistaqsih jekk l-Għid hijiex l-akbar festa għal dawk li jqisu rwieħhom Kristjani.
Mingħajr temtim jgħidli: “Il-Maltin iktar jiċċelebraw il-Milied milli l-Għid. Il-Milied jinħass iktar minħabba l-kummerċ li hemm relatat miegħu. Bħala festa l-Għid huwa ħafna iktar sinifikattiv. Jirrappreżenta l-qawmien mill-ġdid tal-ħajja. L-Għid madwaru hemm il-Ġimgħa Imqaddsa li pjuttost hi dedikata għall-mewt ta’ Ġesù Kristu, iktar milli ibbażata fuq il-kummerċ. U hekk għandu jkun. Il-Malti jħares iktar lejn il-Milied bħala l-festa tal-familja.
“Imma fil-verità l-Għid ifisser tama ġdida għall-ħajja ġdida. L-Għid għandu jingħata priorità. Il-passjoni ta’ Ġesù tirrappreżenta l-mument diffiċli ta’ kull wieħed minna u meta xi ħadd ikun għaddej minn mumenti diffiċli dan hu ż-żmien meta wieħed jirrifletti fuq il-ħajja ta’ Ġesù. Irid jara mhux biss il-mewt imma l-qawmien tiegħu. Ġesu ġie wkoll biex jagħtina l-libertà.”
Nargumenta li l-knisja ħafna drabi tigglorifika t-tbatija ta’ Kristu u kważi tinjora l-isbaħ parti tal-ġrajja mqaddsa. Donnu n-nisrani hu ikkundannat biex ibati f’din il-ħajja għax il-ferħ jiġi wara.
“Assolutament le. It-tbatija hi parti mill-ħajja u din kulħadd irid jaċċettaha. Imma l-ferħ għandu jkun l-iskop tan-nisrani. Fit-tbatija għandek issib il-qawmien u l-ħelsien. Għandu jħares lejn it-tbatija bi spirtu ta’ fidi. Kif Kristu kien fuq is-salib imbagħad qam mill-mewt hekk ukoll in-nisrani,” jispjega Patri Hilary.
Ninsisti miegħu: imma bilfors trid tbati biex tkun nisrani tajjeb?
“Il-messaġg tal-Knisja mhux dak. Nerġa’ ngħid li t-tbatija hi parti mill-ħajja. L-iskop dejjem jibqa’ li l-bniedem ikun ferħan u jgħix il-ħajja. M’hemm xejn isbaħ mill-ferħ u l-libertà. Ċertament ħadd mhu kapaċi jagħti risposta għat-tbatija iżda min jemmen jasal jaċċetta t-tbatija għax Alla ġie fid-dinja biex ibati bħal bniedem u fuq kollox miegħu. Alla ma qagħadx gallarija, jittawwal u ma jagħmel xejn. Imma ġie biex jappoġga lill-bniedem biex ma jkunx waħdu fit-tbatija tiegħu. U jekk ma jkunx kapaċi jeħles mit-tbatija l-bniedem jaf li hemm xi ħadd iġorr il-piż miegħu,” jgħidli b’ħarsa li tqanqal fiduċja.
Ngħixu f’soċjetà mgħaġġla fejn xejn m’hu xejn. Nistaqsih dwar il-valuri nsara u kif tirrispondi l-knisja għall-fatt li dawn saru qishom oġġetti fuq l-ixkaffa tas-supermarket li minnhom in-nisrani jagħżel x’jieħu.
B’ottimiżmu jisħaq li s-soċjetà qed tinbidel u l-valuri jinbidlu skond is-soċjetà.
“Kollox jinbidel u l-valuri jinbidlu wkoll. Ħares lejn il-valur tar-rispett lejn in-nies b’diżabbiltà. Żdied ħafna f’dawn l-aħħar snin. Lura fiż-żmien konna nidħku bihom. Illum le. Grazzi wkoll għall-kultura u l-Knisja li ħadet ħsieb nies b’diżabbiltà llum dawn l-individwi qed imorru l-iskola normali bħal tfal oħra, jintegrawhom iktar fil-komunità.
