MediaToday

Wenzu Mintoiff | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71

Bejn sema u ilma

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta’ l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f’pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f’temp ta’ sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.
Ma nazzardax inbassar jew naqta’ min se jirbaħ din l-elezzjoni, iktar u iktar meta lanqas il-lagħaba mhuma qed jazzardaw jilgħabu l-flus did-darba. Ngħiduha kif inhi, l-opinion polls għandhom ħabta jfallu bl-ikrah f’pajjiżi bħall-Italja u l-Amerika, aħseb u ara f’Malta fejn m’għandniex xi tradizzjoni twila għal dawk li huma sondaġġi u l-mentalità tal-Maltin fejn jidħlu dawn l-affarijiet għadha waħda suspettuża għall-aħħar. F’April ta’ sentejn ilu kienet se tiġrili waħda tinkiteb meta ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija ċċekkjajt l-internet biex nara kif kienu sejrin l-exit polls fl-elezzjoni ġenerali Taljana. Fil-fatt il-koalizzjoni tal-partiti taċ-Ċentru Xellug, imsejħa l’Ulivo, kienet qed tgawdi vantaġġ sostanzjali.
Dħalt l-istudio għal programm tar-radju u b’ton mill-iktar ewforiku u trijonfanti bdejt inballat kemm niflaħ lil Berlusconi dwar il-fatt li l-flus kollha tad-dinja u l-amnestiji u l-liġijiet li għamel favur l-interessi tiegħu ma sservew għal xejn biex ma jiġix maqlugħ mill-poter minn Prodi li ċerti ġurnalisti Taljani kienu jiddeskrivuh bħala mortadella.
Imma iktar ma beda jgħaddi l-ħin u daħal ukoll il-lejl, id-distakk bejn Berlusconi u Prodi beda jonqos u jonqos u kważi nġieb fix-xejn. Fl-istess ħin il-konfondiment tiegħi beda jiżdied u bdejt nimmaġina xi stajt nagħmel l-għada biex noħroġ minnha din is-sitwazzjoni imbarazzanti wara l-mesħa kbira li kont tajt lil Berlusconi. Imma distakk ta’ ftit mijiet ta’ voti favur il-partiti taċ-Ċentru Xellug kien biżżejjed biex l-għada ma jkollix għalfejn nilgħaq lura l-bżieq kollu li kont xerridt kontra Berlusconi u sħabu.
Jiena għandni ma nafx x’se jiġri iktar tard matul il-ġurnata u għalkemm ninsab fiduċjuż li l-Labour żied qatigħ fl-appoġġ popolari, mhux se ngħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu. Li hu żgur matul din il-kampanja kienet tinħass swing qawwija ħafna ta’ votanti ex-Nazzjonalisti li għal raġunijiet varji iddeċidew li jaqilbu l-vot tagħhom fuq il-kandidati tal-Partit Laburista. Anki surveys bħal tal-MaltaToday li kienu jagħtu vantaġġ marġinali lill-PN minħabba li fis-sample użat kien hemm ħafna iktar votanti li d-darba l-oħra vvutaw PN minn dawk li ivvutaw Labour kienu jindikaw swing ta’ bejn 8 u 9% favur il-Partit Laburista.
Kienet kampanja elettorali li mad-daqqa t’għajn tidher normali, imma fl-istess ħin ħarxa u intensiva. Matul dawn il-35 ġurnata tal-kampanja kien hemm waqtiet ukoll fejn saħnet il-qiegħa, fejn ma naqsux l-insulti, it-tgħajjir, il-provokazzjonijiet u l-mumenti drammatiċi. Imma kollox ma kollox irrenjat il-kalma u l-konvivenza ċivili fejn stajt tara karozzi bil-bnadar tal-partiti rivali jgħaddu minn ħdejn xulxin mingħajr l-iċken problema qisu qatt ma kien xejn.
Għalkemm eluf kbar ta’ partitarji attendew bi ħġarhom għall-attivitajiet tal-massa tal-partiti politiċi ewlenin, il-ħajja ta’ kuljum baqgħet għaddejja normali. Minkejja li fost il-partitarji kien jinħass is-soltu akkanitiżmu u entużjazmu favur il-partit tagħhom, bl-ebda mod ma kienet tinħass firda, mibegħda jew pika bejn in-nies fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-ħwienet u fil-qalba ta’ l-ibliet u l-irħula.
Biex tassew ikollna bidu ġdid f’dan il-pajjiż, filwaqt li min rebaħ bir-raġun għandu għalfejn jifraħ u jiċċelebra, min tilef bl-ebda mod m’għandu għalfejn iħossu umiljat jew ikkalpestat. Nistgħu ma naqblux fl-għażliet politiċi tagħna, imma l-Gvern elett f’din l-elezzjoni suppost li huwa Gvern li għandu jaħdem b’riżq il-Maltin u tal-Għawdxin kollha.
Il-Gvern li ġie elett għandu l-ewwel u qabel kollox jitħalla jiggverna skond il-mandat li tah il-poplu fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda. Jgħidu x’jgħidu matul il-leġislatura li għaddiet, il-Gvern Nazzjonalista ftit li xejn kellu xi jfixklu jew ixekklu milli jwettaq il-programm tiegħu, la minn naħa ta’ l-Oppożizzjoni parlamentari , lanqas mill-unions u lanqas mis-soċjetà ċivili. Wieħed jittama li l-Gvern li għadu kif ġie elett, jingħata l-istess opportunità li jwettaq il-mandat elettorali tiegħu mingħajr gambetti jew sabutaġġi.
Wara li jkunu nħarqu l-ħornijiet, inħanqu l-vuċijiet u ntefgħu s-sufarelli, f’qasir żmien il-Gvern il-ġdid mill-paroli jrid ifittex jgħaddi għall-azzjoni, inkella faċli jista’ jkorri. Fil-kampanja elettorali jingħad ħafna diskors għal għajn il-votanti li jrid ifittex jissarraf, inkella l-appoġġ popolari tal-maġġoranza malajr jibdel jittiekel u jitnaqqar. M’għandnix xi ngħidu Gvern tassew ġdid irid iż-żmien tiegħu biex isib saqajh, jieħu stocktaking tajjeb tas-sitwazzjoni u jieħu tabilħaqq ir-riedni tal-pajjiż.

Intervista
Xaqq dawl għal tfal li jbatu

Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta' foster care



Il Punt
Il-ħtieġa ta' inkjesta
Joe Sant



Emmanuel Micallef
Il-poplu tkellem u iddeċieda...


Carmelo Mifsud Bonnici

Pajjiżna tilef raġel



Wenzu Mintoff

Bejn sema u ilma

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta' l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f'pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f'temp ta' sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan