Intervista | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71
Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta’ foster care
Lilian u Tony Fsadni huma l-ewwel familja li għamlu l-kors tal-fostering f’Malta kif ukoll huma waħda mill-ftit li joffru servizz ta’ respite. Magħhom hemm ukoll binthom iż-żgħira, Odette ta’ 22 sena, li ilha titrabba ma’ tfal li jingħatulhom għall-fostering mindu kienet tifla hi stess.
Tibda titkellem Lilian dwar is-servizz. “Hu xi ħaġa volontarja. Ma nitħallsux. Hi xi ħaġa li kienet fil-familja qabel ma kien introdott bil-Liġi u bl-Appoġġ. Il-ġenituri tiegħi kienu jġibu t-tfal mill-Istitut u ntirtet fil-familja.”
Il-koppja toffri servizz ta’ fostering għal żmien qasir, pereżempju ta’ tliet ġimgħat jew ftit jiem u respite. Fil-fatt kellha ħafna esperjenzi differenti minħabba n-numru ta’ tfal li ltaqgħet magħhom matul dawn l-aħħar snin. Normalment dawn it-tfal ikunu għadhom mal-ġenituri tagħhom iżda minħabba xogħol jew problemi oħra f’familthom ikollhom bżonn ta’ l-għajnuna biex jieħdu ħsiebhom.
Il-koppja għażlet is-servizz respite għax “l-ewwelnett għandi t-tfal tiegħi u t-tieni għax nixtieq li s-servizz tagħna nagħtuh lil tfal differenti.”
Żewġha kompla magħha, “U titgħallem aktar. Daqqa jiġik dak, daqqa jiġik l-ieħor.”
Nistaqsihom jekk beżgħux jorbtu qalbhom ma’ xi tifel partikulari. Minnufih tweġibni Lilian, “Lanqas qatt. Kulħadd jgħidhieli dik. Iktar it-tfal ma jkunux iridu jitilqu. Kollha niftakarhom b’isimhom. Jien taf x’ngħid: Mhux anki t-tfal tiegħi se jitilqu?”
Minkejja tgħid hekk xorta waħda tqis il-mument tal-firda bħala wieħed iebes speċjalment meta t-tfal jibdew jiggranfaw magħha.
Nitħaddtu dwar x’jiġri hekk kif isiru jafu li tifel se jiġi fdat f’idejhom. L-ewwel iċċemplilhom is-social worker li tistaqsihom jekk jistgħux jieħdu ħsiebu u tagħtihom dettalji dwar il-każ. Wara tiltaqa’ magħhom u jekk jaċċettaw, jaħdmu pjan flimkien għaż-żmien li t-tifel ikun se joqgħod mal-familja u anki għal wara. Naturalment il-familja dejjem tista’ tirrifjuta. Skond il-Liġi kull familja għandha s-social worker tagħha li taħdem u tikkomunika magħha, li qiegħda hemmhekk ukoll biex tipproteġi lill-familja.
Lilian iżżid tgħid kemm hu importanti li “t-tfal jaraw lill-foster carers imorru tajjeb mal-ġenituri tagħhom għax tagħmel differenza kbira. Anki kif il-ġenituri jġibu ruħhom mat-tfal u l-fatt li jkunu jħobbuhom tagħmel differenza kbira.”
Tingħaqad fid-diskussjoni Odette u titkellem dwar ir-relazzjoni bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom. Issostni li meta tifel jiġi jgħidlek xi ħaġa ħażina li għamlet ommu importanti li ma tgħidlux frażijiet bħal ‘Imissha tistħi’.
“Ommi tgħidilhom biex nitolbu għall-ġenituri tagħhom jew li xorta tħobbhom. Jekk se jisimgħu minn hawn ukoll kontra l-ġenituri tagħhom ħa jkomplu jħossuhom ħażin. Uħud minnhom jemmnu li jekk il-ġenituri tagħhom huma ħżiena, mela huma ħżiena wkoll,” żiedet tgħid Odette.
It-taħdita ddur fuq kemm hu importanti kif jingħataw it-tfal u li jkunu iżgħar mit-tfal tal-familja foster biex iservuhom ta’ mudell kif ukoll minħabba l-problemi li jista’ jkollhom. Ikun hemm tfal li jkunu abbużati sesswalment li jistgħu jitkellmu dwar minn xiex għaddew kif ukoll jirreċtaw l-affarijiet li jkunu raw. Għalhekk l-Appoġġ joqogħdu attenti li jipproteġu lit-tfal tal-familja proprja wkoll.
Tkompli titkellem Odette. “It-tfal jinnutaw ħafna. Kif nara t-televixin, kif nitkellem ma’ ommi. Darba tifel staqsieni: ‘Allura l-mamà qatt ma tefgħetek l-istitut?’ għax kellu ommu titfgħu hemm meta jġib ruħu ħażin. Jew kien hemm min qal: ‘Ommok qatt ma ħebbet għalik b’sikkina?’ Trid toqgħod attent ukoll għax huma jirrakkuntaw ħafna stejjer peress li jimmaġinaw ħafna.”
Lilian issemmi kif kien isir il-‘fostering’ meta hi kienet għadha tifla u tqabblu ma’ meta xi ħadd jagħti vaganza lit-tfal li mbagħad iridu jmorru lura għal ħajja normali tagħhom.
“Meta kont għadni tifla jien it-tfal kienu jeħduhom għall-Milied jew għal tmiem il-ġimgħa biss u jagħtuhom kollox. Imbagħad dawn iridu jerġgħu jmorru lura. Dawk jifferoċjaw. Aħna minflok nippruvaw nagħtuhom il-ħajja normali.”
Odette titkellem dwar l-importanza tal-logħob f’ħajjet dawn it-tfal. “Waqt il-logħob joħorġu ħafna affarijiet. Li jgħidulhom il-ħbieb jibda ħiereġ mal-pupi u tinduna mil-leħen li jużaw li jkunu qegħdin jimitaw lil xi ħadd li forsi jkun weġġagħhom.”
“U dan mingħajr ma ngħidulhom xejn. Aħna qatt ma ngħidulhom xejn,” ikompli magħha missierha, li mid-dehra hi l-aktar ħaġa li taħdem biex it-tfal jerġgħu jibdew jafdaw u jiftħu qalbhom.
L-omm tirrakkonta fuq uħud mill-weġgħat tat-tfal. “It-tfal tant jidraw li l-papà għandu jiġi u ma jiġix li jispiċċaw jitolbu biex ma jiltaqgħux mal-ġenituri bħala dritt tagħhom. It-tfal ikunu jridu jżommu kontroll huma. Ġieli anki ta’ ħames snin jiddeċiedu li ma jridux jibqgħu jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom.”
Odette żżid, “It-tfal iż-żgħar ikollhom relazzjoni tajba ħafna mas-social workers. Jekk ma tagħtihomx xi ħaġa jgħidulek: ‘Issa ngħid lis-social worker’.
“It-tfal isiru indipendenti. Ikunu jridu jinħaslu u jieklu weħidhom anke ta’ tliet snin. Hawnhekk tibda tara s-side effects tagħhom. Jaħftu l-ikel jew jieklu li jifdal minn tiegħi. Ġieli ngħidulhom: ‘Id-deżerta xorta se teħodha.’ Imma huma jaħsbu forsi llum għandi u għada m’għandix. Anki bil-biża’ li jkollhom iteptpu ħafna għajnejhom.”
Tkompli magħha ommha. “Ħafna minn dawn it-tfal huma abbużati emozzjonalment. L-iktar ħaġa diffiċli għalihom hi li jerġgħu jafdaw. ‘Għaliex għandi nafda lil foster carer?’ Imma jekk huma jaraw li dak li tgħid int iżżommu u jaraw li bħala koppja nafdaw lil xulxin… It-tfal jibdew jagħtuhielek naqra naqra. Jibdew jittestjawk u jgħidulek xi ħaġa żgħira qabel ma jafdawlek dik kbira.”
Ommha ssemmi eżempju ieħor ta’ kif it-tfal jittestjawk. Darba kellhom tifel magħhom li talabha li jekk tiltaqa’ ma’ xi ħadd u jsaqsi dwaru, hi tgħid biss li hu tifel ta’ ħabibitha. “Meta ra li għamilt li talabni, ħa pjaċir għax ma weġġajtux u huma jevitaw it-timbru.”
Tqum diskussjoni dwar kemm mhux dejjem hi faċli li tipproteġi lil dawn it-tfal minn nies kurjużi li jistaqsu dwarhom minkejja li bil-Liġi l-foster carers ma jistgħux jagħtu informazzjoni dwarhom lil terzi persuni. Ċertu tagħrif bilfors irid jingħata lill-familji speċjalment meta jkun hemm mard.
Imbagħad id-diskors jaqa’ fuq id-differenza li jaraw fit-tfal wara ġurnata biss li jirfsu f’darhom.
“L-ewwel darba li jiġi tifel fuq il-pitazz tal-homework ikollu miktub ‘dirty work’. Meta jiġi ngħidlu li għandu l-ħin kollu biex jagħmlu. Mill-għada x-xogħol ikun ħafna aħjar. It-titjib jidher mill-ewwel ġurnata,” tispjega Lilian. Żewġha jkompli magħha, “Lit-tfal nittrattawhom qishom tagħna. Inħalluhom jidħlu fil-kmamar kollha. Mhemm imkien li ma jitħallewx jidħlu.”
Lilian iġġib eżempju b’tifel li kien qagħad għandhom. “Darba anki kellna tifel li s-social worker avżatna dwaru li dan ikisser kull mhemm. Jien xorta ma żbarazzajtx il-kmamar minħabba fih. Fil-fatt meta ġie hawn ma kisser xejn.”
John Rolè, is-Service Area Leader fostering team fl-Appoġġ li kien preżenti għall-intervista, qal li l-familja Fsadni ħolqot welcoming skills li bihom it-tifel ma kellux għalfejn iġib ruħu bħalma jġib ruħu f’daru. It-tifel iġib ruħu b’ċertu mod għax hemm raġuni. Jekk ma tagħtihx raġuni mhux se jġib ruħu ħażin.
“U ommi timlielhom il-ħin. Mhux se titfagħhom quddiem it-televixin jew il-kompjuter. Kien hemm tifel li kien jilgħab bil-kompjuter biss. Hawnhekk bil-board games biss kien jilgħab,” żiedet Odette. Kompliet tgħid li l-ġenituri tagħha qatt ma ippreferew lit-tfal fostered minnha jew ma tawhiex ċans titkellem meta kellha bżonn.
Lilian tagħmel sinjal b’rasha li qed taqbel ma’ li qed tgħid bintha. Iżżid: “Jien ngħid għallinqas in-naqra li tajniehom, tajniehulhom sew. Tagħli meta tarahom ikunu spiċċaw ħażin. Hemm tfal li jkunu marru lura, xorta nistednuhom jiġu hawn. Minn kif naraha, jekk għandek għalliema tajba għandu jgawdiha grupp wieħed biss? Ġieli kont b’ħamest itfal hawnhekk meta jkolli n-neputi.”
“B’li rabbejt it-tfal tiegħi naddottaha għalihom. Issa sirt ninkedd ħafna inqas. Jekk tifla qabel kienet tgħajjat kont nixxokkja ruħi. Issa ma taffettwanix,” tikkummenta l-omm dwar l-esperjenza li kabbret matul is-snin.
Il-familja Fsadni kellha ħafna mumenti sbieħ li qassmithom ma’ tfal differenti. Meta nistaqsihom għall-isbaħ isemmuli affarijiet li forsi ma jidhrux daqshekk speċjali.
“Waqt l-ikel, waqt il-logħob. Li jkunu parti minna. Li jinsew minn fejn jiġu,” beda Tony u warajh kompliet Lilian.
“Li tagħtihom dik in-naqra boost. Tarahom reqdin. Tarahom jiġu b’riżultat sabiħ mill-iskola.”
Tkompli magħha bintha, “Li jiġu u jkunu traskurati. Tilqagħhom, taħsilhom u tara dik id-daħqa fuq wiċċhom. Li għallinqas tajthom xaqq dawl.” |
|
Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta' foster care
Editorijal
Il Punt
Joe Sant

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta' l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f'pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f'temp ta' sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|