MediaToday

Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

Il-balla taqa’ fuq Pullicino Orlando

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Wara ġimgħa sħiħa li fiha esponenti ewlenin tal-Partit Laburista taw indikazzjoni wara l-oħra dwar il-bomba li kienu se jwaddbu fil-kamp
tal-PN, fl-aħħar ilbieraħ Alfred Sant fetaħ il-kanuni fuq id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando.
Il-każ li żvela Sant jikkonċerna l-permess li ngħata biex fuq art verġni fil-Mistra, proprjetà ta’ Pullicino Orlando, tinbena diskoteka fil-miftuħ fuq sit li hu barra miż-żona ta’ l-iżvilupp u ta’ valur ekoloġiku kbir.
Fuq l-istess sit fl-1999 il-MEPA kienet irrifjutat applikazzjoni biex jinbena ġibjun minħabba s-sensittività ekoloġika tas-sit. Madankollu f’Novembru tas-sena li għaddiet il-MEPA, kontra kull parir tekniku li ngħatat minn esperti fi ħdanha, ħarġet l-ewwel permess biex tinbena diskoteka għal 4,000 persuna. Is-sit jokkupa spazju ta’ 2,000 metru kwadru.
Il-bord li ta l-permess f’Novembru hu l-istess wieħed li irriżenja din il-ġimgħa wara li f’rapport ta’ l-Awditur tal-MEPA ntqal li l-permess għall-bini ta’ supermarket f’Ħal Safi kien illegali.
Id-diskoteka, li diġà qed tkun reklamata, se jkun jisimha Spin Valley.
“Dan hu skandlu. Din oxxenità. Dan hu każ ta’ korruzzjoni,” sostna Sant. “Iktar skandaluż minn hekk dan is-sit hu proprjetà tad-deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando.”
Sid l-art hi l-kumpanija De Rohan Antiques Limited li fl-2001 saret il-proprjetà sħiħa ta’ Pullicino Orlando. Il-permess għad-diskoteka nħareġ lil terza persuna li l-art hi mikrija għandu. Il-perit ta’ l-applikant hu Paul Camilleri, il-kuġin tal-Prim Ministru.
F’kumment lil din il-gazzetta Sant qal li ma kellu l-ebda dubju li f’dan il-każ għaddew il-flus.
“Jekk il-permessi kienu miċħuda għal dawn is-snin kollha m’hemm l-ebda raġuni għalfejn dan il-permess kellu joħroġ. Xi ħadd qed jieħu xi ħaġa, mhux hekk?” sostna Sant.
Intant Pullicino Orlando kien preżenti fil-Mistra meta l-ġurnalisti twasslu lura ħdejn il-bajja wara li ttieħdu fuq dawra mal-għelieqi.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu Pullicino Orlando tenna li hu ma kienx l-applikant.
Hu sostna li l-art għaddiet għandu “ħafna snin ilu. Imbagħad ilħaqt arranġament ma’ terza persuna li ilu jħallas il-kera għal inqas minn sena. Wara lħaqt ftehim ieħor mal-persuna biex ikun jista’ jiżviluppa l-art. Qatt ma ltqajt ma’ l-applikant għax ilħaqt l-arranġament permess ta’ terza persuna,” qal Pullicino Orlando.
Hu baqa’ ma qalx jekk jaqbilx ma’ l-iżvilupp u tenna li kien se “jsallab” lil Alfred Sant b’libell.
Pullicino Orlando kien viżibbilment skomdu bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Hu ilu għal dawn l-aħħar jumejn jitfaċċa fejn ikun Sant ħalli jirribatti kull akkuża li seta’ jwaddab Sant lejh.
Fl-aħħar tal-konferenza stampa cameraman ta’ Net TV saħansitra ġibed filmat tal-ġurnalisti ta’ din il-gazzetta waqt li kienu qed jitkellmu ma’ ġurnalisti oħra meta kienu mexjin lejn il-karozzi tagħhom.

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan