Pjazzetta | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Anno Domini XXXIII, li ħareġ għall-wiri fiċ-ċinemas kważi tliet ġimgħat ilu, hu t-tielet film Malti li ħareġ f’inqas minn sena. Bħalissa jinsab fil-ħames post tal-klassifika Maltija ta’ l-ewwel 10 films.
Iżda kemm kien żmien tajjeb li dan il-film marbut mal-Passjoni ta’ Ġesù jintwera fis-sena ta’ l-Elezzjoni, fejn qajla jinħass l-ispirtu tar-Randan?
“Infatti dik l-ewwel ħaġa li ħsibt għax hawn Malta l-pajjiż jieqaf minħabba l-Elezzjoni,” qal Paul Bonello, id-Direttur ta’ Irtokki Productions li dderieġa l-atturi waqt matul il-ġbid tal-film.
Din hi l-ewwel esperjenza ċinematografika għal Bonello għalkemm għandu lista ta’ produzzjonijiet televiżivi u teatrali, fosthom Il-Madonna taċ-Ċoqqa u It-Tfal jiġu bil-Vapuri. Hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala wieħed minn dawk li għandu passjoni kbira għad-drammi sagri u li kull sena jtella’ dramm tal-passjoni fit-teatru.
“Minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nagħmel film. Fl-aħħar ġiet fir-realtà,” żied Bonello.
Nistaqsih kienx il-film Passion of the Christ ta’ Mel Gibson u s-suċċess li kellu hawn Malta li ħajru jagħmel il-film tiegħu. Iżda t-tweġiba kienet li x-xewqa tiegħu kienet ilha tberren minn ħafna qabel. Nitħaddtu wkoll dwar l-atturi ewlenin li għal uħud minnhom din ma kinitx l-ewwel esperjenza li jieħdu sehem f’xogħol sagru.
“Għal Ġesù m’għamilniex provi. Rennie Schembri ilu jaħdem ta’ Ġesù fid-drammi miegħi fit-teatru għal dawn l-aħħar tliet snin. Imbagħad għidtlu għall-film u ħadni biċ-ċajt. Ħafna min-nies nafhom. Kont narahom fit-teatru matul is-snin. Pereżempju, kont naf li Qajfas irrid nagħtih lil Żepp Camilleri. Kollha aċċettaw mill-ewwel.
“Qabel kull xena l-atturi kienu jiġu għandi. Anki lil Rennie, għad-demo ħallejtu jaħdem kif ried imbagħad għidtlu biex ibiddel xi affarijiet,” kompla jgħid id-Direttur.
Jirrakkuntali dwar l-iktar xeni diffiċli li kellhom jiġbdu matul id-disa’ xhur li damu għaddejjin.
“Ix-xena tat-Tisliba u s-Sinedrijù kissruni mentalment. Fix-xena ta’ l-Ort rajnieh jisbaħ. Trid ħafna paċenzja u anki maltemp kien hemm.
“Is-Sinedrijù hi x-xena meta Ġesù jidher quddiem il-qassisin il-kbar. Kienu qegħdin jieħdu sehem 21 attur u kienet xena twila. Kien fiha xi tliet paġni parlant. Issa din kellha tmien minuti b’kollox fil-film. Kellna ħafna iljieli barra biex ġbidnieha.
“It-Tisliba ġbidnieha r-Rinella. L-ewwel darba t-temp iffavorieni u anki kienet nieżla ftit xita. Iżda meta morna lura l-istudjo ndunajna li l-ħoss ma ħariġx tajjeb u kellna nerġgħu niġbdu kollox. Imbagħad li għamilha ta’ Kristu spiċċa bela’ ċmajra wkoll u għamel ġimgħa fis-sodda.
“Il-problemi tiltaqa’ magħhom il-ħin kollu. F’Awissu, pereżempju, kellna nieqfu minħabba l-bombi tal-festa,” tenna Bonello.
Bħala xeni l-iktar li għandu għal qalbu huma ta’ l-Aħħar Ċena għax ħa gost jaħdimha u skond hu “ġiet sabiħa mmens. Iżda xena għal qalbi u emozzjonanti kienet dik bejn Pietru u Ġuda. Kienet qasira imma veru ħarġet tajba. Kienet emozzjonanti għax minbarra li kif għamluha issodisfawni, kellek wieħed jibki għall-maħfra għax ittradih u l-ieħor jibki għax ma jridx il-maħfra ta’ li għamel,” qal b’ċerta passjoni d-Direttur.
Ix-xena bejn Pietru u Ġuda hi waħda minn dawk li immaġina l-kittieb tad-dramm, Renzo Bonello, li inzerta ħu Paul, u li mhux se ssibha fil-Bibbja. Minbarra ħu Paul, fil-produzzjoni minn familtu, għenuh ukoll martu u oħtha bil-ħjata tal-kostumi kollha li kienu jlaħħqu għal madwar 450.
Il-kompożitur tal-mużika kien Ray Sciberras li hu s-surmast tal-Banda Mater Maria Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar. Kif qal f’intervista fuq it-televiżjoni, hu kellu l-vantaġġ li l-istorja kien jafha u għalhekk seta’ jikteb il-mużika mingħajr ma jara l-film. Il-mużika kienet irrekordjata fil-Bulgarija mas-Sofia Philarmonic.
“Meta ikkuntattjajna lill-Orkestra Nazzjonali, għal xi raġuni li ma nafx, ma setgħux. Iżda meta għamilna l-kalkoli kollha tagħna ndunajna li kienet se tiġina t-triplu.
“Tlajna l-Bulgarija jien, il-kompożitur u Melvin Schembri, li ħa ħsieb il-ġbid. Għamilna tmint ijiem hemm.
“Kien hemm problema ta’ lingwa. Ċerta Reneta u s-surmast tas-Sofia Philarmonic biss kienu jitkellmu bl-Ingliż. Il-bqija kollox bis-sinjali,” temm jgħid Paul Bonello bi tbissima. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|