TONI U PEPPI| 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Il-kura tas-saħħa b’xejn dejjem kien skoll politiku perikoluż għal ħafna gvernijiet. Kważi f’kull kampanja elettorali Ingliża n-National Health Scheme dejjem kienet kontroversja li ġabet jew naqqret il-voti. Fl-Italja s-sistema tas-saħħa dejjem kienet sors ta’ imbarazzament għal ħafna gvernijiet.
Bħalissa l-kura tas-saħħa hi waħda mill-kampijiet ta’ battalja fil-ġlieda għan-nomina presidenzjali fi ħdan il-partit Demokratiku Amerikan bejn Hilary Clinton u Barak Obama. Għalhekk mhux sorpriż li l-kura tas-saħħa b’xejn ħadet postha fiċ-ċentru tal-kampanja elettorali li għaddejjin minnha!
Jintqalu ħafna affarijiet fuq il-kura b’xejn. Jintqal li l-Partit Nazzjonalista jrid idaħħal il-ħlas. Jintqal li din tal-ħlas bdieha l-Partit Laburista bil-famuż ħlas ta’ 50ċ fuq kull riċetta. Jintqal li hawn ħafna ħela u li hemm suspetti kbar dwar miljuni ta’ liri li ntefqu aktar minn kemm kien proġettat fuq l-Isptar Mater Dei.
Iżda kulħadd jinsa li qabel ma kien hemm Partit Laburista fil-Gvern fl-1971 ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li l-kura tas-saħħa tkun b’xejn bil-mod wiesgħa u estensiv kif nafuh illum.
Illum kulħadd jinsa li meta amministrazzjoni Laburista fis-Sebgħinijiet, bit-tajjeb u l-ħażin kollha tagħha, xettlet liġijiet biex tassigura l-kura tas-saħħa b’xejn mingħajr ma tħares lejn il-wiċċ tal-mard, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qatt ma wera qbil u kien għadu jemmen li anke dudu jgħix f’ċagħqa. Qiegħed ngħid dan biex dan l-argument jaħraq jitqiegħed fil-kwadru storiku ġust tiegħu.
Naħseb kulħadd jaqbel li l-Partit Nazzjonalista għandu kredu politiku msejjes fuq l-ideoloġija neo-liberali. Wieħed mill-pilastri ta’ dan il-kredu hu, li l-Gvern jerħi s-servizzi minn idejh u jgħaddihom lill-privat. Dan qegħdin narawh f’kull qasam. Anke fil-qasam tas-saħħa.
It-tisjir u tindif fl-isptar diġà jinsab f’idejn il-privat meta frankament ma nistax nifhem għaliex, għax il-Gvern għandu dawn ir-riżorsi umani. Il-politika tal-Gvern li jagħmel dak li jissejjaħ outsourcing qed tiswa liċ-ċittadin miljuni ta’ liri meta mhux bilfors qiegħed jingħata servizz aħjar. Dan qiegħed jiġri anke fil-qasam tas-saħħa.
Għalhekk meta fl-2004 il-Gvern Nazzjonalista kien qiegħed diġà jaħseb biex il-kura tas-saħħa ma tibqax għal kollox b’xejn nifhimha. Minn x’imkien il-flus ried iġibhom għax bit-taxxi ma jistax jisqi kollox. Li ma nifhimx hu kif il-Gvern ma rrealizzax li kawża biex jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ dan il-ħlas kien ġabha b’idejh għax kien hu stess li qiegħed jgħolli l-ispejjeż.
Anzi jien immur pass aktar minn hekk. Il-prinċipju li qabel miegħu il-Kabinett, li l-kura tas-saħħa ma tibqax b’xejn, diġà beda jiġi implimentat. Ngħid għaliex.
Mela li jibdew jingħalqu il-polikliniċi jew jinfetħu biss għal ċertu ħin, mhux parti mill-pjan biex il-Gvern jiffranka l-infiq? Jekk fir-raħal tiegħek fejn darba kien hemm poliklinika u allura stajt issib tabib b’xejn u issa ma ssibux, il-probabbiltà hi li se jkollok tmur għand wieħed privat bi ħlas.
Il-Bambin biss jaf kemm mediċini ta’ bżonn m’għadekx tista’ teħodhom b’xejn jew sa llum mhumiex b’xejn, għax tneħħew jew mhumiex fost dawk li fl-iskeda tal-ligi huma indikati li jistgħu jittieħdu b’xejn mingħand il-Gvern. Allura jkollok tixtrihom fi klima fejn il-prezzijiet tal-mediċini sparaw ’il fuq.
Hawn min irid jistenna kważi sentejn biex jagħmel operazzjoni tal-kataretti jew hip replacement bir-riskju li sakemm tistenna għal meta jmissek tkun għamejt jew tispiċċa għal għomrok izzappap. Il-lista ta’ dawk jistennew dejjem tikber u llum hi aktar 10,000. Meta tara dawn il-listi dejjem jikbru, saħħtek tiġi l-ewwel u jekk ikun hemm bżonn tmur fi sptar privat. Naturalment bi ħlas.
F’dawn is-sitwazzjonijiet il-Gvern jiffranka u int ikollok tħallas. Kultant jgħaddili minn mohħi li l-waiting lists interminabbli huma maħsuba biex dak li jkun jaqta’ qalbu u jfittex kura privata.
Tajjeb ukoll li jiġi osservat li għalkemm il-Gvern diversi drabi iddikjara pubblikament li hu kommess li jinvesti fil-kura tas-saħħa u li din tkun b’xejn, il-fatti però juru mod ieħor. Tant hu hekk li mill-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa, aħna ninsabu fost l-aħħar fil-lista ta’ dawk li l-inqas investew fis-saħħa imqabbel mal-ġid gross domestiku tagħhom.
Magħdud ukoll ma’ dan il-fatt hu fatt ieħor li aħna għandna fost l-aktar investimenti li ma rrendewx riżultati fil-qasam tas-saħħa minħabba nfiq li ma kienx investit tajjeb jew li ma ngħatax rendikont ċar tiegħu. Eżempju ċar hu d-diskrepanza ta’ kemm kellha titħallas Skanska fil-bidu ta’ meta ngħatat il-proġett tal-Mater Dei sakemm ġie fit-tmiem tiegħu dan l-Isptar. Id-diskrepanza kienet ta’ Lm52 miljun. Inħalli f’idejkom biex tikkonvertuhom f’ewro!
Anke l-anomaliji li naraw quddiem għajnejna ma jħalluniex bi kwietna. Il-każ ta’ dik il-mara li kellha tbigħ darha biex tħallas għall-kura tal-kanċer għax ma tistax teħodha b’xejn mill-Gvern. Każ li semmieh l-istess Prim Ministru ftit tal-jiem ilu fuq it-televixin.
Imbagħad nisimgħu b’fares ta’ somom kbar imqassma mis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech lill-kumpaniji jew nies midħla sew taċ-ċrieki politiċi. Ironikament dawn il-flus ħarġu minn fond magħruf bħala “Good Causes Fund”! L-ammont ta’ Lm191 miljun li jirrapreżenta over-running ta’ infiq fil-progett ma tfisser xejn ħlief ħela jew infiq magħmul ħażin!
Dan l-ammont semmieh il-Konsulent Speċjali tal-Prim Ministru John Dalli f’Ġunju ta’ l-2007 meta kienu għadhom miksurin bejniethom. Kieku ma kienx hawn din il-ħela, kieku lanqas qegħdin niddiskutu dan is-suġġett.
Kien proprju minħabba dan kollu li nħsadna bl-aħbar, li skond memo 77 tal-Kabinett, li tmur lura għas-sena 2004, meta kien hemm il-ħsieb ċar li l-kura tas-saħħa ma tibqax b’xejn. Għalkemm din il-memo bdiet tiġi implimentata indirettament bil-mod li semmejt qabel, għadha ma twettqitx s’issa b’mod dirett, minħabba li kif tgħid l-istess memo ‘due to the political underpinnings’, li fi kliem ieħor tfisser minħabba l-voti.
Jgħid x’jgħid il-Prim Ministru biex joħroġ minn din is-sitwazzjoni ta’ imbarazzament jibqa’ l-fatt li l-Gvern inqabad bil-qalziet imniżżel.
Il-Gvern kellu l-intenzjoni kollha, u għad għandu, li l-kura tas-saħħa ma tibqax b’xejn. Tant hu minnu dan li kien proprju f’dik l-epoka li l-VAT żdiedet minn 15 fil-mija għal 18 fil-mija. Fatt li joħroġ mill-istess dokument. Żieda fil-fatt li kienet qiegħda tieħu in konsiderazzjoni n-nefqa fil-qasam tas-saħħa. Li tħallas għaliha indirettament xorta jibqa’ hlas.
Tant il-Gvern kellu l-intenzjoni li jgħaddi għall-fatti li l-istess Ministru Louis Deguara f’diskors li għamel fil-Parlament fit-12 ta’ Diċembru 2004, fl-istess sena tal-memo, alluda kemm-il darba li l-kura tas-saħħa trid tibqa’ sostenibbli u jista’ jkun li ma tibqax b’xejn.
Il-kelma sostenibbli hi l-mod kif bil-pulit tgħid li qiegħed taħseb fil-ħlas. Anzi qal, li sistema fejn kollox jibqa’ b’xejn għal kulħadd hi biss riċetta għal falliment. Aktar ma l-Gvern jipprova jitfa’ l-piż ta’ din id-deċiżjoni fuq il-burokratiċi u jibqa’ b’mod għal kollox inkredibbli jsostni li ma kienx jaf b’dan kollu biex joħroġ mir-rokna tar-ring, aktar juri kemm kien konfuż, diżorjentat u li ma jafx fejn hi s-serjetà tal-mod kif jiġu amministrati l-ħwejjeġ pubbliċi.
Saret karatteristika ta’ dan il-Gvern li kulmeta jinqabad fi żball jagħmel bħall-ħmar li jwaħħal f’denbu.
Issa, fl-aħħar mument, il-Prim Ministru qiegħed jagħti garanzija wara garanzija fuq kollox. Garanzija lill-ħaddiema ta’ l-Air Malta li l-kumpanija mhux għall-bejgħ, garanzija li l-kura tas-saħħa se tibqa’ b’xejn. Minbarra, li l-garanziji li jagħtu ċerti politiċi dejjem inħares lejhom b’ċertu suspett, inħares ukoll lejn is-sistema ta’ kondotta ta’ dak li jkun qiegħed jagħti dawn il-garanziji.
Niftakar fil-garanzija li ngħataw lill-kaċċaturi, lill-bdiewa, lil ħafna ħaddiema tal-fabbriki li mhux se jitilfu l-post tax-xogħol… niftakar ukoll id-diskors mit-Tron tal-President Guido De Marco fis-sena 2003, jagħti garanzija li s-Sea Malta mhux għall-bejgħ. Irrid nammetti li dakinhar il-Gvern żamm kelmtu. Minflok biegħha, qeridha!
NOTA:
Għal din il-ġimgħa li ġejja Peppi Azzopardi mhux se jikteb wara li ngħata ordni mill-Awtorità
tax-Xandir biex ma jikkummentax fuq materja politika. Hu informa lid-direzzjoni tal-gazzetta li ngħata din l-ordni wara li l-MLP
ipprotesta ma’ l-Awtorità
tax-Xandir għax waqt vox pop hu qal li ma jaqbilx mar-reception class. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|