Carmelo Mifsud Bonnici | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71 Pajjiżna tilef raġel 1. Il-kampanji elettorali fihom ħafna. Jaqtgħuk mit-toroq li l-ħajja s-soltu tiħdok fihom u jtellfuk minn dak li tkun tixtieq li għamilt. Tul dawn il-jiem kelli numru ta’ dispjaċiri, però wieħed mill-iktar li ħassejt verament f’qalbi kienet dik tat-telfa ta’ Mikiel Micallef, magħruf aħjar bħala “Iċ-Ċalanga”. Mikiel kien wieħed minn dawk il-bnedmin li kelli x-xorti li niltaqa’ u nsir naf tajjeb f’ħajti. Persuna li kien iqis l-affarijiet, jara fejn huwa sejjer u ma jiċċaqlaqx mid-direzzjonijiet tiegħu. Persuna eżemplari, ħaddiem ta’ veru. Kelli u għad għandi rispett kbir għalih, imma sfortunatament ma stajtx immur għall-funeral li sarlu fil-Knisja ta’ San Bastjan, proprju minħabba l-fatt li f’dak il-ħin kelli nkun fuq il-palk nattendi għall-wieħed mill-mass meetings tal-Partit f’Ħaż-Żabbar. Xtaqt inkun preżenti imma ma stajtx minħabba l-politika. 2. Kelinu, kif kienu jafuh ta’ ġewwa, kien jgħix Ħal Qormi u parti sewwa minn ħajtu qattagħha għas-servizz tas-sidien tal-karozzi tal-linja. Proprju hemm kont, sirt nafu meta fl-1988 dħalt fiż-żraben ta’ zijuwi (li kien laħaq Imħallef) bħala konsulent legali ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Karozzi tal-Linja. Ma kienet pożizzjoni komda xejn. Anqas ma kien faċli l-klijent, li fil-fatt ma kienx wieħed iżda madwar 500 persuna, li l-maġġoranza ma kinux marru l-klassijiet kollha ta’ l-iskola tad-diplomazija. Ovvjament il-bidu magħhom kien tassew iebes. Kienu mdorrija b’zijuwi li kellu id tal-ħadid magħhom u li kienu drawh sew fl-għawġ kollu li għaddew minnu taħt 16-il sena ta’ Gvern laburista. 4. Dħalt għal diversi negozjati bih miegħi spalla ma’ spalla. Konsegwenza ta’ dan żdied in-noll, daħlu rotot ġodda, żdied id-dħul mis-servizz tat-trasport tat-tfal ta’ l-iskola u għall-ewwel darba setgħu jagħtu servizz fuq xogħol privat. Dan kollu sar b’ħafna laqgħat. Ħin twil imdawrin mal-mejda tad-diskussjoni, kif ukoll diversi avviżi ta’ tilwim industrijali, li wħud kienu jaħarqu sew. Kien bniedem ta’ fibra, determinat u kapaċi jissaporti l-iktar diffikultajiet kbar. Mhux l-ewwel darba jew tnejn kien ikollna rewwixti interni, tgergir u aġir żbaljat imma ċ-Ċalanga ma kien jiċċaqlaq xejn. Sod daqs l-azzar. Jisma’ u jwieġeb. Ma jħalli lil ħadd jgħaddih biż-żufjett. Niftakru jirrakkonta n-negozjati li kien ikollu mal-Perit Duminku Mintoff. Il-kelma diretta, sempliċi u faċli tiegħu quddiem l-id ta’ l-Istat. Kellu sens ta’ l-affarijiet u kapaċi jibqa’ kalm u trankwill fl-iktar tempesti kbar. 6. Wieħed mill-aħjar ftehim li rnexxielu jasal għalih Kelinu kien dak ta’ Mejju 1995, ma’ dak iż-żmien il-Ministru Michael Frendo. Kien irnexxielu jilħaq ħafna miri li konna ilna naħdmu fuqhom is-snin. Ftit kienu l-persuni li fehmu kemm dan kien fil-fatt tajjeb. Hu x’inhu, iddeċieda ftit wara li jitlaq minn kollox u jien ftit wara segwejtu. Spiċċajna t-tnejn kważi f’daqqa minn karriera twila hemm ġew. Imma ma ġiex idu fuq żaqqu għax ħajtu kienet imżewqa sew. Bniedem li kien iħobb il-mużika, iż-żwiemel u l-pjaċir tiegħu jinnegozja xi tpartit ta’ xi vettura jew bejgħ ta’ xi proprjetà. Niftakar li kien stedinni għandu d-dar b’marti u uliedi u hemm stajt nara l-ambjent sħiħ li kien bena madwaru. Martu u uliedu kienu ħaġa waħda miegħu. Kien hemm paċi, ċ-ċajt ħelu u ma jonqosx ir-rakkonti varji tiegħu. 7. Niftakar bejn laqgħa u oħra, jew inkella fi żmien il-Milied, konna mmorru għandu l-Marsa, l-ewwel, biex naraw il-famużi żwiemel tiegħu u mhux darba jew tnejn konna nieħdu grokk flimkien, ovvjament biż-żiemel b’kollox. Kien ħadni wkoll fil-korsa taż-żwiemel u naraw it-tiġrijiet. Hemm kien fl-aqwa tiegħu. Moħħu biex iġib iż-żwiemel minn barra, jrabbihom jew jitla’ Franza qisu sejjer Għawdex sabiex jara xi tiġrija jew jixtri xi wieħed ġdid. |
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan