Editorjal | 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73
F’nofs il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, f’mument meta l-Oppożizzjoni għadha qed tipprova ssib saqajha u meta l-Parlament għadu mhux kostitwit, jumejn ilu sirna nafu li pajjiżna applika biex isir membru tal-Partnership for Peace (PFP), organizzazzjoni mwaqqfa min-NATO.
Ħabta u sabta, bla kliem u bla sliem, il-Gvern ġdid ta’ Lawrence Gonzi qabad u tefa’ applikazzjoni biex Malta tissieħeb f’għaqda mwaqqfa minn organizzazzjoni militari.
Dan mhux il-mod ġust ta’ kif jitmexxew affarijiet serji bħal dawn, speċjalment meta Gonzi jaf li kien hemm kontroversja sħiħa lura fl-1995 meta l-Gvern ta’ Fenech Adami applika biex pajjiżna jissieħeb fil-PFP.
Tant kien suġġett delikat dakinhar li meta reġa’ tela’ fil-Gvern fl-1998, Fenech Adami mhux biss ma tħajjarx jerġa’ japplika, wara li Gvern Laburista irtira l-applikazzjoni, imma kien saħansitra ikkommetta ruħu li l-kwistjoni ma baqgħetx prijorità għall-Gvern tiegħu.
Iktar minn hekk ix-xogħol biex pajjiżna jissottometti l-applikazzjoni b’mod formali żgur li ilu li beda x-xhur u għalhekk iktar hemm x’tikkritika għall-fatt li dan il-pass inżamm mistur min-nies qabel l-elezzjoni.
Jista’ jkun hemm raġunijiet validi għalfejn Malta jaqblilha tissieħeb fil-PFP imma konna nistennew iktar maturità u serjetà fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet.
Il-Gvern irid jispjega x’se jkunu l-kundizzjonijiet imposti fuq Malta. Irid jgħid x’inhuma l-obbligi li se jidħol għalihom pajjiżna. Jekk hux se jkun hemm impatt fuq in-newtralità tagħna. Jekk Malta hux se tkun mistennija tagħti appoġġ
lill-azzjonijiet militari tan-NATO anki jekk fuq livell loġistiku. Dawn huma ħwejjeġ serji li messhom kienu dibattuti qabel fil-Parlament ħalli l-informazzjoni tingħata b’mod sħiħ mingħajr tidwir tal-lewża.
Hu minnu li fil-PFP hemm pajjiżi oħra newtrali bħall-Isvizzera u l-Irlanda. Hu minnu wkoll li r-Russja hi membru.
Skond ma qal il-Gvern pajjiżna qed isib diffikultà biex jingħata ċerta informazzjoni sensittiva fuq livell Ewropew għax m’aħniex imseħbin fil-PFP u jekk dan hu l-każ allura jista’ jkun li jaqblilna nsiru membri.
Filwaqt li mhux qed nagħlqu l-bieb għal sħubija f’din l-għaqda nemmnu li nkunu nistgħu nagħtu ġudizzju ħafna iktar infurmat ta’ x’ikun jaqbel għal pajjiżna meta d-dettalji tas-sħubija joħorġu fil-pubbliku.
Il-politika tal-ħabi ma tagħmel ġid lil ħadd u tqanqal suspetti għal xejn b’xejn. Stennejna aħjar mill-kabinett il-ġdid ta’ Gonzi fl-ewwel deċiżjoni kbira li ħa wara l-elezzjoni.
L-għażla li għandu quddiemu l-Partit Laburista biex jaħtar mexxej ġdid hi importanti ħafna u għalhekk irid ikun evitat kull manuvrar intern li jista’ jkun hemm biex persuni fl-istrutturi eżistenti jgħawġu l-affarijiet b’tali mod li jingħata vantaġġ lil xi ħadd jew ieħor mill-kontestanti.
Il-power of incumbency li semma’ Alfred Sant bħala fattur fit-telfa li sofra l-Partit Laburista faċilment jista’ jintuża minn min illum hu ingranat fl-istrutturi interni tal-partit biex jingħata vantaġġ mhux ġust.
Għalhekk nemmnu li l-affarijiet għandhom isiru bl-ikbar trasparenza bi ftehim mal-kandidati li se jikkontestaw għat-tmexxija.
Nissuġġerixxu li għandha tinħatar kummissjoni indipendenti mill-amministrazzjoni tal-Partit. Iċ-chairman għandu jkun maqbul bejn il-kandidati kollha u kull kandidat ikollu d-dritt li jaħtar membru wieħed f’ismu fuq il-kummissjoni. Għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni jkun tajjeb jekk is-Segretarju Ġenerali jkun ukoll membru fuq il-kummissjoni. Il-kummissjoni għandha tingħata l-għajnuna amministrattiva kollha li għandha bżonn mingħajr xkiel.
L-għan tal-kummissjoni għandu jkun li tiżgura l-aċċess ħieles u sħiħ lil kull kandidat għad-delegati u għall-mezzi tal-media tal-partit. Il-kummissjoni għandha tfassal skeda ta’ xandiriet fuq One TV u One Radio li jagħtu lok għal dibattiti bejn il-kandidati kif ukoll spots ta’ informazzjoni. Il-kummissjoni għandha tfassal ukoll regoli ċari ta’ x’jista’ u x’ma jistax isir mill-kandidati minn issa sa l-elezzjoni f’Ġunju.
F’ġieh it-trasparenza l-kummissjoni għandha tagħmel pubbliku kull deċiżjoni ħalli jitneħħa kull dell ta’ ħabi. B’hekk nemmnu li kull kandidat ikollu fair deal biex jikkonvinċi lid-delegati bl-argumenti u bil-viżjoni li se jkun qed jippreżenta. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Sabrina Agius tintervista lil Patri Hilary Tagliaferro
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|