Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70 Lejn għażla infurmata Illum qed tippreżenta l-proposti ta’ l-erba’ partiti politiċi fuq numru ta’ kwistjonijiet. Il-pożizzjonijiet rispettivi ittieħdu mill-manifesti elettorali TAXXA Taxxa tad-dħul PN: Jitwessgħu l-faxex kollha tat-taxxa tad-dħul. Ir-rata massima tat-taxxa tinżel minn 35% għal 25%, ħlief għal min jaqla’ aktar minn €60,000. Jitwessgħu wkoll il-faxex t’isfel. MLP: Ma titħallasx taxxa fuq is-sahra kollha. AN: Il-faxex tat-taxxa jitnaqqsu regolarment sakemm tapplika taxxa b’rata unika ta’ 18% għal kulħadd. Ma titħallasx taxxa fuq performance bonuses li jingħataw mill-kumpanija. Taxxa fuq il-wirt PN: Titneħħa għal kollox din it-taxxa fuq il-wirt tar-residenza wkoll meta din tgħaddi għand l-ulied. MLP: Mhemm l-ebda riferenza għal din il-kwistjoni fil-manifest. AD: M’hemm l-ebda riferenza għal din il-kwistjoni fil-manifest. AN: Ma titħallasx taxxa fuq il-proprjetà li tkun intirtet imma, jekk u meta tinbigħ titħallas taxxa ta’ 5%. Taxxa fuq is-safar PN: Titneħħa għal kollox it-taxxa tat-tluq. MLP: Din il-kwistjoni mhix ittrattata fil-manifest imma fil-qasam tal-kultura jingħad li għandha tingħata eżenzjoni mit-taxxa tat-tluq għal dawk kollha li jkunu impenjati barra f’kunċerti, festivals u expos ta’ l-arti, li jagħti x’jifhem li t-taxxa tat-tluq se tibqa’. AD: L-AD hi kontra t-taxxa eżaġerata fuq min isiefer imma l-manifest ma jgħidx jekk din għandhiex titneħħa kollha. AN: Din il-kwistjoni mhix ittrattata Soprataxxa fuq id-dawl u l-ilma PN: Il-Gvern ikompli jissussidja s-soprataxxa kif diġà qed jagħmel u jkompli jeżenta wkoll lit-30,000 familja l-iktar fil-bżonn. AD: Jiddaħħlu tliet rati differenti skond il-konsum ras imb’ras u skond il-bżonnijiet speċjali tal-familji. Is-sistema għandha tippremja lil dawk li jnaqqsu l-konsum tagħhom billi toffrilhom rata anqas ta’ soprataxxa. AN: Biex jitħaffef il-piż għandha titneħħa l-VAT fuq is-soprataxxa. XOGĦOL Ħaddiema prekarji PN: Jieqfu l-prattiċi ta’ kuntratti fuq bażi self-employed intiżi biss biex il-ħaddiema ma jingħatawx il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li ħaqqhom. Fix-xiri tiegħu l-Gvern jimponi kundizzjonijiet fuq il-kuntratturi biex dawn jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. MLP: Titwaqqaf Low Wage Commission biex tevalwa s-sitwazzjoni u tirrikkmanda x’għandu jsir għal dawk li qed jistinkaw biex ilaħħqu mal-ħajja. Tkun infurzata l-liġi eżistenti, partikolarment dik kontra l-isfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ. AD: Kuntratti definiti li jkunu mġedda regolarment għal aktar minn sena għandhom jitqiesu awtomatikament bħala kuntratt indefinit. Il-ħaddiema part-time għandhom jieħdu l-benefiċċji kollha pro rata mal-ħinijiet tax-xogħol li jaħdmu filwaqt li self-employed li l-impjieg tagħhom jiddependi minn kumpanija waħda, għall-fini tal-liġi tax-xogħol, għandhom ikunu meqjusa bħala impjegati. Tarzna PN: Jitkompla l-programm ta’ ristrutturar biex it-tarznari jsiru vijabbli skond il-ftehim negozjat ma’ l-UE. MLP: Issir evalwazzjoni strateġika ta’ fejn waslu l-bidliet u l-Gvern jiżgura li l-investimenti meħtieġa li kienu mwiegħda u baqgħu ma sarux jitwettqu. Il-Gvern jiftaħ diskussjoni mal-UE dwar is-sussidji lit-Tarzna. AD: Biex it-Tarzna jkollha futur parti mill-ħaddiema jingħataw xogħol ieħor fil-produzzjoni ta’ pannelli solari u dawk fotovoltaiċi u jekk din il-ħidma tiddaħħal f’programm nazzjonali dwar l-enerġija alternattiva jkun possibbli li l-UE tipprovdi fondi għalih. Għandhom ikunu ngaġġati apprentisti ġodda. AN: Jinbidel il-maniġment Air Malta PN: Il-linja nazzjonali titqies bħala ass strateġiku għall-pajjiż u għaldaqstant il-PN fil-Gvern iżomm il-kontroll ta’ din il-kumpanija. MLP: Jiżgura li l-Air Malta tkun pilastru ewlieni AD: Il-manifest ma jgħid xejn fuq l-Air Malta. AN: Il-manifest ma jgħid xejn fuq l-Air Malta. Festi nazzjonali u btajjel PN: Ma jingħad xejn fil-manifest dwar din il-materja. MLP: Terġa’ tiddaħħal il-prattika li l-btajjel pubbliċi li jaqgħu s-Sibt u l-Ħadd jiżdiedu mal-leave ta’ l-impjegati. Tiddaħħal skema ta’ leave apposta għall-impjegati li jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u kulturali. AD: Il-btajjel pubbliċi li jaqgħu matul il-ġimgħa jitressqu nhar ta’ Ġimgħa jew nhar ta’ Tnejn biex ikun hemm iktar long weekends u l-produzzjoni fl-industrija jkollha inqas skossi. AN: Ikun hemm biss tliet festi nazzjonali (l-Indipendenza, ir-Repubblika u t-8 ta’ Settembru). Il-festi nazzjonali l-oħra jiżdiedu mal-leave li jgawdi kull ħaddiem. Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja PN: Ma jingħad xejn fil-manifest dwar din il-materja. MLP: Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti tingħata b’mod sħiħ mal-pensjoni u mhux maqsuma b’parti minnha tingħata bħala bonus kif inhi llum. AD: Fil-manifest ma jingħad xejn dwar din il-materja. AN: Għandha tkun marbuta kemm mar-rata ta’ inflazzjoni u mal-produttività. Iż-żieda titħallas biss meta l-inflazzjoni taqbeż it-2%. Meta f’sena l-persentaġġ ta’ inflazzjoni jkun iktar baxx jiżdied ma’ tas-sena ta’ wara u titħallas biss jekk flimkien l-inflazzjoni taqbeż it-2%. EDUKAZZJONI Edukazzjoni bikrija PN: Bi sħubija mal-privat u l-volontarjat titwaqqaf xibka ta’ ċentri għall-ħarsien tat-tfal f’kull naħa ta’ Malta u Għawdex. Tissaħħaħ il-kwalità taċ-ċentri tal-kindergarten biex jagħtu l-aħjar sisien l-aktar kmieni possibbli. Fl-istess waqt jissaħħaħ il-programm ta’ screening bikri dwar l-istat ta’ saħħa fiżika u intellettwali tat-tfal. MLP: Tiddaħħal liġi li tirregola ċ-ċentri ta’ ħarsien tat-tfal u jkunu provduti ċentri sussidjati. Tiddaħħal reception class bejn il-kindergarten u l-iskola primarja. AD: Għandha tissaħħaħ is-sistema ta’ l-edukazzjoni mhux formali li tinkludi kindergartens u ċentri ta’ ħarsien. Jiddaħħlu regolamenti li jiżguraw li dawn iċ-ċentri jitmexxew minn nies kompetenti u kwalifikati li jipprovdu servizz f’ambjent addattat u nieqes mill-perikli. AN: Jaqblu li l-kindergarten assistants ikunu mħarrġa f’Early Childhood Education imma għandu jkun hemm mira biex sa l-età ta’ sitt snin it-tfal kollha jkunu jafu jaqraw sew bil-Malti u l-Ingliż. Jitwaqqaf rapid intervention team li jservi biex jgħin lit-tfal li minn kmieni jibdew juru li jaqgħu lura. Stipendji PN: Is-sistema ta’ l-istipendji tkun sostnuta bl-iskop li ż-żgħażagħ ikunu megħjuna jkomplu bl-istudji u t-taħriġ bla ma jkunu ta’ piż kbir fuq il-ġenituri tagħhom. MLP: Il-manifest ma jagħmilx riferenza għal din il-kwistjoni imma fid-dokument ‘Il-Politika għall-Qasam Edukattiv’ jingħad li Gvern Laburista jimpenja ruħu biex tibqa’ s-sistema ta’ l-istipendji. AN: Mhux kulmin jidħol l-Università għandu d-dritt li jgħaddi l-ispejjeż ta’ l-edukazzjoni tiegħu liċ-ċittadin għax din hi estensjoni tal-kultura tal-benefiċċji li ma tgħinx biex trawwem studenti responsabbli. Għalhekk is-sistema ta’ l-istipendji teħtieġ reviżjoni. GĦAWDEX Tmexxija PN: Ikun ristrutturat il-ministeru għal Għawdex. Tissaħħaħ ukoll il-kapaċità ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika biex ikun hemm firxa wiesgħa ta’ ċifri marbuta ma’ Għawdex. MLP: Jitwaqqaf Kunsill Reġjonali b’rappreżentanza sħiħa ta’ l-Għawdxin li jkun responsabbli mill-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex. Il-Kunsill Reġjonali jħejji pjan ta’ żvilupp għal Għawdex bħala reġjun. Fl-istess waqt Għawdex ikollu statut fiskali u finanzjarju bil-għan li jikkumpensa għall-insularità doppja. AD: Jitwaqqaf Kunsill Reġjonali Għawdxi elett mill-Għawdxin li jkollu s-saħħa li jamministra l-fondi allokati lill-gżira. In-numru ta’ Membri Parlamentari Għawdxin jitla’ minn ħamsa għal sitta biex jirrifletti ż-żieda fl-għadd ta’ votanti. Jitwaqqaf Kumitat Parlamentari għal Għawdex magħmul mill-Membri Parlamentari kollha Għawdxin. Il-Kumitat jissorvelja l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex. AN: Jitwaqqaf Kunsill Reġjonali Għawdxi elett mill-Għawdxin li jkun responsabbli mill-iżvilupp kummerċjali, industrijali u turistiku ta’ Għawdex. Il-Kunsill ikollu d-dritt li jaħtar żewġ osservaturi biex jattendu s-sessjonijiet tal-Parlament Malti u jkollu d-dritt ukoll li jagħmel u jiġbor it-taxxi. Infrastruttura PN: Jitfassal pjan għall-kosta mill-bajja ta’ San Blas fin-Nadur sa Wied il-Għasri. Fil-Port ta’ l-Imġarr tissaħħaħ l-infrastruttura għall-irmiġġ ta’ cruise liners u ssir estensjoni tal-yacht marina. Tinbena skola sekondarja ġdida għall-bniet u skola primarja ġdida għar-Rabat. Jinbnew numru ta’ units residenzjali għall-akkomodazzjoni soċjali. Ikun żviluppat ċentru ta’ faċilitajiet sportivi f’Ta’ Xħajma li jikludi wkoll pixxina. Titwaqqaf pixkerija u jinbena open-air studio għall-produzzjoni tal-films. MLP: Jinbnew yacht marinas u korsa tal-golf mingħajr ma jkun hemm l-ispekulazzjoni tal-bini marbuta magħhom. Jitkabbru x-xtajtiet ramlin f’Marsalforn u x-Xlendi. Jinħolqu iktar siti u faċilitajiet fuq l-art fejn hemm siti għad-diving. Jinbena ċentru komunali reġjonali u jiċċaqlaq il-bini tal-Qrati. Ikun identifikat sit għall-bini ta’ qasam residenzjali għal akkomodazzjoni soċjali. Tinbena triq alternattiva għall-Mġarr u jitħejja studju għat-tkabbir tal-port ta’ l-Imġarr. AD: Ħondoq ir-Rummien jinbidel f’park ġeoloġiku u industrijali. L-impjant antik tad-distillazzjoni fl-inħawi jinbidel f’pixxina msaħħna permezz ta’ enerġija ġenerata AN: Tinbena yacht marina oħra u jitħejja irmiġġ għall-cruise liners ta’ daqs medju. Tkun estiża l-airstrip eżistenti. Trasport bejn il-gżejjer PN: Jissaħħaħ is-servizz ta’ trasport bl-ajru minn u lejn Għawdex b’mod li jkun vijabbli u sostenibbli. MLP: Jitħaddem b’sussidju s-servizz tal-ħelikopter bi skeda bejn iż-żewġ gżejjer. AD: Ikun estiż għar-Rabat ix-shuttle service b’tal-linja bejn l-ajruport u l-Imġarr u jkun jinkludi wkoll servizz ta’ check-in għall-bagalji. L-ajruplan tal-baħar ikun jista’ jinżel f’Marsalforn. Issir ħidma biex jitħaddem servizz ta’ katamaran bejn il-Port il-Kbir/Marsamxett u l-Imġarr/Marsalforn. Jiddaħħal is-servizz bi skeda tal-katamaran bejn Sa Maison u l-Imġarr. Jinbdew negozjati mal-kumpaniji tal-catamaran f’Malta biex ir-rotta Malta-Sqallija jkollha wkoll waqfa f’Għawdex. AN: Ma jingħad xejn dwar dan imma l-proposta biex tittawwal l-airstrip eżistenti tfisser li għandu jkun hemm xi tip ta’ servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. AMBJENT MEPA PN: Ir-riforma fil-Mepa trid twassal biex tiżdied l-effiċenza skond miri stabbiliti, tiżdied it-trasparenza u l-kontabbiltà, jonqsu l-inkonsistenzi fid-deċiżjonijiet u jissaħħaħ l-infurzar. Biex tkun attakkata l-burokrazija ssir distinzjoni netta bejn applikazzjoni għal tibdil jew żvilupp żgħir f’residenza jew negozju li jeżistu u applikazzjonijiet ta’ żvilupp ġdid. Jissaħħaħ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili b’aktar spazju għall-konsultazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi inkluż residenti qabel jittieħdu deċiżjonijiet kbar li jolqtu għadd kbir ta’ nies. MLP: Issir evalwazzjoni ta’ l-operat tal-MEPA biex issir aktar trasparenti. Il-proċess tal-Environmental Impact Assessment (EIA) jittejjeb, speċjalment kif issir il-konsultazzjoni pubblika. Isir it-tibdil meħtieġ biex il-MEPA tibda tgawdi il-fiduċja tal-pubbliku. Fi żmien sitt xhur l-MLP idaħħal targets dwar kif u f’kemm żmien jiġu approvati proġetti mill-MEPA. AD: Il-MEPA għandha tinqasam f’żewġ awtoritajiet separati, waħda responsabbli għall-ħarsien ta’ l-ambjent u l-oħra għall-ippjanar u l-kontroll ta’ l-iżvilupp. Ikun hemm skrutinju kontinwu minn żewġ Kumitati Parlamentari, wieħed għall-ambjent u l-ieħor għall-ippjanar ta’ l-iżvilupp. Għandu jidħol Kodiċi ta’ Etika għall-istaff ta’ dawn l-Awtoritajiet li fost oħrajn jassigura li l-politiku ma jinvolvix ruħu fil-ħidma ta’ kuljum. AN: Il-membri tal-bord tal-MEPA jinħatru mill-President wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili. Il-funzjoni tal-ħarsien ambjentali u ta’ l-ippjanar għall-iżvilupp għandhom ikunu separati minn xulxin. Applikazzjonijiet għal żvilupp fuq skala żgħira għandhom jiġu ipproċessati fi Konfini ta’ l-iżvilupp PN: Tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-bini illegali barra mill-konfini ta’ l-iżvilupp. Jitwaqqaf fond biex bi sħubija mas-soċjetà ċivili tkun tista’ tinxtara art barra l-konfini biex tiġi ritornata għall-istat naturali tagħha. MLP: Din il-kwistjoni mhix indirizzata fil-manifest. AD: Il-konfini ta’ l-iżvilupp jerġgħu lura għal dawk li kienu qabel is-26 ta’ Lulju 2006, meta l-Gvern għadda mill-Parlament il-mozzjoni dwar l-estensjoni ta’ dawn iż-żoni. Il-manifest jipproponi wkoll li jiġu infurzati b’mod rigoruż il-liġijiet u l-politika eżistenti rigward l-iżvilupp barra mill-konfini (ODZ). AN: Il-Gvern ifassal pjan strateġiku għall-gżejjer Maltin li jkun rivedut regolarment. Il-manifest jinsisti li l-iżvilupp fieragħ u spekulattiv huwa l-akbar theddida għall-ambjent Malti u jrid jieqaf. Qabel ma żona ġdida tkun żviluppata għall-bini jitfassal masterplan li toħloq ambjent residenzjali li jilqgħek u li jagħti importanza lil diversi aspetti. Kaċċa u nsib PN: Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu prattikati b’mod sostenibbli, b’konformità mar-regolamenti ta’ l-UE kif interpretati mill-Qorti Ewropea. MLP: Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu regolati bil-għan li l-prattika tkun sostenibbli. Dan għandu jsir fid-dawl ta’ l-obbligi legali ta’ l-UE kif qed jiġu interpretati llum. AD: Biex jiġu protetti l-ispeċi tal-għasafar u biex il-kampanja titgawda minn kulħadd mingħajr periklu l-kaċċa għandha tkun gradwalment abolita. Fl-immedjat il-kaċċa fir-rebbiegħa għandha ssir illegali. Għandhom jiżdiedu l-ispazji li fihom ma tistax issir kaċċa, fost l-oħrajn minn toroq sekondarji. AN: Filwaqt li tisħaq li l-kaċċaturi għandhom id-dritt igawdu d-delizzju tagħhom, l-AN tiftaħ djalogu serju ma’ l-UE biex tara kemm hu possibbli ttaffi l-konsegwenzi tad-direttivi preżenti. Enerġija mir-riħ u x-xemx PN: Isir proġett ta’ rdieden tar-riħ fil-baħar, 20 mil ’il barra mill-kosta biex ikun iġġenerat bejn 75MW u 100MW ta’ enerġija. Isir investiment ieħor f’teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx, l-iskart u sorsi oħra li jiġġeddu bl-għan li sal-2020 tintlaħaq il-mira biex 10% ta’ l-enerġija tkun iġġenerata minn sorsi alternattivi. MLP: Ikun inċentivat l-użu ta’ l-enerġija alternattiva partikolarment dik mix-xemx u AD: Ikun hemm rifużjoni sħiħa tal-VAT fuq l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltaiċi li jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx u l-elettriku żejjed iġġenerat b’dawn is-sistemi jitħallas bir-rata ta’ madwar €0.42 kull unit, rata li tonqos b’5% kull sena fuq perjodu ta’ 5 snin. AN: Bi prova jitnedew tliet turbini tar-riħ f’Ħal Far. Jekk ir-riżultati jkunu sodisfaċenti tittieħed deċiżjoni fuq impjanti oħra. Il-Gvern għandu jixtri bir-rata ta’ €0.30 kull kwH l-enerġija iġġenerata mill-privat minn sorsi alternattivi. . |
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan