MediaToday

X'Kien Jgħid? | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

It-tiġrija sal-barkun

Kien il-Prim Ministru Laburist Britanniku, Harold Wilson, li darba kien qal li fil-politika ġimgħa hi żmien twil (A week is a long time in politics). Safejn naf jien ħadd qatt għadu ma uża l-istess loġika biex jikkalkula xi jkunu ħames ġimgħat! Forsi dan għad jgħiduhulna d-dottor Sant jew Jason, li jżommlu x-xemgħa.
Għaddew sewwasew erba’ ġimgħat mill-ħamsa bejn il-ġurnata meta Lorenzo sejjaħ l-elezzjoni u l-ġurnata attwali meta l-poplu tal-patria sejjer jagħti l-vot tiegħu: vot li se jwassal biex wieħed minn fost iż-żewġ mexxejja - Lorenzo jew id-dottor Sant - se jieħu l-ġurament ta’ Prim Ministru għat-tieni darba.
Mhemmx dubju li l-PN beda minn taħt sew, bl-MLP jiddandan bil-vantaġġ li kellu. Daqstant ieħor mhemmx dubju li l-kampanja tal-PN ġabet dan il-vantaġġ fix-xejn u fl-aħħar parti tat-tiġrija ż-żewġ partiti qegħdin prattikament ras imb’ras. U t-tiġrija, kif kienu jgħidu l-għorrief antiki ta’ pajjiżna, hi sal-barkun.
Irrid nammetti li Saliba u Lorenzo issorprendewni. Anki jekk il-PN jitlef l-elezzjoni, se jitlifha bi ftit, bl-unuri. Mhu se jaqla’ ebda tkaxkira, kif kienu diġà għamluha fatta dawk ta’ madwar Jason li dejjem jidħak... u li donnu għadu ma jafx li wara d-daħk xi darba jiġi l-biki.
Għad trid tinkiteb l-istorja ta’ din il-kampanja elettorali kurjuża li għaddejja bħalissa fil-patria u min jirriċerkaha qabel jiktibha sejjer issib affarijiet interessanti tassew. Kif min qal li kien lest u mal-għajta kemm jagħfas il-buttuna, fil-fatt kien qed jibblaffja. Kif il-konfużjoni evidenti fil-programm elettorali Laburista u l-kampanja tiegħu tefgħuh lura flok ’il quddiem. Il-mod kif il-Laburisti irreaġixxew meta ndunaw li l-billboards tal-PN kienu jixegħlu bil-lejl, kixef li ħaġa bħal din ma kinitx ġiet f’moħħhom... biex imbagħad raw kif illapazzaw billi waħħlu spotlights fuq l-erba’ faċċatti ta’ l-istrutturi vertikali li tant ftaħru bihom. Strutturi li ma kienu xejn għajr kaxxi msadda u vojta miksija bit-tlellix insipidu minn barra biex taparsi ġewwa fihom hemm xi sustanza!
Meta, f’intervista li dehret fil-gazzetta Stricklandjana ta’ nhar il-Ħadd, lid-dottor Sant staqsewh kif inhi din li fil-manifest elettorali Laburista hemm proposti li diġà twettqu mill-Gvern attwali, wieġeb li kien hemm żewġ kwistjonijiet li żelqu mill-kompjuter għax dan ħadem ħażin – there were two issues which slipped out of the computer because there was a malfunction.
Din skuża tad-daħk u tal-biki. Skuża banali li ma tistax titwemmen. Kif qalli min jifhem f’dawn il-magni moderni, xejn ma jibqa’ f’dokument għax ikun żelaq mill-kompjuter! Il-punt hu li fil-fatt dan kollu juri li l-preparament għall-elezzjoni minn naħa tal-MLP kien wieħed dilettantesk għall-aħħar.
Bħalma wera l-ħafna titubar dwar xi jfisser l-istess manifest elettorali Laburista; xi jfisser tassew u għal min se japplika t-tnaqqis bin-nofs tas-soprataxxa fuq l-enerġija; jew jekk l-introduzzjoni tal-klassi żejda fil-livell primarju tgħoddx biss għall-iskejjel tal-gvern. Tassew kampanja mimlija konfużjoni liema bħala.
Mhux hekk hi dik tal-PN. Bid-difetti tiegħu kollha, Joe Saliba rnexxielu jivvinta lil Gonzi mill-ġdid u jagħmlu l-aqwa arma tal-PN. Malli ndunaw x’kien qed jiġri, ħafna Nazzjonalisti dehrilhom li dan kien sogru kbir u m’għandhix dubju li hekk kien. Imma dan is-sogru kbir jidher li għandu possibbiltà li jwassal għal rebħa inaspettata jew ta’ l-inqas, ma jirnexxix għal ftit.
Joe Saliba jiftaħar li ħadem il-kampanji elettorali ta’ l-elezzjoni ta’ l-1998, kif ukoll dawk tar-referendum u ta’ l-elezzjoni ta’ ħames snin ilu. U jidher li mhux biss qagħad fuq dik l-esperjenza, iżda ra kif irfina t-tattika skond iċ-ċirkustanzi ta’ llum. Fl-istess ħin jidher li kien konxju ta’ xi żbalji li saru f’dawk il-kampanji tal-passat, żbalji li ħafna minnhom din id-darba kienu evitati.
Il-PN beda minn żvantaġġ enormi iżda t-tiġrija għadha ma spiċċatx. Anki fl-aħħar ftit ġranet jista’ jinqaleb kollox ta’ taħt fuq għax, kif diġa għedt, fil-politika ġimgħa hi żmien twil. Tista’ tfaqqa’ xi waħda li timmina lill-PN jew d-dottor Sant jista’ jgħid xi ftit ħmerijiet oħra... Min jaf?
Sa meta nerġgħu niltaqgħu f’din ir-rubrika, li tant nieħu gost niktbilkom kull ħmistax, inkunu nafu min wasal l-ewwel sal-barkun, imqarr jekk dan se jkun photofinish tassew!

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan