Editorjal | 09 ta’ Marzu 2008 Nr 71
Ir-riżultat ta’ l-elezzjoni jkun magħruf iktar tard illum iżda ħsibijietna huma ma’ dawk li se jħossuhom telliefa għax il-partit tagħhom ma ġabx maġġoranza.
Nifhmu li se jkun hemm min jiċċelebra, u bir-raġun. Madankollu nittamaw li s-sens ta’ maturità jipprevali.
Wara kollox dan hu pajjiżna lkoll u wara li jgħaddi l-briju ta’ dawn il-ġranet irridu nerġgħu nibdew naħdmu flimkien. Għaddejna minn ħames ġimgħat ta’ dibattitu mqanqal u xi kultant inkejja żejda. In-nies kienu maturi biżżejjed li għarfu jrażnu l-qilla meta kien hemm inċidenti iżolati li kienu jinvolvu ġurnalisti ta’ l-istazzjonijiet politiċi. Għal ħafna l-kampanja setgħet ma saritx għax baqgħu għaddejjin b’ħajjithom b’mod normali.
Kollox ma’ kollox il-kampanja elettorali kienet waħda trankwilla. Nittamaw li din l-atmosfera ta’ kalma minkejja t-tensjoni naturali li jkun hemm, tinżamm ukoll meta jitħabbar ir-riżultat.
Kulmin jitla’ fil-Gvern irid jiżgura li ħadd f’dan il-pajjiż ma jħossu eskluż lanqas min illum se jħossu tellief. Irridu tmexxija serja li tagħraf tkun ’il fuq mill-karru partiġġan.
Nemmnu li l-mexxejja politiċi għandhom ir-rieda li jimxu f’din it-triq ta’ maturità. Nittamaw biss li jkollhom is-saħħa li jikkontrollaw ukoll lin-nies ta’ madwarhom li fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom illum, faċli jaqgħu għat-tentazzjoni li jkunu ministri għan-nies tagħhom biss.
Biex dan il-pajjiż jagħmel suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea iktar u iktar li issa dħalna fiż-żona ewro jeħtieġ li l-isforzi ta’ kulmin hu kapaċi jinġiebu flimkien.
Għalhekk inqisu bħala pedina importanti tmexxija msejsa fuq il-meritokrazija u l-ġustizzja. Tmexxija li twettaq il-programm approvat mill-maġġoranza imma f’rispett sħiħ lejn il-minoranza li wkoll għandha x’toffri.
Pajjiżna jirbaħ jekk il-Gvern li jmiss jagħraf ikun Gvern għal kulħadd, mhux bil-kliem biss imma wkoll bil-fatti.
L-intervista li qed nippubblikaw din il-ġimgħa hi ma’ koppja, Lilian u Tony Fsadni, li ilhom snin twal joffru servizz ta’ fostering lil tfal li ġejjin minn familji bi problemi soċjali jew ekonomiċi.
Familja li toffri s-servizz ta’ fostering tkun qed tgħin, b’mod volontarju, fit-trobbija ta’ tfal li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jgħixu l-ħin kollu mal-ġenituri naturali tagħhom. Fi kliem il-koppja Fsadni, huma jkunu jridu joffru ambjent normali lit-tfal mingħajr xinxilli żejda bit-tama li terġa’ tixxettel il-fiduċja.
Il-kunċett ta’ fostering jifforma parti mill-qafas soċjali ta’ pajjiżna u jeħtieġ li jinfirex iktar biex tfal li ġejjin minn ambjenti diffiċli jkunu jistgħu jsibu appoġġ u wens. Jeħtieġ li jkun hemm iktar familji bħall-koppja Fsadni li jilqgħu fi djarhom tfal li qed ibatu minħabba ċirkostanzi diffiċli. Dawn it-tfal ħaqqhom preżent sabiħ bħat-tfal l-oħra u iktar mill-ġid materjali għandhom bżonn ambjent seren, persuni li jifhmuhom u tfulija normali bis-sabiħ u l-intoppi kollha tagħha.
Din il-gazzetta tħeġġeġ lil min għandu l-ħajra biex jidħol għal dan l-impenn nobbli, jagħmel kuntatt ma’ l-awtoritajiet konċernati. Il-fostering hu att ta’ solidarjetà mal-ġenituri li jinsabu f’diffikultà imma iktar u iktar mat-tfal li huma fost l-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà. |
|
Franica Pulistintervista familja li toffri servizz ta' foster care
Editorijal
Il Punt
Joe Sant

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Bħalissa ninsabu bejn sema u ilma għal dak li huwa riżultat ta' l-elezzjoni ġenerali la s-sinjuri Ingliżi li kienu jaħkmuna, għoġobhom iwikkulna sistema elettorali arkajika li tagħtik ir-riżultat xi 15-il siegħa wara li tkun intemmet il-votazzjoni. L-elezzjonijiet f'pajjiżi kbar bħall-Istati Unit u r-Renju Unit jużaw sistemi elettorali li jagħtuk ir-riżultat f'temp ta' sagħtejn tlieta, filwaqt li aħna, biċċa blata ġo nofs il-Mediterran, indumu nilagħbu bil-bżallu għal dawk is-sigħat kollha. Imma llum sebaħ jum ġdid u kmieni wara nofsinhar ikollna wkoll Gvern ġdid, l-10 wieħed mill- Indipendenza lil hawn.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|