MediaToday

Emmanuel Micallef | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71

Il-poplu tkellem u iddeċieda...

Illum jum l-istennija. Sakemm il-paġna ta’ dan l-artiklu tkun għaddejja mill-magna ta’ l-istampar il-ħin tal-votazzjoni jkun għalaq. Iżda sakemm jiġi biex jinqara dan l-artiklu nkunu qegħdin fuq ix-xwiek biex nibdew nirċievu l-ewwel indikazzjonijiet ta’ fejn seta’ xaqleb ir-riżultat li se jagħti Gvern ġdid lil pajjiżna u allura leġislatura oħra għall- ħames snin li ġejjin.
Se jkun riżultat mistenni minn bosta iżda daqstant ieħor jista’ jkun ta’ sorpriża għal bosta oħrajn. Se jwassal għal jiem ta’ luttu għal xi wħud u jiem ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet għal oħrajn. Hemm oħrajn li jħarsu ‘l quddiem u l-importanti għalihom huwa li l-magna amministrattiva tal-pajjiż terġa’ tingrana taħt il-Gvern il-ġdid u nibqgħu mexjin biex inkomplu nkattru l-ġid u l-ħajja tkompli fin-normalità tagħha bl-inżul u t-tlajja’.
Xi ftit jew wisq kulħadd jinsab maħkum minn kurżità għar-riżultat finali. Din kienet elezzjoni missielta fuq suġġetti li jolqtuna fil-laħam il-ħaj. L-għażla donnha kienet bejn min l-aktar jaspira fiduċja biex iwettaq l-aħjar miżuri u riformi ħalli nkomplu ngħollu l-livell tal-għixien ta’ dan il-poplu. L-istrateġiji dwar kif twassal il-messaġġ tal-partiti kienu differenti iżda bla dubju ħallew l-effett tagħhom fuq l-elettorat. Anki l-ideat li ħarġu mill-partiti ż-żgħar komplew iżidu l-interess fid-dibattitu politiku matul il-kampanja. Kien hemm ukoll insistenza dwar il-ħtiega li n-nies joħorġu jivvutaw u ma jħassrux il-vot.
Jidher li f’pajjiżna kulma jmur qed jikber in-numru ta’ ċittadini li qed jitilfu l-interess fil-politika. Il-partiti, uħud iktar minn oħrajn, indirizzaw il-messaġġ tagħhom lejn dawn iċ-ċittadini: votanti ġodda, votanti iddiżapuntati, votanti li twarrbu mill-partit li tradizzjonalment kienu jappoġġaw, votanti li qatt ma jivvutaw l-istess, votanti inċerti u indeċiżi.
Interessanti ninnutaw li l-kampanja elettorali kienet waħda ippakkjata b’attivitajiet politiċi minn sbieħ il-jum sa tard bil-lejl, jum wara jum, b’organizzazzjoni prattikament perfetta u li ħasbet ukoll għall-eventwalitajiet ta’ urġenza jew emerġenza.
Iżda spikkat l-aktar għaliex kienet kalma u trankwilla kif appellaw li kellha tkun il-mexxejja kollha tal-partiti. Id-doża ta’ attakki personalizzati kienet ferm inqas minn kampanji elettorali li saru qabel. Forsi wkoll spikka l-fatt li ċerti kwistjonijiet li wieħed kien jistenna li jingħataw prominenza matul il-kampanja tħallew ’l isfel fil-lista ta’ prioritajiet. Naturalment dan il-fatt kien parti wkoll mill-pjan ta’ l-istrateġisti tal-partiti.
Il-Partit Laburista enfasizza l-ħtieġa tal-bidla li hija meħtieġa minħabba l-arroganza li wrew l-maġġoranza tal-ministri u l-każi ta’ korruzzjoni. F’dan ir-rigward il-Partit Laburista kien b’saħħtu fil-kampanja u forsi deher inqas b’saħħtu fil-preżentazzjoni tal-proposti li għamel fosthom dik dwar l-introduzzjoni tar-reception class. Alfred Sant seraq ix-xena kulfejn mar u għalkemm kien jidher fil-kumpanija tad-Deputati mexxejja tiegħu iżda l-impatt tat-tim ma kienx b’saħħtu biżżejjed daqskemm kemm kien tal-“winning team” fil-kampanja tal-1996.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq fuq il-bżonn li l-pajjiż ikompli fuq il-linji li qabad f’dawn l-aħħar erba’ snin fejn it-tkabbir ekomomiku rranka u nġab iktar investiment u allura nfetħu iktar opportunitajiet ta’ xogħol.
