MediaToday

Sports | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

Ħeffa tal-moħħ, xewqa li tirbaħ u qalb kbira

Għall-ewwel darba fil-karriera ġurnalistika tiegħi ltqajt ma’ persuna li għandu x’jaqsam u hu midħla sew ta’ l-isport tal-boxing. Qatt qabel ma kont tkellimt ma’ boxer u rrid nistqarr li taqta’ xi ġlieda l’hemm u l’hawn ta’ Mike Tyson u Evander Holyfield qatt ma segwejt dan l-isport. Minn dejjem kont xettiku jekk din l-arti għandhiex verament titpoġġa taħt il-kappa tal-kelma sport.
Mhux l-istess jaħsibha Scott Dixon, eks boxer professjonali Skoċċiż ta’ fama kbira fir-Renju Unit. L-Iskoċċiż rebaħ ħafna fis-snin li għamel kompetittiv: l-iScottish Welterweight Champion, il-Commenwealth Welterweight Champion, il-WBB World Welter Weight Champion, il-WBA Light Middle Weight Champion u l-WBU Light Middle Weight Champion. Dawn huma l-aktar li spikkaw f’ħajtu.
Iltqajt miegħu nhar it-Tnejn li għadda fiċ-Challenger Gym, Ħal Qormi. Lil Scott insibu jistennieni fil-kafetterija. Il-gym hu post li jiġbdek. Fih ninnota nies ta’ kull età jagħmlu l-eżerċizzji tagħhom. Scott idawwarni ftit lejn in-naħat t’isfel sakemm jistedinni fuq fis-sala fejn hu jħarreġ il-boxers Maltin.
Inpoġġu bil-qiegħda u nitolbu biss biex ma jgħawweġ il-lingwa u d-djalett ikun wieħed ċar. L-istess esperjenza ta’ diffikultà biex nifhem kelli ftit tal-ġimgħat ilu maċ-Champion tad-Dinja ta’ l-isnuker, John Higgins.
Scott jispjegali l-karattru tiegħu u xi jfisser għalih il-boxing.
“Bniedem inkompli ma’ kulħadd u ġej minn familja tajba. Persuna li miegħi tkun taf fejn qiegħed u m’għandekx ċans li nurik wiċċ b’ieħor. F’ħajti dejjem kelli l-prinċipji li beħsiebni nibqa’ ngħożż għal dejjem.
“L-isport għalija hu dak li n-nies ta’ karattru jħobbu jagħmlu. Jien bdejt fil-boxing grazzi għan-nannu tiegħi Toby Dixon. Kien boxer fir-Renju Unit. Jien ta’ tifel żgħir kont dejjem insegwih sakemm kien wasal il-mument tiegħi li nibda nipprattika u nikkompeti jien ukoll.”
Fil-preżent, Scott hu l-Maltese Middleweight Champions u l-IPA International Super Middle Weight Champion. Hu l-iżgħar boxer li qatt qaleb professjonali fl-Ingilterra u għamel dan meta kellu 17-il sena biss. Hu ġġieled f’disa’ katergoriji differenti u kien involut fil-ġlieda tas-sena fl-1999 kontra Derek Roche.
“Għalija l-boxing hu parti mix-xjenza. Fih ħafna ħsibijiet u esperimenti biex wieħed jilħaq l-ogħla livelli. Żgur li mhux xi sport barbaru. Anzi jien insejjaħlu bħala arti nobbli. In-nies jgħidu li hu sport selvaġġ għax ma jkunux jifhmu. Jien għalija hu l-isport numru wieħed.
“Jien għandi żewġt itfal Maltin. Ġejt hawnhekk meta rtirajt mill-boxing professjonali erba’ snin ilu. Ġejt nara t-tifla u l-ħbieb tiegħi u bqajt hawn. Lil Malta nħobbha għax pajjiż mill-isbaħ.”
Nitkellem ma’ Scott dwar il-boxing f’pajjiżna. Hu fatt li dan l-isport ma tantx igawdi popolarità f’din il-gżira u Scott konxju ta’ dan kollu.
“Ma naħsibx li f’Malta il-boxing hu daqshekk popolari imma jien qed naħdem biex inpoġġu lill-boxing Malti fuq il-mappa internazzjonali. In-nies għandhom ħafna aktar sport li ilu snin jiġi ipprattikat f’dan il-pajjiż u forsi li għalhekk ma tantx hawn min isegwi dan l-isport. Iżda jien naf sew id-demm Malti u naf x’qalb għandhom il-Maltin u kemm huma dejjem ħerqana biex jitgħallmu aktar. Ċert li f’Malta jista’ jogħla ħafna aktar il-livell li jkun biżżejjed biex tikkompeti fix-xena internazzjonali.
“Il-problema hi li f’Malta qatt ma kien hawn min jgħallem il-boxing. Jien qed nipprova nagħmel dan għax f’ħajti għext u tħarriġt ma’ l-aqwa boxers fir-Renju Unit u għalhekk ħadt ċerta esperjenza li nista’ ngħaddiha lil ħaddieħor. Nemmen li jien għandi l-kredenzjali u l-ħolma tiegħi hi li fl-2012 nieħu tim ta’ boxers Maltin għall-Olimpjadi.”
Scott Dixon twieled fit-28 ta’ Settembru 1976 fi Glasgow, l-Iskozja. Joqgħod San Ġiljan u missier ta’ Sydney ta’ 5 snin u Toby ta’ sena u nofs li hu diġà qed ibassar li jsir Champion tad-Dinja tal-boxing.
Scott kien stuntman ta’ Brad Pitt fil-film “Snatch” fis-sena 2000. Ħadem ma’ attur bħal Matthew Marsden fil-films Rambo, Blackhawk, Dawn u Anaconda u wkoll ma’ Michael Caine fil-film Shiner ta’ l-1999. Ħa sehem ukoll fil-film Gangster.
“Irridu li jkollna assoċjazzjoni ta’ amateur boxers li tkun waħda tajba, ta’ livell li jixraq lill-pajjiż. Aħna qed nimmiraw li sa ħamsa jew għaxar snin oħra Malta jkollha boxers ta’ livell tajjeb li bihom tkun tista’ tikkompeti fuq ix-xena internazzjonali.
“Billy Carito qaleb professjonali u qed jagħmel progress enormi. Naħseb li jekk nibqgħu mexjin fuq dan il-pass pożittiv jista’ jkollna l-ewwel Champion Malti ta’ xi kategorija żgħira. Malta hawn potenzjal kbir ta’ boxers.
“Carito impressjonani. Beda jitħarreġ miegħi 8 xhur ilu u għamel titjib kbir minn kif kien. Għalkemm hi xi ħaġa kważi impossibbli, kuljum joħlom li jkun Champion tad-Dinja u għandu l-mentalità ġusta biex ikun boxer rebbieħ. Steve Aquilina hu wieħed mit-tajbin ukoll.
“Fuq bażi bħala kuntatti li għandna ma’ federazzjonijiet barranin, Joe Cassar għadu kif ingħaqad mal-World Boxing Committee u għadna kif waqqafna l-Bord tal-Kontroll tal-boxing f’Malta. Dan jikkontrolla s-sigurtà tal-logħba tal-boxing u jkun irid jara fejn isiru l-kompetizzjonijiet lokalment.”
Ngħamillu l-mistoqsija li kulmin mhux daqshekk midħla ma’ dan l-isport jistaqsi: Imma l-boxing mhux sport perikoluż iż-żejjed?
“Boxing hu sport ta’ dixxiplina. M’għandu xejn x’jaqsam ma’ vjolenza. Hi l-arti nobbli. Kollox hu perikoluż fil-ħajja. Li taqsam it-triq ukoll perikoluż għax tista’ ttajrek karozza. Hu wieħed mill-aktar sports rikonoxxuti fid-dinja. L-aspett tas-sigurtà f’dan l-isport hu fost l-aqwa li wieħed jista’ jsib.”
Scott isemmili lista sħiħa ta’ boxers kbar li ddominaw ix-xena mondjali f’dawn l-aħħar snin. Jemmen li l-iktar tnejn li għamlu ħoss kienu Mohammed Ali u Mike Tyson. Ma stennejtx li se jirrispondini għad-domanda antipatika: Imma minnhom it-tnejn min kien l-aħjar? Ma tantx dam jaħsibha biex irrisponda b’konvinzjoni.
“Assolutament Mohammed Ali hu l-aqwa boxer li qatt eżista. Hafna aħjar minn Mike Tyson. Imma mbagħad wieħed jagħmel dan il-ġudizzju ta’ skond x’tip ta’ boxing iħobb. Jekk wieħed iħares lejn is-saħħa, Mike Tyson hu blata sħiħa. Imma jekk Mike Tyson fl-aqwa tiegħu jiffaċċa lil Mohammed Ali fl-aqwa tiegħu jsib il-problemi żgur għax għalih ikun diffiċli wisq biex jolqtu. Kieku t-tnejn kellhom jiġġieldu fl-aqwa kundizzjoni tagħhom żgur li jirbaħ Ali. Il-problema ta’ Ali kienet li jekk tolqtu se jinżel żgur imma l-problema ta’ min jiffaċċah kienet, ‘Kif se jirnexxili nolqtu?’
“Il-ħeffa tal-moħħ, ix-xewqa biex tirbaħ u l-qalb kbira huma dawk li jagħmlu boxer kbir. Trid tkun intelliġenti u taħseb malajr. Disgħin fil-mija tal-boxing hu l-moħħ u l-għaxra fil-mija l-oħra jiddependu mis-saħħa. Jien kont qlibt professjonali ta’ 17-il sena u rbaħt ħafna għax kont intelliġenti aktar milli b’saħħti. Jien irbaħt 43 unur professjonali.”
Scott Dixon irringrazzja lil ħafna nies imma jitfa’ lil nannuh Toby Dixon bħala l-persuna li bis-saħħa tiegħu bena l-karriera ta’ boxer.
“Nixtieq ngħid grazzi
lin-nannu li tellagħni boxer u hu bis-saħħa tiegħu li llum wasalt s’hawn. Toby kien leġġenda li mhu se jintesa qatt fir Renju Unit. Illum għandu 78 sena u għadu b’saħħtu ħafna.
“Nixtieq nappella lil kulmin hu interessat fil-boxing biex jiġi f’dan il-gym u jibda jitħarreġ. Hawn il-kumdità kollha għal kulħadd u qisna familja waħda. F’dan il-gym hawn atmosfera mill-aqwa!”

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan