MediaToday

Sport | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71

55 sena ta’ storja sportiva

L-intervista ta’ din il-ġimgħa għamiltha mal-persuna li kont bdejt magħha fil-qasam tal-media 11-il sena ilu. Ma’ Charles Mock kont bdejt bl-ewwel kollegamenti tiegħi mill-istudios u wkoll mill-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali bħala kontributur ma’ Radju RTK.
Charles jibqa’ l-bniedem sportiv ta’ dejjem. B’55 sena esperjenza warajh seta’ jkellimni sew fuq il-karriera li kellu bħala plejer tal-futbol, referee tal-futbol, plejer tal-waterpolo, kowċ tal-waterpolo u anki dik ta’ attur li biha kellu parti f’diversi films li nħadmu f’pajjiżna.
Meta nċempillu biex insaqsih kienx interessat għal din
is-siegħa flimkien Charles jaċċetta mill-ewwel. Jgħidli li minħabba problemi f’saqajh li laqtuh dan l-aħħar ma jistax jistrapazzahom iż-żejjed u għalhekk jistedinni biex immur id-dar tiegħu San Ġwann.
Meta nidħol ilaqqgħani ma’ martu Bianca u flimkien jakkomodawni fil-kċina. Charles jirrakkuntali kif inbidlet ħajtu minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn meta kien involut f’inċident ikrah tat-traffiku.
“Illum ħajti nbidlet. Jiddispjaċini ngħid li bħal-lum sena kont involut f’inċident tat-traffiku. Ġejt imtajjar minn karozza u affettwatli ħajti għax kisritli saqajja x-xellugija. Minħabba f’hekk se nibqa’ nzappap.
“Jien kont u għadni bniedem sportiv ħafna għax niġi minn background ta’ familja sportiva. Missieri kien fis-Servizz u kien referee b’karriera internazzjonali. Missieri kien irreffja l-finali tal-Calcutta Cup fl-Indja. Ħija Mickey ukoll kien jilgħab sat-tielet diviżjoni ma’ Sliema. Donald kien jilgħab mal-Valletta Swifts u laħaq ukoll it-tim tal-Floriana Ajax u Billy kien plejer popolari ma’ Ħamrun Spartans.”
Anki jekk ma qallix, jidher biċ-ċar li fost ħafna sports il-waterpolo jibqa’ l-aktar wieħed għal qalb Charles. Ikellimni fuq il-bidu tal-karriera tiegħu bħala goalkeeper.
“Jien bdejt il-waterpolo b’kumbinazzjoni. Darba ma kellhomx goalkeeper u qaluli biex nilgħab jien. Kelli vantaġġ li nogħla aktar minn ħaddieħor u bis-saħħa tal-mibki Gużi Tanti bqajt dejjem nitjieb. L-ewwel logħba li lgħabt kienet fil-pitch tal-Gżira kontra Neptunes li rbaħna 3-1. L-ewwel gowl kien skurjahuli Tancred Gouder. Iżda wieħed mill-unuri l-kbar li għandi fil-waterpolo hu li rnexxieli nilgħab kontra Budgie Dowling ta’ disa’ snin.
“Jiddispjaċini li wara 55 sena fil-waterpolo bla waqfa ma ġejt rikonoxxut mill-ebda assoċjazzjoni. Irbaħt kulma joffri l-waterpolo kemm bħala plejer u bħala kowċ. Iddispjaċut għax wara 55 sena mingħajr waqfa l-ASA qatt ma rrikonoxxietni. Nemmen li għamilt ħafna ġid. Jien bqajt attiv anki ta’ 56 sena meta għamilt għawma minn Għawdex għal Malta. U għamiltha erba’ darbiet.
