MediaToday

Wensu Mintoff | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana’. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f’dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
Matul is-snin ippruvaw ikissru fost l-oħrajn lil Edward Gauci Borda, lil J. R. Aquilina, lil Carmel Caopardo, lil Godfrey Leone Ganado… għax dawn fejn raw l-imgħawweġ tkellmu kif kellhom jitkellmu u ma dawrux wiċċhom jew għaddsu rashom.
Matul is-snin kemm ilhom jaħkmu dan il-pajjiż in-Nazzjonalisti ippruvaw jimminaw fost l-oħrajn lill-Awditur Ġenerali, lill-Ombudsman, is-sistema tal-ġuri u l-Awditur Intern tal-MEPA meta dawn irrispondew kif kellhom jirrispondu għall-ilmenti li kellhom quddiemhom u fir-rapporti tagħhom waslu għall-konkluzżjonijiet li kienu politikament imbarazzanti għall-Pe Enne.

Il-Kummissarju
Matul il-kampanja elettorali meta f’xi dibattitu politiku fil-mezzi tax-xandir jissemma’ xi każ ta’ korruzzjoni, fil-pront in-Nazzjonalisti erħilhom iżeffnu fin-nofs lill-Kummissarju tal-Pulizija qisu dan xi fonti tal-verità u tas-sewwa u jisfidawk tmur għandu sad-Depot ħalli dan jinvestiga.
Dan meta l-istess Kummissarju preżentement hu skond il-Kelliem Laburista għall-Intern Gavin Gulia, il-perċimes f’mijiet ta’ trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija li qed isiru biex jiġu akkomodati dawk li huma ben visti mill-Gvern a skapitu ta’ membri oħra tal-Korp.
Dan kollu proprju fil-mument meta taħt gvern caretaker mhux suppost isiru ħatriet ġodda u trasferimenti massivi bħal dawn. U n-Nazzjonalisti jriduna nibilgħu l-lixka li jekk il-Kummissarju jidħol bejn il-basla u qoxritha, proprju f’mument mill-iktar sensittiv politikament, dan se jinvestiga allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kif suppost u mhux se jiddejjaq jirfes il-kallijiet.

Frank Portelli
In-Nazzjonalisti jriduna mmorru għand il-Kummissarju bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Bħal donnhom insew x’kien qal Frank Portelli meta waqt il-programm Zimbabweplus ta’ l-1 ta’ Mejju li għadda, il-preżentatur biex jgħatti xturhom, kien sfidah biex imur għand il-Kummissarju bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li kien qed jagħmel dwar l-isptar Mater Dei.
Dakinhar Frank Portelli kien wieġeb istintivament: ‘Mela x’nagħmel! Mela tridhom jagħmluli xi bomba?’ Jiġifieri skond l-eks President tal-Kunsill Ġenerali tal-Pe Enne taħt GonziPN qed ngħixu fi żminijiet fejn jekk tazzarda tikxef l-abbuż, hu ta’ min hu, tkun qed tirriskja li jtajruk b’xi bomba.
Daqsant ħassu protett u ikkonfortat Frank Portelli bl-investigazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija. Imbagħad bil-wiċċ tost kollu jiġi Frank Portelli f’Xarabank ta’ żewġ ġimgħat ilu u bl-iktar mod viljakk jakkuża lil Alfred Sant li kien baqa’ rieqed u m’għamilx bħalu u irrapporta l-każ lill-Kummissarju tal-Pulizija. Mela f’daqqa waħda qed jagħmel bih d-deni ta’ l-elezzjoni Frank Portelli u m’għandux qed jibża’ mill-bombi?

Il-KPKK
Dan sieħeb ta’ meta għamlu ħabta l-Ministri Nazzjonalisti jużaw bħala l-paraventu tal-Kummissjoni Permanenti ta’ kontra l-Korruzzjoni (KPKK) biex jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa meta fil-fatt ikunu qed jagħmlu ftit jew xejn.
Din il-Kummissjoni magħmula kif inhi minn tliet Nazzjonalisti gwappi, flok tinvestiga l-korruzzjoni minn jedda, tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqha u tippretendi li għandu jkun iċ-ċittadin privat li jġib il-provi u jagħmilha ta’ prosekutur quddiemha.
Nista’ nikkonferma dan mill-esperjenza tiegħi stess meta rrappurtajt il-każ ta’ l-Awżiljari u ippretendew li noqgħod intella’ l-provi u nagħmel il-kontro-eżami
tax-xhieda, b’Louis Galea li kien jattendi għal kull seduta, iberrqilhom u jimmeżmerizzahom minn naħa l-oħra tas-sala.
Waqt is-smigħ ta’ dan il-każ kien irriżulta li ċertu Joe Grech Mallia safa msawwat għax kien waqaf għall-abbużi ta’ kanvasser partikulari ta’ Louis Galea. Kien irriżulta wkoll li l-kompjuter li fuqu kienet maħżuna l-informazzjoni kollha relatata ma’ din l-iskema li minn fuqha kielu kemm felħu l-galoppini tal-Ministru Galea, safa misruq proprju fil-lejl ta’ l-elezzjoni ta’ l-1992.
Imma sewwasew ma kienx hemm għalfejn jinstab dan il-kompjuter biex jinkixfu d-dnubiet għax ħadu ħsieb jixfu l-borom ‘sħab’ Louis Galea stess. Wieħed minnhom dak iż-żmien kien għadu prinċipjant. Illum il-ġurnata hu wieħed minn dawk li jaħseb li miss
is-sema b’idejh tant kemm espanda u tela’ fil-għoli.
Din kienet l-aħħar darba li mort quddiem
il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni tant kemm ħriġt iddiżgustat bil-mod laxk kif tmexxew l-affarijiet.
Meta ġew biex jikkonkludu r-rapport, iċ-chairman li kien ħabib tal-qalb ta’ l-irpużat ta’ San Anton. Tant hu hekk li kien imur għall-irtiri spirtwali miegħu. Mingħajr ma ltaqa’ mal-membri l-oħra biex jara x’kienu l-ħsibijiet tagħhom qabad u kiteb ir-rapport hu u ippreżentah lill-membri l-oħra għall-firma.
Wieħed mill-membri kien oġġezzjona mhux ftit għal dawn l-iskorrettezzi u ddeċieda li jikteb rapport minoritarju li jħammar wiċċ l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Imbagħad in-Nazzjonalisti għandhom il-wiċċ vili jitolbu l-provi tal-korruzzjoni!

Id-DCC
Waħda mill-iktar bombi tal-ħin qawwija li splodew matul din il-kampanja elettorali bla dubju kienet dik tal-permess tal-bini irregolari li nħareġ lil Charles Polidano ċ-Ċaqnu biex jibni supermarket f’Ħal Safi. L-awditur intern tal-MEPA wasal għall-konkluzjoni fir-rapport tiegħu li l-membri tad-Development Control Commission (DCC) ‘A’ tal-MEPA wettqu irregolarità kbira meta approvaw din l-applikazzjoni għall-iżvilupp.
Akkużahom li kisru l-Liġi, li ma segwewx il-policies tal-MEPA, li meta ma qadux fuq ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat ta’ l-Ippjanar li tahom il-parir biex joħorgux il-permess, ma ġġustifikawx din id-deċizjoni tagħhom b’raġunijiet dwar ippjanar, ħolqu preċedent perikoluż u naqsu milli jikkunsidraw li żvilupp ta’ din l-entità kien jeħtieġ environmental impact assessment.
B’riżultat ta’ dan ir-rapport ta’ l-awditur intern tal-MEPA, l-membri tad-DCC irriżenjaw en bloc u l-Prim Ministru Gonzi aċċetta r-riżenja tagħhom. Kemmxejn ma ridtx jagħti l-impressjoni li din il-kwistjoni issa magħluqa għax wiegħed li se jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rapport ta’ l-awditur tal-MEPA.
Ċertament li din il-barambuta mill-kbar nett żgur m’għandhiex tieqaf hawn u għad irridu nidħlu fil-fondamenti tagħha. F’dan il-każ mhemmx fin-nofs l-aġir iżolat ta’ xi impjegat individwali imma għandna quddiemna l-aġir irresponsabbli ta’ kummissjoni sħiħa li nvolviet ruħha fi ksur tal-liġi u irregolarità kbira (‘gross irregularity’).
L-ewwel santurimonju għandu jġorr ir-responsabbiltà politika għal dak li ġara min ħatar il-membri tad-DCC li kienu nvoluti f’din il-barumbata. Imbagħad hemm aspett ieħor importanti ta’ dan il-każ li ħaqqu jiġi indagat. Dan kif fejn jitfaċċaw ismijiet eċċellenti bħal dak ta’ Charles Polidano ċ-Ċaqnu invarjabbilment l-liġijiet tal-pajjiż jispiċċaw jiġu injorati jew mgħawġa?
Dankollu x’rabta għandu mal-fatt li ismijiet eċċellenti bħal dawn jistgħu jkunu kontributuri finanzjarji qawwija tal-partit fil-Gvern li ħatar il-membri tad-DCC? Forsi s-Sur Joe Saliba jitħajjar jilluminana ftit dwar dan billi jagħtina b’mod dettaljat x’għajnuna finanzjarja ingħatat matul is-snin lil Pe Enne miċ-Ċaqnu.

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan