Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Il-kaċċatturi u n-nassaba lbieraħ intalbu jirriflettu qabel l-elezzjoni li jmiss wara li l-Gvern Nazzjonalista ma wettaqx ħafna mill-wegħdi li kien għamel mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
Il-Gvern kien akkużat li għamel liġijiet biex jakkomoda lill-Unjoni Ewropea u lill-Birdlife imsejħa ‘Bird Lies’ mill-istess FKNK. Dan kien l-ewwel meeting ta’ l-FKNK li sar f’Għawdex.
Is-Segretarju tal-għaqda Lino Farrugia f’diskors imqanqal qal li l-Gvern “dejjem jagħmel restrizzjonijiet biex jakkomoda lill-Birdlife u lill-Unjoni Ewropea.”
Farrugia akkuża b’ismu lil Saviour Balzan, Editur Maniġerjali ta’ MediaToday, bħala traditur.
“Dan kien in-negozjatur li l-Gvern Malti rnexxielu jafdalu l-kaċċa u l-insib. Kien imħallas mill-Gvern biex jagħmel dak li kellu jagħmel u għamel bil-kontra! Balzan juża ż-żewġ gazzetti tiegħu (b’riferenza għall-MaltaToday u Illum) biex jgħaddi l-messaġġ. Dan għandu jiġi interrogat fuq il-flus li seraq. Mhu xejn ħlief traditur tal-poplu kollu,” insista Farrugia quddiem folla kaċċaturi. L-istess akkuża saret fil-konfront ta’ Joe Sultana.
“Dawn mhux għax iħobbu l-għasafar imma għax jobogħdu lill-kaċċaturi u lin-nassaba,” saħaq Farrugia.
“L-għan tagħhom hu li l-kaċċa tispiċċa mill-gżejjer tagħna għal kollox u b’hekk l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tgħid li għandha membru li m’għandux kaċċa u nsib. Tuża lilna għax aħna żgħar, ġodda u eventwalment taqta’ kollox. Il-Kummissarju ta’ l-Ambjent ta’ l-UE Dimas irid juża lil Malta bħala ezempju għal pajjiżi oħra. “Dan minn Brussell m’għandux idea kif inhi l-kaċċa f’Malta,” qal Farrugia.
Imbagħad Farrugia wissa lil Lawrence Gonzi.
“Dr Gonzi, jekk tagħlaq il-kaċċa tar-rebbiegħa mhux se tkun taxxa oħra li se tindara imma meta jasal Marzu u April terġa’ tinfetaħ il-ferita,” qal Farrugia.
Farrugia insista li jekk jaslu April u Mejju, u ma jinfetaħx l-istaġun, hu ma kienx se jwiddeb lill-kaċċaturi biex ma jipprattikawx kaċċa illegali.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu Farrugia wera d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ preżenza min-naħa ta’ kaċċaturi Għawdxin minkejja li fil-gżira hemm iktar minn 3,000 kaċċatur u nassab reġistrat. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|