“Għadni nsegwi dan l-isport sa llum għax għandi n-neputi jilgħab maż-żgħażagħ tan-nazzjonal bħala ‘centre’. Ilu minn meta kellu erba’ snin sa 17-il sena man-Neptunes. Neptunes l-aqwa tim li hawn illum u biex tidħol fl-ewwel tim daqsxejn iebsa. Allura ddeċieda li jmur mas-Sirens.”
Charles Mock twieled fid-19 ta’ Lulju 1936 u joqgħod San Gwann. Miżżewweġ lil Bianca u jiġi ħu Billy, Donald u Mickey li kollha kien imdaħħlin sew fil-qasam sportiv.
Hu missier Peter, eks plejer tal-waterpolo ma’ Balluta u Stephen, membru u kowċ fix-Shooting Federation.
Charles ikellimni wkoll fuq il-karriera tiegħu bħala plejer tal-futbol. Jgħidli li din kienet mifruxa fuq medda ta’ snin tant li wara beda anki l-karriera ta’ referee.
“Bħala plejer tal-futbol lgħabt fit-Tieni Diviżjoni ma’ Floriana. Dak iż-żmien kien diffiċli ħafna biex issib postok għax trid tikkunsidra l-plejers li kien hemm iżda jien kelli vantaġġ li kont twil u kont nogħla ħafna u niskorja bir-ras. Lgħabt ukoll ma’ l-Imsida fl-era li mit-Tielet Diviżjoni tlajna għall-Ewwel waħda.
“Iż-żmien li kont nirreffja x-Schreiber kien diffiċli ħafna. Kien ikun hemm mijiet kbar ta’ nies f’dawk il-famużi play-offs. Kien ikun hemm ħafna logħbiet abbandunati. Darba fost l-oħrajn kien hemm ġurnata li fiha fiha tħassru tliet logħbiet. Ma ninsa qatt il-ġurnali ta’ l-għada kollha jirrapurtaw ‘black day for soccer’.
“Anki żwiemel kienu jidħlu fil-grawnd waqt il-ġlied. L-akkaniżmu kien qawwi ħafna. Illum biex tara grawnd mimli jrid ikun hemm il-Belt. Dak iż-żmien anki l-inqas timijiet ta’ saħħa kienu jimlew il-grawnd.
“Nemmen li fir-refereeing kelli karriera tajba u kelli rispett kbir u għad għandi sa llum. Dik l-isbaħ ħaġa li jista’ jkollok. Ir-rispett fil-ħajja tagħmlu int u jien nemmen li dejjem imxejt ta’ raġel ma’ kulħadd. L-istudenti li kienu miegħi St. Edwards College għadhom ikellmuni sa llum.”
Anki jekk għalih kien diffiċli biex jiftakar, lil Charles niftakru jmexxi lit-tim tal-futbol tal-Kulleġġ St. Edwards. Jien, bħala eks student ta’ De La Salle, kont nifforma parti mit-tim ta’ l-iskola u ma kinitx l-ewwel darba li lgħabna kontriehom. Ma niftakar qatt li fiż-żmieni rebħulna...
“Kont PE teacher f’St Edwards College fl-1979. Kont għal qalbi ħafna u kburi ngħid li minn taħt idi ħarġu plejers bħal mibki David Cluett, Carlos Cluett, Sean Sullivan, Mark Psaila u Brian Said.
“Waħda mill-affarijiet li niftakar fuq Brian kienet li darba ħa għalih għax kont qlajtu mit-tim għax ma kienx qed jogħla tajjeb bir-ras. Dik id-daħla kuraġġuża ma kienx qed jagħmilha u ta’ tifel żgħir kienu qabżulu żewġ demgħat. Illum hu l-aħjar difensur bir-ras li għandna Malta u nieħu pjaċir ħafna meta nisma’ li skorja bir-ras. F’dan il-kulleġġ kelli sodisfazzjonijiet kbar.”
Ħafna jiftakru l-vuċi ta’ Charles anki fil-bidu tagħha fuq il-mezzi tax-xandir fuq ir-radju Island Sound. Charles kien il-bniedem li ta’ kull nhar ta’ Sibt wara nofsinhar jirrapporta l-futbol internazzjonali.
“Bħala ġurnalist kont bdejt ma’ Island Sound u għamilt ftit snin mhux ħażin. Kont bdejt hemm ma’ Bernie Lynch li llum jaħdem ma’ One Productions. Inħoss li meta dak l-istazzjon neħħa l-isport ħa daqqa kbira. Imbagħad mort ma’ RTK u għamilt karriera twila wkoll fejn hemmhekk kont bdejt miegħi anki int. Iżda wara l-inċident li kelli ma stajtx inkompli.”
Minn tant snin ta’ esperjenza Charles jgħidli liema kienu l-isbaħ mumenti tal-karriera fil-waterpolo u fil-futbol.
“Meta ħadna d-double tal-waterpolo fl-1963 kienet waħda mill-emozzjonijiet il-kbar ta’ ħajti. Dik is-sena kont ukoll il-goalkeeper internazzjonali tal-waterpolo u kont lgħabt kontra s-Sette Bello u tlifna 10-0. Illum dak ir-riżultat jirrifletti telfa ta’ xi 30-0.
“Logħba li niftakar ħafna kienet fl-1967 meta telaqna Freddie Grixti u Chris Dowling u mingħajrhom konna inqas minn nofs tim. Fil-kampjonat morna ħażin imma fin-knock out irbaħna lis-Sliema. Insejt kemm ġejna imma niftakar li lqajt penalty ta’ Chris Dowling li kien għadu kif telaqna.
“Memorja oħra tibqa’ fil-futbol meta rreffjajt lil Coventry City kontra tim parastatali. Kien hemm grawnd mimli. Dak iż-żmien l-Isky Blues kien wieħed mill-aħjar timijiet li kien hawn. Rebħu 1-0 u kien skorja l-Iskoċċiż Ian Wallace b’daqqa ta’ ras. Hi ħasra li wara din il-logħba kien inqala’ xi inkwiet għax l-MFA qalet li ma kienx hemm permess biex it-tim Ingliż jiġi jilgħab Malta u kienu neħħewli l-appuntamenti kollha. Ħadtha bi kbira ħafna tant li ddeċidejt li ma nirreffjax iżjed.”
Illum li dieħel għat-72 sena Charles jgħidli li għadu jsegwi l-isport kollu l-aktar minn fuq it-televiżjoni u jagħti ġudizzju qasir fuq it-tim tiegħu, Floriana.
“Grawnd ma tantx għadni mmur peress li għandi l-problemi f’saqajja iżda għadni nieħu gost nisma’ r-riżultati u nara l-logħbiet fuq it-televiżjoni. Il-futbol naqas ħafna minn żmieni. Furjana għandhom tim żagħżugħ.
“Iżda mingħajr ma jieħu għalih ħadd ngħidlek li m’hemm l-ebda plejer
tat-tim ta’ Floriana tal-preżent li jidħol fit-tim ta’ Floriana Ajax tal-passat u anqas f’dak li rebaħ l-aħħar kampjonat Furjaniż.”
Charles rebaħ ir-Referee ta’ l-Istaġun skond il-gazzetta ‘Il-Ħajja’ fl-istaġun 1971-72. Rebaħ ukoll l-isportsmanship award fl-1979 bħala l-Aħjar Att Sportv. Charles jgħidli kif inbiddlu dawk iż-żminijiet għal dawk ta’ llum mil-lat professjonali.
“Illum hawn il-professjonaliżmu imma jien inkun kuntent kieku jkolli nerġa’ nibda l-karriera mingħajr dawn il-flejjes żejda. Fiż-żmien tagħna jien kont inħossni kburi għax bħala tim tal-waterpolo konna nirbħu u l-Kumitat joħodna nieklu mingħajr ma nħallsu.
Meta darba sifirna għajtu lili u tnejn oħra u tawna Lm5 liri imma qalulna biex ma nitkellmux.
“Ħaġa oħra li ddejjaqni llum hi meta jgħidu fl-isport dak jew dik l-atleta qed tagħmel is-sagrifiċċju biex jilgħab. Jien qatt ma ħarist lejn flus fi żmieni. Mhux se nidħol fid-dettalji ta’ kemm jieħdu flus illum il-plejers. Iżda li tkun qed tibni s-saħħa u l-karattru u jkollok part time job ma naħsibx li dak ikun sagrifiċċju. Fiż-żmieni ħadt pjaċir bla flus u kieku llum nista’ nerġa’ nibda l-karriera b’xejn. Jiddispjaċini ngħid li llum l-atleti li jilgħabu veramnet għall-flokk m’għadhomx jeżisti.”
Charles ikellimni wkoll fuq il-karriera tiegħu ta’ attur. Jgħidli li ilu midħla sew ta’ din il-karriera 40 sena.
“Jien ili minn 1968 naħdem bħala extra f’diversi films. Ħdimt xi 22 biċċa f’films ’l hemm u ’l hawn. Kont għamilt żmien wieqaf meta dħalt St. Edwards College. Għaxar snin ilu meta kont waqaft erġajt bdejt nieħu parti f’xi films. Bħalissa hawn film Spanjol li se jibda f’Marzu u b’saqajja kif jien ma nistax niċċaqlaq sew. Iżda kuntent li xorta tawni parti.”
Fl-aħħarnett, bħala espert tal-logħba tal-waterpolo, lil Charles nistaqsih min jaħseb li hu l-aqwa tim ta’ dan l-isport tal-baħar li hawn pajjiżna.
“Neptunes b’saħħithom wisq. Din is-sena jistgħu jinbidlu xi ftit l-affarijiet minħabba l-plejers barranin. B’żewġ plejers kbar jistgħu jinbidlu ħafna. Bħalissa ngħid li Neptunes għadu l-aqwa tim imma jiddependi ħafna minn dak li se jġibu timijiet oħra.
“Fl-isport illum hawn opportunitajiet kbar. Il-parir tiegħi hu biex l-isport jibda jintlagħab biex jagħti pjaċir u mhux bilfors trid issir xi stilla mondjali. It-tfal għandhom ifittxu l-isport minn ċkunithom. Imbagħad meta tispiċċa mill-karriera wieħed m’għandux jieqaf imma jibqa’ jżomm ruħu attiv kif għamilt jien.”
Charles jirringrazzja lil dawk il-persuni li għenuh f’ħajtu u kienu l-aktar viċin.
“Nixtieq nirringrazzja lil Gużi Tanti li kien il-kowċ tiegħi tal-Balluta. Nixtieq nirringrazzja persuna bħal Carm Borg li hu edukatur kbir. F’ħatji għeni ħafna u għalija kien spalla unika. Għadni sa llum meta jkolli bżonn xi parir inċempillu. Kien wieħed mill-persuni li f’ħajti influwenzani ħafna.
“Antoine Cachia Caruana kien persuna eċċellenti wkoll. Kien bniedem leġġendarju u ta ħajtu għall-edukazzjoni. Kien il-Kap tiegħi fil-Kulleġġ St. Edwards. Is-snin li għamilt miegħu ma ninsihom qatt.
“Ma rridx ninsa lil mara tiegħi Bianca li naħseb li jekk kien hemm sagrifiċċju wieħed f’dawn il-55 sena sar minn naħa tagħha u mhux tiegħi.”

Intervista
Xaqq dawl għal tfal li jbatu

Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta' foster care



Il Punt
Il-ħtieġa ta' inkjesta
Joe Sant



Emmanuel Micallef
Il-poplu tkellem u iddeċieda...


Carmelo Mifsud Bonnici

Pajjiżna tilef raġel



Wenzu Mintoff

Bejn sema u ilma

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta' l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f'pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f'temp ta' sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan