Aħbarijiet | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Joe Cassar Pawlu Boffa, Ġużeppi Agius, Ġużè d’Amato. Tlieta minn nies, kull wieħed fil-qasam tiegħu wettaq ġid mal-poplu. Għall-ewwel issemma ġnien, għat-tieni ssemmiet skola, għat-tielet issemiet triq u skola. Iħarsu lejn xulxin f’Raħal Gdid, imxebbgħa minn bini ġdid fejn jaħdem il-kunsill lokali. Tfal jilagħbu, jitilgħu fuq bandli sakemm tiftaħ l-iskola.
Jinfetaħ bieb quddiemi waqt li f’kinsa tal-ħarifa ir-riħ iġorr il-weraq mitluqa minn siġra li tathom il-ħajja. Agatha Barbara, Ministru ta’ l-Edukazzjoni tiftaħ il-ġnien. Bramu tal-private jwassalni flimkien ma’ tfal oħra mil-Liċeo tal-Ħamrun. Tfajla tistennieni għal xejn għax karozza nqalbet darba Sibt il-Karnival. Mill-Andar tat-Terraxija Paoluccio Cassar iħares fuq Marzu bl-ilma xebgħan italla’ ġbira, gozz ikbar ikun tat-tgħam. Mhux tat-tajn.
Is-Sibt 12 ta’ Diċembru 1981. Binti Maria għalqet sitt snin imma llum ma nistax noqgħod nifraħ magħha. Qiegħda ma’ ħuha Stephen u marti għand ħbieb għax hekk jitlob iż-żmien.
Jien qomt kmieni ħafna. Inżilt minn Triq Ġużè d’Amato u sibt ruħi qrib il-ġnien Pawlu Boffa. L-iskola illum imsemmija għal Ġużeppi Agius hi post tal-vot. Nies fil-kjù ġemgħat oħra taħt u qrib is-siġar. Kont se ninsa mara bilqiegħda wara mejda b’koċċ karti quddiemha. Fl-art karti b’uċuh ta’ kandidati u magħhom qxur tal-karawett li l-wild tagħhom mar f’żaqq in-nies. Nies oħra dieħla, issib kamra fl-iskola u tgħaddi l-ħaqq fuq partit u kandidati.
Xi wħud joħorġu jitilqu lejn darhom. Oħrajn jiċċaċċraw u jingħaqdu ma’ oħrajn. Jgħollu leħinhom, iwaddbu kliem iebes lejn min sejjer għall-iskola. Huma vvutaw bil-kwiet imma jixtiequ li ħaddieħor ma jagħmilx hekk. Nies oħra fil-bieb ta’ darhom jitbissmu lejn xi wħud, jitqarrsu lejn oħrajn. Hemm ġemgħa ta’ nies imdaqqsa li qed tiġbor nies oħra.
Jien mort immexxi post ieħor waqt li sieħbi ġie floki. Għarraftu b’kollox.
Ix-Xintill, illum skola Maria Goretti. In-nies iddur dawra biex ma tersaqx minn naħa ta’ wara l-knisja ta’ Ħal Tarxien. Ġew fl-idejn tlieta minn nies ta’ żewġ kandidati ta’ partit mhux tiegħi. Mort inferraqhom. Irnexxieli. Żmien wara ġrat oħra fil-parlament imma fallejt.
Għadni x-Xintill. Naħa ġieha f’rasha li tqassam il-kafè f’tazzi tal-plastik. In-naħa l-oħra bdiet tqassam is-sandwiches. Hu hekk John Montagu, ir-raba’ Konti ta’ Sandwich, reġa’ ddaħħal fil-politika u fil-logħob, din id-darba ħbieb ma’ kulħadd.
F’daqqa tfaċċa kandidat imdejjaq. Kien qed jibki u jgħajjat: “Din id-darba mhux se nitla’!” Konna ħbieb. Mort fuqu bi tbissima u għidtlu, “Trid tiċċajta, titla’ dejjem ma’ l-ewwel għadd. Jien irrid nara x’se jiġri minni.”
Ħadna b’idejn xulxin. F’dik l-elezzjoni tlajna t-tnejn. Hu fuq in-naħa tal-Gvern, Ministru. Jien Deputat fl-Oppożizzjoni. Sa llum għadni nsemmilu dik il-bikja.
Mort fuq postijiet oħra. Kull kandidat ikollu mill-partit il-ħin meta jmur f’post u meta jitlaq biex imur post ieħor. Qabel il-votazzjoni nies minn kull partit jaraw il-kaxxi tal-vot jinfetħu biex żgur ma jkun hemm xejn ġo fihom. Fil-lejl, żmien wara mqaddes bħala il-‘Jum tar-Riflessjoni’, il-partiti jaraw dawn l-imberkin kaxex jiddaħħlu. Illum din saret ħidma bla ħtieġa. Bħalha, li meta jitqassmu id-dokumenti tal-vot, kull pulizija jkollu rappreżentanti tal-partiti miegħu.
Dħalt fil-binja fejn nies tal-partit qegħdin jieħdu ħsieb id-Distrett. Nagħmel kuraġġ lin-nies. Minn hawn u postijiet oħra jsir iċ-ċempil lin-nies li jkunu għadhom ma vvutawx. Ħidma oħra li ddarras lil ħafna. Il-ħabib ta’ wara t-tieqa li semmejt darb’oħra żgur se jitlef is-sabar. “Int ħija l-kbir!”
Kont se nerġa’ ninsa lil dik il-mara bilqiegħda wara mejda qadima. Tgħarrex lejn kulmin sejjer għall-vot u timmarka fuq reġistru elettorali.
Tassew jum il-ħaqq. X’jagħmel il-votant f’kamra ċkejkna ħadd ma jaf. Darba kont Palermo fejn kienu qed isiru l-elezzjonijiet. Kollox kwiet. In-nies toħroġ mal-familja u għall-ħabta tal-5pm tmur tivvota fi skola. Kulħadd jitgħannaq, kulħadd jitbissem. Lil siehbi Malti bħali għidtlu: “billi dak mar jgħannaq lill-iehor, fejn jaf ivvutalux”?
Min imexxi partit fuq post ta’ votazzjoni jrid iżomm kalma kbira msejsa fuq rieda tajba. Meta x-xemx tal-għodwa tibda tiela’ tajjeb li wieħed jieħu b’idejn l-ieħor. Meta tinqala’ xi kwistjoni ir-rappreżentanti ta’ partit għandhom jiftiehmu mar-rappreżentanti l-oħra.
Dak is-Sibt mort fuq il-post tal-votazzjoni fl-iskola Ta’ Kordin. Sandwich naf min kien, Korradin ma nafx. Jista’ jkun l-aħħar Svev. Wara l-Gudja. Aktar tard Ħal Għaxaq. Filgħaxija reġa’ missni fejn l-iskola Ġużeppi Agius. Għalaq il-ħin tal-votazzjoni. Se jidħlu rappreżentanti tal-partiti ħa jaraw jekk l-għadd tal-voti fil-kaxex jaqbilx ma’ dak immarkat fir-reġistru elettorali tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Malli jintlaħaq qbil il-kaxex jiġu ssiġillati.
Il-ġgajta ta’ filgħodu żiedet in-nies, rasset fuq dawk deħlin u għalqitilhom it-triq għal ġo l-iskola. Intilef l-ordni. Kelli miegħi biss ftit żgħażagħ. Il-pulizija baqgħet fejn kienet. Tlabt l-għajnuna. Almenu tnejn minn nies irnexxilhom jidħlu min-naħa l-oħra ta’ l-iskola f’Santa Monika fejn jivvutaw nies minn Ħal Tarxien.
Fl-aħħar il-ħaqq tal-poplu magħluq f’kaxex telaq lejn Ħal Far, Abu Far jew il-belt Faro, jgħaddi l-ħaqq Godfrey Wettinger. Intbaħt li kelli żewġ żgħażagħ nieqsa. Fuq il-post ma kinux. Mort kif kien miftiehem ma’ dawk li baqa’ fid-dar ta’ Jimmy Farrugia. Ċempilna ’l hawn u ’l hinn. Żagħżugħ kien spiċċa l-isptar. Ieħor kien ġarrab ġerħa, kien f’dar ta’ ħabibu f’raħal ieħor.
Jien, Jimmy Farrugia u Stanley Zammit irħejnilha lejn Ħal Far.
Beda jisbaħ, 13 ta’ Diċembru 1981. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|