Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
1. Saħħa bil-ħlas
Vittma PN
Id-dokument dwar il-finanzjament tas-saħħa li kien preżentat lill-Kumitat Soċjali tal-Kabinett f’Diċembru ta’ l-2004 jikkonferma li f’minn ta’ l-inqas okkażjoni waħda l-kabinett kien qabel fil-prinċipju mal-kunċett li jkun hemm ħlas għal servizzi tas-saħħa. Dan il-prinċipju probabbilment kien diskuss f’Lulju ta’ l-2004 meta l-Kabinett iddiskuta Cabinet Memo 77 imressqa mill-Ministru Louis Deguara. Kien wara din il-laqgħa tal-Kabinett li Deguara ntalab iħejji rapport iktar dettaljat dwar il-finanzjament tal-qasam tas-saħħa li eventwalment kien ippreżentat f’Diċembru ta’ l-istess sena.
L-istqarrija li ħareġ l-awtur tar-rapport, ħaddiem taċ-ċivil f’kariga għolja, 24 siegħa wara li kien żvelat tiċħad li l-Kabinett iddiskuta dak ir-rapport partikolari iżda ma tiċħadx li f’Lulju l-Kabinett iddiskuta l-prinċipju tal-ħlas għas-saħħa.
Dan id-dokument, żvelat minn Alfred Sant, ħoloq paniku kbir fil-PN. Kien ovvju li l-MLP ilu jħejji għal din il-bomba. Iżda l-ikbar impatt mhuwiex tant li l-Gvern erba’ snin ilu seta’ iddiskuta l-possibbiltà li jdaħħal xi forma ta’ ħlas fuq is-servizz tas-saħħa għax sa llum l-isptarijiet għadhom b’xejn u Gonzi jemmen bis-sħiħ li s-saħħa għandha tibqa’ b’xejn.
Imma l-ikbar impatt hu fuq il-kredibbiltà ta’ Lawrence Gonzi. F’dawn l-aħħar tliet ġimgħat il-ġurnalisti ta’ One News nasbu lil Gonzi. Staqsewh għal darba darbtejn jekk qattx iddiskuta jew ikkunsidrax li jdaħħal ħlas għal servizzi tas-saħħa u kull darba Gonzi ċaħad kategorikament. Id-dokument jikxef li dan ma kienx minnu u għalhekk jitfa’ dawl ikrah fuq il-Prim Ministru.
Hu evidenti li lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali l-MLP se jkun qed jagħmel minn kollox biex inaqqar il-kredibbiltà ta’ Gonzi u saħansitra jiżra’ dubju dwar il-ġenwinità ta’ dak li jgħid il-Prim Ministru.
Din kienet bomba li ħadd ma kien qed jara u m’hemmx dubju li ħalliet togħma qarsa f’ħalq il-PN.
2. Permess illegali
Vittma PN
Ir-rapport ta’ l-Awditur tal-MEPA Joe Falzon, li kien ippubblikat din il-ġimgħa, dwar kif inħareġ il-permess lil Charles Polidano biex jibni supermarket bejn Ħal Safi u Ħal Kirkop barra ż-żona ta’ l-iżvilupp ħoloq terremot ieħor li mbarazza lill-Gvern.
Skond Falzon il-permess inħareġ b’mod illegali għax il-MEPA kisret il-politika ta’ l-ippjanar li fasslet hi stess. Dan ir-rapport wassal għar-riżenja tal-membri tal-bord tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp (DCC) fi ħdan il-MEPA.
Din il-bomba mbarazzat lill-Gvern għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett tefgħet f’dawl xejn sabiħ il-kredenzjali ambjentali tal-Gvern, anki jekk Gonzi sostna li bħala parti mir-riforma li jrid jikkontempla se jieħu inkonsiderazzjoni s-suġġerimenti li għamel l-awditur. It-tieni, din il-bomba poġġiet lill-Ministru għall-Ambjent George Pullicino f’pożizzjoni antipatka għax f’intervista mal-MaltaToday Pullicino kien iddefenda dan l-iżvilupp.
L-Alternattiva Demokratika li kienet ikkritikat dan il-proġett u saħansitra ressqet ilment dwaru quddiem l-awditur tal-MEPA, rikbet fuq id-deċiżjoni ta’ Falzon. Din il-bomba tista’ titqies bħala bonus għall-AD f’dan il-mument kritiku tal-kampanja elettorali.
3. Disco fil-Mistra
Vittma PN
Din kienet il-bomba li l-Partit Laburista ilu ġimgħa sħiħa jlesti għaliha u li faqqgħet ilbieraħ. L-approvazzjoni fl-ewwel stadju ta’ permess mill-MEPA għal diskoteka kbira fil-miftuħ fil-Mistra fuq art tal-Membru Parlamentari Jeffrey Pullicino Orlando ittappan il-kredenzjali ambjentali tal-PN.
Il-permess inħareġ f’Novembru li għadda minkejja li r-rakkomandazzjoni kienet biex dan ma joħroġx għax iż-żona hi ta’ valur ekoloġiku kbir. Fl-istess sit xi snin ilu kienet saret applikazzjoni biex jinbena ġibjun u saħansitra l-permess ma ħariġx minħabba s-sensittività taż-żona. Madankollu, f’Novembru li għadda l-Bord tal-MEPA iddeċieda li joħroġ l-ewwel fażi tal-permess.
Din il-bomba, anki jekk il-permess m’applikax għalih Pullicino Orlando għax l-art mikrija għand ħaddieħor, splodiet f’wiċċ il-PN f’kampanja elettorali fejn qed jiftaħar bil-kbir dwar il-kredenzjali ambjentali tiegħu.
Għal darb’oħra l-media tal-MLP lagħbet parti importanti billi fil-ġranet ta’ qabel nefħet kemm setgħet il-kredenzjali ambjentali ta’ Pullicino Orlando biex ilbieraħ Sant ħareġ labra u faqa’ l-bużżieqa.
4. Klassi repeaters
Vittma MLP
Il-bomba f’dan il-każ intefgħet mill-Partit Nazzjonalista u ħolqot paniku fost il-ġenituri ta’ tfal żgħar. Kien kmieni fil-kampanja elettorali li l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ħareġ qatta bla ħabel kontra l-proposta tar-reception class tal-Partit Laburista u iddeskriviha bħala klassi tar-repeaters.
B’dan il-kliem Louis Galea rnexxielu jikkundizzjona d-diskors tan-nies u tal-MLP. Din il-proposta spiċċat imbiċċra u l-Partit Laburista ma kellux risposta konvinċenti. L-istrateġija tal-PN ħadmet tant li esponenti tal-MLP kienu kostretti f’iktar minn okkażjoni waħda jippruvaw ilaħħmu l-proposta b’mod spirtu pront.
L-attakk kontinwu tal-PN fuq ir-reception class kixef id-dgħjufija tal-MLP fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Il-kelliem Laburista Carmelo Abela ma rnexxilux iwassal b’mod pro-attiv il-viżjoni tal-MLP għall-edukazzjoni u spiċċa jikkonċentra biss fuq il-qasam ta’ l-edukazzjoni bikrija meta hemm problemi serji oħra fit-transizzjoni bejn il-primarja u s-sekondarja.
Din il-bomba ħolqot dubji f’moħħ in-nies dwar kemm hu mħejji tajjeb l-MLP fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.
5. Sahra siegħa b’siegħa
Vittma MLP
L-intervista li ta Charles Mangion lill-Economic Update f’Diċembru li għadda fejn kien ikkwotat li qal li l-proposta Laburista dwar is-sahra bla taxxa tista’ tfisser li s-sahra tibda titħallas bis-siegħa siegħa ta l-munizzjon lill-PN biex jimmonta kampanja qalila fuq din il-wegħda elettorali li qajmet interess kbir fost in-nies.
Minkejja li l-kumment ta’ Mangion fil-magazine kien żbaljat u għal iktar minn darba sostna li l-proposta Laburista mhu se jkollha l-ebda impatt fuq ir-rata tal-ħlas tas-sahra, in-Nazzjonalisti kienu pronti fl-istrateġija tagħhom biex jattakkaw il-wegħda ta’ l-MLP.
Il-bomba feriet lill-MLP għax ħafna nies anki Laburisti ferventi tnisslilhom id-dubju dwar l-intenzjoni vera tal-Partit Laburista. Is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha meta l-media tal-PN esponiet li l-ħaddiema ta’ One Productions jitħallsu tas-sahra bis-siegħa siegħa.
Ir-reazzjoni ta’ l-MLP, megħjuna mill-GWU, waslet kemmxejn tard. Il-Partit Laburista sostna li kien il-Gvern Nazzjonalista waqt id-diskussjonijiet dwar il-Patt Soċjali fl-2004 li kien aċċetta rakkomandazzjoni biex numru stabbiliti ta’ sigħat tas-sahra jitħallsu bis-siegħa siegħa. Id-difiża m’għamilhiex il-Gvern imma l-għaqdiet ta’ min iħaddem li qalu li dik kienet proposta li ġiet mingħandhom u mhux mill-Gvern.
F’dan it-taħwid kollu l-ħaddiem baqa’ ma fehem xejn u għalhekk il-bomba tas-sahra l-iktar li laqtet ħażin kien lill-MLP.
6. Jiftaħ il-pakkett
Vittma MLP
Alfred Sant waqqa’ l-ġebla fuq saqajh meta fl-intervista li ta lil Reno Bugeja fil-programm Dissett fuq TVM qal li lest jiftaħ il-pakkett ma’ l-Unjoni Ewropea fejn tidħol it-tarzna.
Anki jekk it-Trattat ta’ Sħubija għandu klawsola li tippermetti lill-Gvern jiftaħ diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea f’każ li jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jitolbu t-tkomplija tas-sussidji lit-tarzna, il-kliem li uża Sant kien żbaljat u reġa’ qanqal id-dubji dwar kemm l-MLP hu komdu bl-Ewropa.
Kien Sant li poġġa l-Ewropa fuq l-aġenda u hekk reġa’ fetaħ il-pjaga għall-MLP. Bħalma kien mistenni l-PN qabeż fuq dan il-kliem u użah biex irewwaħ id-dubji f’moħħ in-nies dwar il-futur ta’ Malta fl-UE jekk jitla’ Gvern Laburista. Il-bomba splodiet u l-MLP kellu jaħli l-enerġija jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu meta dan l-inkwiet ma kellux bżonnu.
Forsi dan jispjega wkoll għalfejn il-Membru Parlamentari Ewropew Joseph Muscat daħal jilgħab rwol iktar attiv fil-kampanja elettorali ta’ l-MLP anki bil-parteċipazzjoni tiegħu f’dibattiti organizzati bħala parti mill-iskeda ta’ l-Awtorità tax-Xandir. Muscat hu l-wiċċ Ewropew ta’ l-MLP u għalhekk kien meħtieġ biex iserraħ ras in-nies li post Malta se jibqa’ fl-UE jekk ikun hemm Gvern Laburista.
7. Ir-resits tas-SEC
Vittma PN
Din il-bomba ntefgħet mill-Partit Laburista bl-għan li tirribatti l-attakk tal-PN fuq ir-reception class. L-MLP u l-media tiegħu qabżu fuq rapport li kien sar għall-Ministru ta’ l-Edukazzjoni iktar minn sentejn ilu u li fih kien hemm is-suġġeriment biex ir-resits ta’ l-eżamijiet tas-SEC jibdew isiru f’Novembru jew Diċembru bil-konsegwenza li min jagħmel ir-resit jispiċċa jitlef sena.
L-argument ħoloq ħafna ansjetà fost l-istudenti li se jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC tant li kienu ħafna dawk li talbu lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jċċara l-kwistjoni.
Louis Galea ċaħad li kien hemm xi pjan biex ir-resits jiċċaqalqu u saħansitra insista li fuq is-sit ta’ l-internet tal-MATSEC kien hemm id-dati ta’ meta se jsiru r-resits f’Settembru.
Hu tenna li l-Gvern qatt ma laqa’ r-rakkomandazzjoni li kienu għamlu l-esperti fir-rapport tagħhom.
Din il-bomba rnexxielha tħawwad lin-nies dwar il-pjanijiet tal-Gvern iżda ma ħallietx impatt politiku fit-tul ħlief li n-nies baqgħu jistaqsu min qed jgħid il-verità.
8. Midjun mal-Gvern
Vittma AN
Il-partiti ż-żgħar ma ħelsuhiex mill-bombi. Azzjoni Nazzjonali kellha tilqa’ għall-isplużjoni li d-deputat mexxej tagħha Anglu Xuereb hu midjun mal-Malta Enterprise fuq il-lukanda Verdala fir-Rabat.
Fl-1997 il-lukanda Verdala ngħatat lil Xuereb biex jiżviluppaha f’lukanda moderna. Filwaqt li fis-sit maġenb il-lukanda Xuereb bena appartamenti lussużi, il-lukanda baqgħet magħluqa. Xuereb żamm lura milli jħallas lill-Malta Enterprise s-somma ta’ €3.5 miljun għax skond hu l-MEPA baqgħet ma ħarġitlux il-permess biex jibni l-lukanda ġdida. Din il-ġimgħa Xuereb insista li ma kienx se jħallas sold lura kemm-il darba l-MEPA ma toħroġlux permess. Hu allega li l-Gvern preżenti għamillu l-bsaten fir-roti.
Li jistona f’dan kollu hu l-fatt li Xuereb qed jikkontesta ma’ partit politiku li qed jisħaq li ħadd m’għandu jkun ’il fuq mil-liġi. L-aġir ta’ Xuereb jibgħat messaġġ bil-kontra u allura jtappan il-kredibbiltà tiegħu.
Anki jekk dwar din il-kwistjoni hemm kawża quddiem il-qorti li għad trid tinqata’, il-konsegwenzi politiċi jmorru lil hinn minn jekk kienx hemm ksur tal-liġi jew le.
Fil-qasam politiku l-perċezzjoni hi importanti ħafna. Din il-bomba laqtet lil AN għax ħolqot il-perċezzjoni li l-esponenti ewlenin ta’ dan il-partit ġdid mhux bilfors huma ‘nodfa’ daqs kemm jgħidu li huma. 9. Junior Lyceums
Vittma MLP
Reazzjoni oħra mill-Partit Laburista biex tirribbatti l-attakk tal-PN fuq ir-reception class kienet id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant waqt mass meeting li l-pjan tal-Gvern kien li jagħlaq il-Junior Lyceums kollha.
Dan ma kienx xi pjan sigriet għax it-twaqqif tal-kulleġġi mill-bidunett kien intiż biex titwarrab darba għal dejjem id-distinzjoni kattiva li kienet issir fil-qasam ta’ l-edukazzjoni sekondarja bejn l-istudenti li jmorru l-Junior Lyceums u l-oħrajn li jattendu l-area secondaries. It-tweġiba immedjata tal-Gvern kienet li jrid l-iskejjel kollha sekondarji jilħqu l-istess livell tal-Junior Lyceums.
Il-bomba li waddab Sant qanqlet l-inkwiet fil-ġenituri mhux tant għax ħassewhom ingannati mill-PN imma għax ma jafux jekk Gvern Laburista ġdid hux se jerġa’ jdaħħal is-sistema ta’ area secondaries u Junior Lyceums minflok dik tal-kulleġġi.
Il-bomba tal-Junior Lyceums splodiet f’idejn Sant għax qanqlet dubju fil-politika edukattiva ta’ l-MLP. Apparti hekk il-kritika Laburista ma tinftiehemx fil-qafas ideoloġiku ta’ partit progressiv li jemmen fl-edukazzjoni inklussiva. Qisu l-MLP ried jiddistanza ruħu mill-politika ta’ l-MLP tas-Sebgħinijiet li ħarbtet l-edukazzjoni għax twettqet bl-addoċċ. Bħall-bqija tal-pajjiż jidher li l-MLP hu ostaġġ tal-bidla li ddaħħlet b’mod dilettantesk fis-Sebgħinijiet u li sa llum twaqqafna milli nkunu iktar kuraġġużi fir-riformi li hemm bżonn isiru fl-edukazzjoni.
10. Renè Rossignaud
Vittma AD
Dan l-isem jirrappreżenta l-bomba li splodiet fid-dar ta’ l-Alternattiva Demokratika fil-bidu tal-kampanja elettorali. Rossignaud kien kunsillier ta’ l-AD fis-Swieqi qabel ma tefa’ r-riżenja tiegħu mill-partit fl-istess ġurnata li kienu qed jintefgħu n-nomini għall-elezzjoni ġenerali.
Fl-ittra tar-riżenja li Rossignaud bagħat lill-media sostna li ma qabilx ma’ l-istrateġija ta’ l-AD li tattakka lill-Partit Nazzjonalista akkost ta’ kollox bil-konsegwenza li l-MLP seta’ jirbaħ l-elezzjoni u hekk jhedded l-isħubija ta’ Malta fl-UE.
Ir-raġuni li ġab Rossignaud ma tinftiehemx għax l-għan ta’ kull partit politiku hu li jirbaħ il-voti minn partiti oħra. Madankollu n-Nazzjonalisti ma ħlewx wisq żmien biex jaqbżu fuq il-karru u jużaw lil Rossignaud ħalli jbeżżgħu lil min fi ħdanhom kien qed jaħsibha jivvutax l-AD. Il-fatt li Rossignaud hu mis-Swieqi, waħda mill-iktar lokalitajiet fejn l-AD tgawdi appoġġ tajjeb ħafna, kompla tefa’ iktar melħ fil-ferita tal-Ħodor.
Din il-bomba ħalliet impatt negattiv fuq l-AD fit-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali fl-istess żmien li fil-gazzetti bl-Ingliż bdew jispuntaw numru ta’ artikli minn opinjonisti viċin il-PN jitkellmu kontra l-idea ta’ koalizzjoni li qed timbotta lill-AD.
Madankollu, l-effett Rossignaud seta’ b’xi mod kien newtralizzat minn Carmel Cacopardo, eks-Nazzjonalist li issa hu kandidat ma’ l-AD.
11. Michael Woods
Vittma MLP
Il-bomba Michael Woods splodiet ġimgħa qabel ma bdiet il-kampanja elettorali u għal darb’oħra kienet balla li waqqa’ fuq saqajh il-Partit Laburista stess.
Il-preżenza ta’ Woods fil-konferenza ġenerali ta’ l-MLP stunat bil-kbir għax waħda mir-raġunijiet għalfejn Woods kisirha minn mal-PN kien il-fatt li ħuh kien investigat mill-pulizija fuq akkużi ta’ korruzzjoni. Għalkemm Michael Woods m’għandu l-ebda sħaba ta’ korruzzjoni mdendla fuqu u hu jsostni li ilu li kisirha minn mal-PN minn qabel ma seħħ il-każ ta’ ħuh, it-tiċpisa ta’ ħuh mal-korruzzjoni żgarrat mal-politika ta’ tolleranza żero li jtenni Alfred Sant.
Il-bomba Woods ħolqot skumdità kbira fil-Partit Laburista għax il-ħoss ta’ l-isplużjoni baqa’ jinstema’ għal numru ta’ ġimgħat.
Kif kien mistenni l-Partit Nazzjonalista rikeb fuq dan il-fattur. Konxju mill-perċezzjoni ġenerali li l-Gvern tiegħu ma kienx kapaċi jiġġieled il-korruzzjoni b’mod qawwi, f’diversi diskorsi, Lawrence Gonzi irrefera għall-każ Woods biex jiskredita l-politika ta’ tolleranza żero ta’ l-MLP. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|