Kien b’saħħtu fil-preżentazzjoni tal-proposti bħal dik dwar it-tassazzjoni imma mbagħad deher dgħajjef fid-difiża tiegħu dwar allegazzjonijiet ta’ abbużi ta’ poter, korruzzjoni u konflitti ta’ interess. Qabel ma joħroġ ir-riżultat ta’ l-elezzjoni, diffiċli biex wieħed jgħid jekk irnexxietx l-istrateġija Gonzipn – fejn kollox idur mal-persuna tal-kap tal-partit. Kellha skop doppju: l-elettorat kien kontinwament imfakkar li l-għazla se tkun bejn Gonzi u Sant (u mhux PN vs MLP) u fl-istess waqt tappella lill-votanti tal-PN biex dak li ġralhom u iddiżapputahom minħabba l-ministri m’għandux jeħel bih Gonzi.
L-Alternattiva Demokratika għażlet strateġija fina u kienet konsistenti u ffukata fuq il-proposta ta’ Gvern ta’ koalizzjoni. Dan b’xi mod tellfitha milli tippromovi b’iktar ħeġġa l-proposti validi li ressqet quddiem l-elettorat. Deher ċar li ma stennietx li kien se jkollha tiffaċċa kontro-offensiva qawwija mill-PN u jista’ jkun li l-AD ma rribattietx biżżejjed l-attakki li saru fil-konfront tagħha, minkejja l-akkwist li għamlet bil-Perit Cacopardo.
L-Azzjoni Nazzjonali ħarġet bi proposti radikali u minħabba f’hekk ħalliet impatt (anki jekk negattiv) immedjat u irnexxielha tikseb ċertu ‘standing’ ma’ setturi ta’ l-elettorat meta tqis li dan il-partit twaqqaf ftit tax-xhur ilu. In-nuqqas li deher matul il-kampanja kienet id-dominanza assoluta ta’ Josie Muscat u Anglu Xuereb li għamlu kampanja daqslikieku kienu jiffurmaw parti minn partiti kbar. L-attivitajiet fil-pjazez ma kellhomx xi jriduhom għax il-messaġġ tagħhom setgħu iwassluh b’mezzi oħra mingħajr ma jidhru li huma xi partit ta’ żewġ tużżani partitarji.
Dan kollu issa għadda. Iżda l-partiti wara llum iridu jpoġġu bilqiegħda, iħabbtu ras ma’ ras u janalizzaw ir-riżultat fil-kwiet u l-kalma. Għaliex dan ir-riżultat mhux biss se jagħtina Gvern ġdid, direzzjoni ġdida iżda se jħalli mpatt ukoll fuq il-partiti politiċi tagħna li għandhom r-rwol importanti ħafna fit-tisħih tad-demokrazija fis-soċjetà. Żgur li r-riżultat ta’ l-elezzjoni se jħalli impatt qawwi fuq dak il-partit li se jispiċċa fl-Oppożizzjoni jew barra l-Parlament. Wara l-kampanja elettorali x’aktarx li nibdew nisimgħu dwar kampanji elettorali oħrajn li jkun hemm bżonn isiru internament fil-partiti politiċi tagħna.
Bix-xieraq li min jirbaħ jiffesteġġa u jiċċelebra...kif se jiġri mil-lejla stess. Iżda minn għada l-iktar ħaġa importanti huwa li lkoll kemm aħna nikkonċentraw fuq il-ħidma li jrid iwettaq il-Gvern fiż-żmien li ġej. Ma rridux li wara d-daħk jiġi l-biki. Quddiemna pajjiżna għandu sfidi tqal. Se niffaċċaw problemi fil-qasam finanzjarju, ekonomiku u soċjali. Se niffaċċjaw daqqiet li jistgħu jiġu fuqna mingħajr ma nkunu qed nistennewhom. Għalhekk irridu nkunu viġilanti biex naraw li dak li twiegħed jitwettaq.
Irridu naraw fejn nistgħu naħdmu flimkien bis-serjeta’. Ma nifhimx għalxiex, pereżempju, f’pajjiżna ma nistgħux naslu biex niftehmu u nġibu kunsens fil-qasam ta’ l-edukazzjoni (daqskemm ngħidu ma rriduhiex tkun ballun politiku!); fit-tħaddim tal-Whistle Blower’s Act; fil-finanzjament tal-partiti politiċi; fil-politika dwar t-Teknologija ta’ l-Informazzjoni u Komunikazzjoni.
Għalhekk isiru l-elezzjonijiet: biex il-poplu jitkellem u jiddeċiedi l-ġejjieni tiegħu stess!

Intervista
Xaqq dawl għal tfal li jbatu

Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta' foster care



Il Punt
Il-ħtieġa ta' inkjesta
Joe Sant



Emmanuel Micallef
Il-poplu tkellem u iddeċieda...


Carmelo Mifsud Bonnici

Pajjiżna tilef raġel



Wenzu Mintoff

Bejn sema u ilma

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta' l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f'pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f'temp ta' sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan