Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Din id-darba l-boxxla daret lejn in-nofsinhar. Sabrina Agius marret is-Seaman’s Bar f’Bormla biex tara x’qed jintqal dwar l-elezzjoni
L-aħħar ġimgħa qabel l-elezzjoni mmur fil-qalba ta’ Bormla biex nisraq ftit mill-ħsibijiet tal-Bormliżi dwar l-elezzjoni.
Nidħol is-Seaman’s Bar u mill-ewwel tilqagħni tabella bil-kliem: ‘Titkellmux fuq politika. Grazzi.’
Qabel ma nibda nitkellem man-nies Anna Bartolo, sidt il-ħanut, tagħtini l-barka biex nieħu l-kummenti. “Jien hawn ġew ma nħallihomx jitkellmu fuq politika s-soltu għax jien mit-tnejn irrid,” tgħidli Anna. Imma għal din
id-darba se tikser ir-regola. Nintefa’ ħdejn Joe u nistaqsih min jaħseb li se jirbaħ l-elezzjoni.
“Għandi dubju. Ma nsegwix il-politika. Lanqas biss mort niġbor il-vot,” jgħidli b’ton xejn konvinċenti. Nistaqsih kif jista’ jkun ma jinteressahx b’dak li qed jiġri fil-pajjiż. Din id-darba jistaqsini hu: “Int, minn liema gazzetta int?”
Kien evidenti li ħasibni minn gazzetta oħra u meta nikkonfermalu li jien ġurnalista tal-gazzetta Illum qisni ftaħt il-bibien tal-Ġenna. Inqalbet il-folja.
“Mela ħa ngħidlek x’naħseb. Il-Labour se jirbħu. Xejn m’aħna nemmnuh lil Gonzi għax giddieb,” iwieġeb b’ton għal kollox differenti. Sakemm qed nitkellem ma’ Joe jinġabru ftit irġiel mhux ħażin mad-dawra tal-mejda.
Il-kummenti bdew ġejjin minn kull naħa tal-ħanut.
Ħafna minnhom ċerti li se jirbaħ l-MLP. Nipprova nipprovokahom b’mistoqsijiet oħra. X’taħseb li jinbidel jekk jitla’ l-Labour? U jekk jibqa’ kollox l-istess?
B’ton ftit irrabjat u assertiv nisma’ lil xi ħadd jgħid: “Ara din x’qed tgħid! Mela ma jkunux sew l-affarijiet? Għala le?”
Jintasab raġel ieħor ħdejja u jgħidli: “X’qed tistaqsi? Min se jirbaħ l-elezzjoni? Il-PN mhemmx x’tara.”
Imbagħad b’ton sarkastiku jtarrafli wkoll b’kemm se jirbaħ il-PN. “Bi 8,000 ngħadduhom anki jekk tinstema’ naqra ta’ ħolma din,” jgħidli. “Jien għandi l-mara u t-tfal Laburisti, imma mhemmx x’tagħmel.”
Piju, imlaqqam is-Sinjur ta’ Bormla, pensjonant ta’ 61 sena, joffri opinjoni oħra. “Għax jekk ma tbiddilx titħabbel,” jinsisti miegħi.
Imbagħad ċertu Willy jdur fuq sħabu u jgħidilhom: “Jiġifieri din qed tgħid li Gonzi m’għamel xejn ħażin?”
Infakkarhom ftit f’li kien għamel Alfred Sant bejn l-1996 u l-1998 meta spiċċa biex għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Meta kien naqqas l-istipendji minkejja li kien wiegħed bil-kontra... ma nilħaqx nispiċċa l-frażi.
“Sant ma żbaljax dak iż-żmien. Lil Sant qatt ma tawh ċans. Dak iż-żmien kien għadu żgħir u Mintoff ma tahx ċans,” jgħidli Joe, il-Ginger.
Inlissen il-kelma korruzjoni. “Korruzjoni? Lm70,000 ’l hawn u eluf oħra ’l hemm. Jekk tibda ssemmihom lanqas tieqaf. Issa oħra, tal-Freeport u ta’ l-ADT ta’ Mugliett. U l-Prim Ministru jiddefendi lil dawn in-nies, dak li naf,” jinsisti l-Ginger qisu xi kelliem tal-Partit Laburista.
L-uniku Nazzjonalist preżenti jittanta jiddefendi l-Gvern. “Il-MEPA issa kollox sew għax irriżenjaw kollha,” isostni.
Inżellaqlu mistoqsija dwar ir-reception class. Bid-diplomazija kollha Patrick Borg jgħidli li din esperjenza ġdida allura la jista’ jgħid “ħażin u lanqas tajjeb.”
Persuna oħra jgħidli li t-tifla ta’ oħt il-mara ilha 10 snin l-Ingilterra u faħħritha ħafna.
Ħaddieħor jilmenta dwar il-Mater Dei. “Ma tistax tgħid li sptar ikrah. Sabiħ ħafna. Imma hemm nuqqas ta’ staff u biex tagħmel X-Ray trid tmur fit-8.30am u toħroġ
fl-4.30pm,” jispjegali.
Minn warajja xi ħadd jikkritika lil Gonzi “għax m’għandux kampanja”. Nipprova nifhem xi jrid jgħid. “M’għandhomx fuq xiex jitkellmu u qed jaqbdu ma’ kull tibna,” isostni b’riferenza għall-kritika li saret lill-MLP fuq il-miżura tas-sahra.
B’dak l-aħħar kumment insellmilhom u nitlaq lura x-xogħol. M’għandix dubju li Bormla għadha fortizza tal-Partit Laburista anki jekk in-nies fis-Seaman’s Bar insistew miegħi li hemm ġew kulħadd ħbieb ikun x’ikun il-kulur politiku tagħhom. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|