“Illum m’għadux mitqies diżunur li jkollok tfal b’diżabbiltà. F’dan is-sens, il-valuri nbidlu. Il-valuri huma kif tgħix is-soċjetà. Il-Knisja tagħmel sew li żżomm il-valuri tagħha. L-iktar fundamentali hi d-dinijità tal-bniedem tant li n-Nazzjonijiet Uniti wkoll irrikonoxxiet dan il-valur. Il-Knisja damet biex ħadet ċerti passi. Damet biex ikkundannat l-skjavitù u l-piena kapitali. Iżda llum tikkundannahom.
“Il-Knisja dejjem ħalliet influwenza fejn kienet. Kuntent li l-Knisja m’għandhiex is-saħħa ta’ Gvern jew inkella tobbliga lill-bniedem kif għandu jgħix. Id-dmir tagħha hu li xxandar l-aħbar it-tajba. Imma m’għandhiex tobbliga lil dak li jkun kif tridu hi,” jgħìdli.
F’moħhi nħoss li din kontradizzjoni. Il-Knisja għandha pożizzjoni ċara fejn jidħol is-sess u titkellem ħafna dwaru. Dak mhux indħil?
“Il-Knisja li qed tipprova tagħmel illum hu li tgħid li s-sess mhux biss xi ħaġa ta’ pjaċir. Kieku l-Knisja ma titkellimx fuq is-sess tagħmel ħazin għax ikun hemm iktar sfruttament fuq il-mara, speċjalment jekk ikun sess għal pjaċir biss. Ikun hemm iktar lok għall-abbuż meta dan qiegħed hemm sempliċiment għal pjaċir. Il-Knisja tkun qed tonqos mid-dover tagħha.
“Anki l-iskop taż-żwieġ inbidel. M’għadux biss għat-tfal imma l-bini tal-familja. Dan jirrifletti li hu mibni wkoll fuq is-sess. Is-sess ħalqu Alla allura bilfors hu pjaċir u għandu jkun pjaċir. Kull ħaġa li ħalaq Alla hi sabiħa basta tkun ipprattikata fil-kuntest tagħha.”
Nistaqsih x’jaħseb fuq gruppi ta’ nies li jħossuhom esklużi mill-Knisja minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom fosthom persuni gay.
Il-Knisja ma taċċettax li żewġ persuni gay jiżżewġu jew li jkollhom relazzjoni intima minkejja li din tista’ tkun ukoll unjoni ta’ mħabba.
“Huma qed jagħżlu li jeskludu ruħhom.
Il-Knisja għandha r-regoli tagħha. Ma jfissirx li m’għandhomx l-imħabba t’Alla. Dan magħhom hemm il-poġguti, id-divorzjati u s-separati. Il-fidi hi l-imħabba ta’ Alla għalik u kif inti tirreċiprokaha. Il-kuxjenza tiegħek hi mibnija fuq dawn l-affarijiet,” jinsisti Patri Hilary.
Nistaqsih dwar id-drogati u l-prostituti u x’għandha tkun l-attitudni tas-soċjetà lejhom.
“Għandhom stigma li trid tinbidel. Is-socjetà trid tbiddel il-mod ta’ kif tħares lejhom. Huma nies sfortunati li għandhom bżonn l-għajnuna u mhux jiġu ikkundannati. Is-soluzzjoni qatt m’hi l-ħabs, anki f’dawn il-każijiet. Persuni li għandhom il-vizzju tad-droga għandhom bżonn postijiet ta’ riabilitazzjoni. L-istess għall-prostituti.”
Naqbadlu fuq it-tema tal-ħabs. Fix-xhur li għaddew kien hemm bosta tfal li ntefgħu l-ħabs fuq reati minuri.
“Assolutament ma naqbilx. Il-ħabs jagħmel ħsara kbira. Biżżejjed hi ħasra li l-ħabs mhux post ta’ korrezzjoni għall-kbar, aħseb u ara għat-tfal. Fil-ħabs iktar issir ħsara għall-persuna għax dak hu l-post fejn il-bniedem jitkisser iktar minħabba n-nuqqas ta’ councelling, xogħol u dinjità lejn il-bniedem. Dan jiġi rifless sew meta tara li tliet kwarti taż-żgħażagħ li jmorru hemm f’età iżgħar jerġgħu jispiċċaw hemm.”
Iżda x’inhi l-alternattiva għal tfal li jkunu għamlu reat?
“Dik hi l-ikbar kwistjoni. Fi żmieni kien hemm is-Salvatur. Irid jinħoloq half way house ta’ riabilitazzjoni għal min għandu karattru diffiċli jew tendenzi kriminali. Trid tkun dar apposta li tieħu ħsieb tfal bi problemi ta’ mġiba għax dawn qed jiżdiedu,” tenna Patri Hilary.
Ipoġġi subgħajh fuq numru ta’ kawżi li qed iwasslu biex jiżdiedu t-tfal b’imġieba ħażina. “Qed ikollhom ħafna flus fl-idejn iżda prinċipalment l-problemi ġejjin mill-familja. Apparti minn hekk l-iskejjel wisq għadhom marbutin mal-kotba minflok ma nagħtuhom preparazzjoni għall-ħajja. Għaliex m’għandhomx ikunu jafu min hu Gandhi jew Martin Luther King? Din hi l-kwalità ta’ edukazzjoni li qed nagħtu lit-tfal tagħna.
“Hemm ukoll ħafna bullying. Ix-xorb problema oħra u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed issir problema serja kważi ngħid iktar mid-droga. Ħafna mix-xorb imbagħad jgħaddu għad-droga.”
Naqbeż fuq suġġett differenti: il-purċissjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet popolari li jsiru f’dawn il-jiem. Nistaqsih jekk biex jitħassrek Alla tridx tintrabat bil-ktajjen jew timxi ħafi wara xi vara.
“F’għajnejja dik hi superstizzjoni. Nirrispetta r-religjożità ta’ min jagħmilhom imma hemm ħafna modi oħra ta’ kif jistgħu jġibu ruħhom,” jgħid b’mod skjett.
Qabel ma nitlaq nerġa’ nittantah bl-argument li r-reliġjon nisranija twassal messaġġ ta’ rassenjazzjoni fejn in-nisrani jkollu jaċċetta t-tbatija.
Ma jaqbilx miegħi. “Min jgħaddi l-messaġġ ta’ rassenjazzjoni ma jkunx qed jgħaddi messaġġ sew. Meta Pilatu ta daqqa ta’ ħarta lil Kristu, Kristu ma qallux agħtini daqqa n-naħa l-oħra, imma qallu ‘għidli x’għamilt’. Id-dinjità tiġi l-ewwel u qabel kollox. Jekk lura fiż-żmien il-Knisja kienet tgħaddi l-messaġġ ta’ rassenjazzjoni dan inbidel. Illum il-Knisja tgħaddi messaġġ ta’ tama u mħabba. Il-messaġġ hu wieħed: li d-dinjità għandha tkun fl-ewwel post.”

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista

It-tbatija, il-ħelsien u l-ħajja

Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro


Editorijal
Politika tal-ħabi


Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Ir-rebħa b’sintomi ta’ telfa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu mimli enerġija



X'kien Jgħid
Vixxri



Wenzu Mintoff

L-Irxoxt li ma ħariġx
Ħames snin ilu kont għamilt speċi ta’ mħatra jew wegħda, għidilha li trid, li jekk il-Partit jirbaħ l-elezzjoni mmur nerfa’ fl-Irxoxt ta’ Bormla. Żgur mhux fil-ġirja imma anki b’nifsi maqtugħ, fit-telgħa tat-Triq l-Oratorju fejn konna noqogħdu.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan