MediaToday

Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

In-nisa iwieġbu

Bħala parti mill-kampanja ta’ Illum biex ikun hemm iktar nisa fil-Parlament qed nippreżentaw l-aħħar erba’ opinjonijiet ta’ nisa kandidati li wieġbu għal ħames mistoqsijiet komuni.

Kandidati Nazzjonalisti: Sfortunatament il-kandidati nisa Nazzjonalisti wieġbu l-mistoqsijiet b’mod kollettiv. L-għan ta’ dan l-ispazju kien biex il-qarrejja jsiru jafu aħjar il-fehmiet tal-kandidati individwali biex l-għażla tagħhom tkun waħda infurmata.

Mistoqsijiet:

1. Taqbel li għandu jkun hemm kwota biex jiżdiedu n-nisa fil-Parlament?

2. Bil-MEPA morna għall-aħjar jew għall-agħar?

3. Taqbel ma’ l-introduzzjoni tad-divorzju?

4. X’hemm bżonn isir biex iktar nisa jibqgħu jagħtu sehimhom fid-dinja tax-xogħol?

5. X’inhi l-viżjoni tiegħek għal dan il-pajjiż?

Helena Dalli - 2 u 3 Distrett

1. Il-kwoti huma mezz li ntuża għal numru ta’ snin minn ħafna pajjizi li llum qed joqorbu lejn rappreżentanza bilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-Parlament. L-MLP kien introduċa l-kwota għall-eżekuttiv. Meta n-nisa jilħqu dawn il-pożizzjonijiet il-bżonn tal-kwoti jispiċċa. Sentejn ilu l-PN introduċa l-kwoti biex iżidu n-nisa f’karigi għoljin fil-partit minkejja li kienu kontra s-sistema tal-kwoti. Il-kwoti huma tajbin bħala miżura temporanja biex tindirizza l-iżbilanċ li għandna fit-tħaddim tar-riżorsi umani tal-pajjiż. Il-Kostituzzjoni tagħna tipprovdi għall-azzjoni pożittiva biex tindirizza sitwazzjonijiet diskriminatorji.

2. L-għan tal-MEPA kellu jkun dak li jirregola l-bini, il-wirt nazzjonali u l-ambjent f’pajjiżna. Fir-realtà naraw li din l-entità tinforza r-regoli ma’ min hu dgħajjef u ma’ min hu b’saħħtu turi dgħjufija. Jekk morniex għall-agħar bil-MEPA tana t-tweġiba l-Prim Ministru, li qed iwegħidna li jekk jerġa’ jkun Prim Ministru jeħodha f’idejh. Ma jidhirlix li dan hu sinjal li morna għall-aħjar.

3. Nafu li għandna numru ta’ nisa u rġiel separati li llum qed jgħixu flimkien għax ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom falla. Dan ifisser responsabiltajiet mingħajr wens legali. Dan ifisser li min iż-żwieġ tiegħu spiċċa ma jistax jerġa’ jibni familja fil-qafas legali taż-żwieġ. Il-Partit Laburista fil-Gvern kien fetaħ id-diskussjoni dwar il-futur tal-familja. Issa jmiss li nisimgħu lis-soċjetà ċivili tiddikjara jekk tridx id-divorzju f’pajjiżna jew le.  
 4. Għalkemm nitkellmu ħafna fuq miżuri biex in-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol jiżdied, jirriżulta li l-ftit li żdiedu qegħdin f’xogħol part-time li ħafna drabi mhux ta’ kwalità.  Jidher ċar li l-familji tagħna jsibu appoġġ u sostenn fil-ħinijiet ta’ l-iskola biss, li t-teleworking u sigħat flessibbli għadhom fuq il-karta, li l-iżvilupp ta’ early childhood għadu lura, li ninsew li issa li qed ngħixu iżjed u li l-anzjani qed jispiċċaw jieħdu ħsieb qraba anzjani aktar minnhom u t-trabi. Jeħtieġ li jkollna strutturi ta’ appoġġ bis-serjetà għall-familji biex il-ġenituri ma jkunux ristretti li jagħżlu bejn ix-xogħol barra d-dar u r-responsabiltajiet familjari.
 
5. Nemmen fil-ħila tat-tim Laburista li jbiddel il-ġejjieni. Ma nistgħux ngħidu x’se jġib il-futur imma flimkien nistgħu noħolquh. Ir-rieda politika li għandna li ntejbu l-ħajja tan-nies twassalna biex nagħmlu lil pajjiżna, pajjiż modern li juża il-potenzjal tar-riżorsa umana kollha, pajjiż ġust fejn kulħadd ikollu l-opportunità li jimxi ’l quddiem u fejn is-sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà tagħna jsibu l-appoġġ u l-wens. Il-programm tagħna jagħmel dan kollu possibbli.

Justyne Caruana - 13 Distrett

1. In-nisa għandhom potenzjal kbir u kapaċità enormi imma joqogħdu lura mill-politika. Din hi ħasra għax in-nisa għandhom kontribut kbir x’jagħtu li jikkumplimenta l-ħidma ta’ l-irġiel. Jekk in-nisa tagħna qed joqogħdu lura għax qed jaqtgħu qalbhom minn kampanja elettorali imma għandhom potenzjal politiku ma nara xejn ħażin li jkun hemm diskriminazzjoni pożittiva bħas-sistema tal-kwoti. Naturalment irridu noqogħdu attenti li l-kwantità tkun ta’ kwalità. Ħafna pajjiżi oħra addottaw is-sistema tal-kwoti u tat il-frott.

2. Morna aħjar minn ċerti aspetti imma f’oħrajn morna l-baħar. Tajjeb li jkollok liġijiet u policies li jirregolaw u li jżommu l-ordni imma dan għandu japplika għal kulħadd. Il-MEPA turi id tal-ħadid maż-żgħir iżda mal-kbir timxi mod ieħor. Eżempju klassiku hu dak ta’ l-iżvilupp tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex. Hu inkonċepibbli kif minkejja li għandek ħafna żviluppi irregolari mhux qed tittieħed azzjoni diretta. Dan ħareġ ċar minn Mistoqsija Parlamentari li għamilt dan l-aħħar. Anke l-fatt li għandek burokrazija interminabbli, nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà jkomplu jitfgħu dell ikrah fuq din l-Awtorità u għalhekk Gvern Laburista ġdid se jirriformaha mill-qiegħ.

3. Nemmen ħafna fil-familja u ma naqbilx li d-divorzju hu soluzzjoni għall-problemi bejn il-koppji. Iżda hi realtà wkoll li hawn ħafna tbatija ta’ persuni li ż-żwieġ tagħhom ma rnexxiex u li ma jistgħux jibnu familja konvenzjonali oħra minħabba r-rabta legali li jkollhom. Hi realtà wkoll li ħafna qed jiksbu divorzu minn barra li qed jiġi reġistrat hawn. Allura indirettament diġà għandna divorzju. Għandna wkoll l-annullament ċivili u dak tal-Knisja.

4. L-iktar fattur li jżomm lill-mara milli toħroġ taħdem hi l-familja, speċjalment it-tfal. Illum nifhem iktar peress li sirt omm u l-ikbar inkwiet tiegħi hu li se jkolli nħalli t-tarbija warajja. Min m’għandux ma’ min iħalli t-tfal għandu impediment kbir biex imur jaħdem u allura hu obbligu ta’ l-istat li jipprovdi l-faċilitajiet. F’Għawdex kulma għandna hu child care centre wieħed li hu tal-Knisja. Pjan għall-Bidu Ġdid jipprovdi għal dawn il-faċilitajiet anke f’Għawdex.

5. Li jkollna pajjiż aħjar milli sibna fejn kulħadd ikollu d-drittijiet tiegħu mħarsa mingħajr abbużi u korruzzjoni. Għawdex u Malta fejn jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd speċjalment għaż-żgħażagħ u kulħadd ikollu sehem importanti fit-tkabbir ekonomiku, soċjali u kulturali. Dan kollu nsibuh fil-Pjan għall-Bidu Ġdid ta’ l-MLP.

Marie-Louise Coleiro Preca - 6 Distrett

1. Il-kwota għan-nisa għandha titqies bħala miżura temporanja u transitorja. Definitivament jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex aktar nisa jitħeġġu jidħlu għal ħajja pubblika ħalli nindirizzaw id-defiċit demokratiku li llum jeżisti kontra n-nisa. Dan bil-għan li jkollna soċjetà aktar sħiħa billi l-perspettiva tan-nisa u ta’ l-irġiel tkun meqjusa flimkien kemm fid-diskussjoni kif ukoll fid-deċiżjoni. Fil-pajjiżi Nordiċi ntużat il-kwota għal żmien temporanju u rnexxielhom jaslu b’suċċess. F’pajjiżna dan jista’ jseħħ. Hemm wisq nisa validi Maltin li l-ħiliet tagħhom mhux jitgawdew fil-livell tat-tmexxija Parlamentari f’pajjjiżna u dan b’detriment għas-soċjetà Maltija.

2. Sfortunatament il-MEPA spiċċat cover-up għall-indħil politiku mill-Gvern Nazzjonalista. Il-MEPA kellha jkollha rwol awtonomu biex tilħaq l-għanijiet tagħha b’mod integru u lil hinn mill-indħil politiku. Minn għadd ta’ każijiet li ħarġu fil-beraħ matul dawn l-aħħar snin inħoss li l-iskop għat-twaqqif tagħha ntilef. Il-MEPA tinħtieġ riforma sħiħa biex taqdi l-bżonnijiet ta’ pajjiżna għal żvilupp sostennibli lil hinn mill-preferenzi u l-kunflitti ta’ interess biex jiġi assigurat ambjent tajjeb u kwalità ta’ ħajja.
3. Jeħtieġ li ma naħsbux biss fuq miżuri kurattivi iżda li nindirizzaw il-kawża tan-numru ta’ żwiġijiet imkissra biex nipprevedu kemm nistgħu. Id-divorzju jista’ jidher bħala soluzzjoni iżda fil-proċess, fejn hemm l-ulied, l-uġigħ ta’ żwieġ imkisser bid-divorzju ma jissolviex.
Iżda hemm ukoll għadd ta’ koppji li qed jikkoabitaw u ftit hemm drittijiet ċivili għalihom fil-qafas legali tagħna. Ma nistgħux ninjorawhom iżda ma nistgħux nagħtu l-impressjoni li bid-divorzju se nsolvu l-problemi kollha.
F’pajjiżna mhux kulħadd ta’ l-istess fehma fuq id-divorzju. Għaldaqstant id-deċiżjoni tal-MLP, li jħalli lis-soċjetà ċivili toħloq id-diskussjoni, hi l-aħjar metodu fil-mument.

4. L-ewwelnett jeħtieġ li jkun hemm opportunitajiet ta’ xogħol għalihom u l-kundizzjonijiet u s-salarji jkunu tajbin biżżejjed biex jitħajru jaħdmu. Pajjiżna jkun mgħammar b’family friendly work practices biex verament ikun hemm bilanċ bejn ir-responsabilitajiet tax-xogħol u l-familja. Il-kwistjoni taċ-child care hi fattur importanti u jeħtieġ li tkun indirizzata bis-serjetà.

5. Nixtieq li pajjiżna jkollu tmexxija trasparenti u kontabbli bi Gvern li jibża’ għal flus in-nies. Triq ħielsa mill-burokrazija u red tape. Ikun hemm għajnuna għal min jeħtieġha u jikber fostna s-sens ta’ tolleranza. Nagħrfu aħjar id-diversità ta’ bejnietna u pajjiżna jerġa’ jikber fil-valuri soċjali u spiritwali. Nixtieq nara t-twettiq fil-prattika tal-ġustizzja soċjali li ssir stil ta’ ħajja mhux frażi li spiss tintuża fil-kliem biss.

Monica Vella - 13 Distrett

1. Hemm bżonn ta’ aktar nisa fil-Parlament iżda personalment ma naqbilx li għandu jkun hemm kwota għax nemmen li l-ugwaljanza fis-sessi għandha tkun b’mod li ma teskludix lill-mara filwaqt li l-poplu għandu jkun ħieles li jagħżel ir-rappreżentanti tiegħu. Nemmen li kull mara li tixtieq tagħti sehemha fuq livell nazzjonali tista’ tagħmel dan fil-qafas tal-liġi diġà eżistenti fil-pajjiż. Pereżempju jien għal dawn l-aħħar sitt snin kont Sindku fil-lokalità tax-Xewkija. Wara li ksibt l-esperjenza f’dan il-qasam ħassejt li nista’ nagħti kontribut u servizz akbar fuq livell nazzjonali u bl-ebda mod ma nħossni inferjuri għas-sess maskili.

2. Il-kunċett ta’ awtorità regolatorja hu wieħed tajjeb iżda l-operat ta’ din l-awtorità żgur li mhux sodisfaċenti u ’l bogħod mill-prinċipji tal-ġustizzja u l-bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli li għalihom inħolqot il-Mepa. Awtorità li b’mod sfaċċat turi s-saħħa tagħha ma’ min hu dgħajjef u tkun dgħajfa ma’ min hu b’saħħtu żgur li mhix qed tagħti s-servizz mistenni. Barra minn hekk mhux aċċettabli f’pajjiż demokratiku jkollok awtorità regolatorja li tuża l-poter tagħha arbitrarjament skond l-esiġenzi tal-mument. Kull każ abbużiv għandu jiġi investigat skond l-liġi.

3. Il-prinċipji tiegħi huma dawk insara u għalhekk ma nistax naqbel mad-divorzju. Imma m’għandniex ninsew lil dawn il-persuni fiċ-ċirkustanzi partikulari ta’ ħajjithom li għalhekk għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Kulħadd għandu jkollu d-dritt li jgħix ħajtu kif l-aħjar li jidhirlu.

4. Il-Gvern għandu jara li l-liġijiet tal-pajjiż fuq l-ugwaljanza għandhom jiġu rispettati kollha u bl-ebda mod ma ssir xi diskriminazzjoni ma’ mara fuq l-post tax-xogħol. Il-liġijiet fuq il-karta mhumiex biżżejjed. Il-Gvern għandu jipprovdi faċilitajiet oħra li jgħinu lin-nisa jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja bħal child care centres. Meta pajjiżna jibda jemmen bis-serjetà u bil-fatti li l-mara hi ugwali għar-raġel inkunu għamilna qabża qawwija biex il-mara tibqa’ tagħti l-kontribut tagħha.

5. Pajjiżna għandu bżonn il-bidla meħtieġa. Għawdex jinsab staġnat f’abbandun totali li jinħass fl-ambjent, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-kamp soċjali. Il-bżonnijiet t’Għawdex għandhom ikunu verament il-priorità tal-ġurnata u jiġu indirizzati, mhux kif ġara f’dawn l-aħħar snin fejn l-interessi ta’ xi wħud saru l-priorità li tiddetermina l-politika tal-Gvern.
Pajjiżna għandu jitmexxa b’mod biex jinħoloq il-ġid għal kulħadd f’sens ta’ servizz, b’impenn u b’serjetà fejn il-poplu jkun iċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni politika fl-interess tal-ġid nazzjonali.

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan