MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel

1. Ebda soċjetà ma tista’ timxi ’l quddiem jekk kemm-il darba ma jkollhiex ġewwa fiha forza qawwija ta’ bnedmin li jaħdmu. Il-ħidma tal-bniedem hi r-raġuni li tixpruna l-progress soċjali, kulturali u ekonomika tal-pajjiż. Iktar ma x-xogħol jittieħed bis-serjetà, b’dedikazzjoni u bi bżulija, iktar dak li jsir - dak li jiġi maħluq u prodott - ikun tajjeb. Il-ħaddiem Malti għandu ħafna kwalitajiet tajba. Talenti li jiddistingwuh minn oħrajn. Imma l-iktar wieħed b’saħħtu hu s-sens qawwi tal-bżonn ta’ mħabba lejn il-post tax-xogħol.

2. Il-ħaddiem Malti ma jagħtix biss il-ġisem tiegħu fix-xogħol, iżda l-qalb ukoll. Is-sens tad-dinjità tal-bniedem hu qawwi fina frott il-kultura nisranija li nħaddnu. Hemm reżistenza interna, naturali għal dawk il-kundizzjonijiet li jċekknu jew ineħħu mill-bniedem ir-rispett u l-importanza li għandu jkollu. F’dan ir-Rivoluzzjoni Marxista u s-sens ta’ materjaliżmu storiku li ħakem pajjiżi oħra ma qabadx għeruq magħna. Il-ħaddiem tagħna f’dawn l-aħħar snin ħadem fil-fabbriki mingħajr m’għadda minn dak li s-soċjologi jidentifikaw f’soċjetà industrijalizzata. Dan għax baqa’ bniedem u ma ħalliex lilu nnifsu jintilef.

3. Il-Maltin u l-Għawdxin fittxew li jmexxu ruħhom ’il quddiem u sabu diversi liġijiet u miżuri li Gvern Nazzjonalista wettaq biex jiddefendihom. Jibni l-proċessi neċessarji u umani biex wieħed iwieġeb għal dak li hu għaddej fid-dinja globalizzata mingħajr ma jinħakem. Jibqa’ hu, il-bniedem, l-element essenzjali. Ekonomija li tibqa’ għas-servizz tal-bniedem u mhux il-kontra. Hekk dejjem sostnejna. Dan hu sabiħ fil-kitba, però wieħed jista’ jibdel l-ideal fil-ħajja ta’ kuljum meta jassigura li tikber it-talba għax-xogħol. Jekk ma tipprovdix xogħol, għalxejn titkellem fuq dan.

4. Għax il-verità hi li l-ħaddiem jiċċekken meta ma jkunx hawn xogħol. Id-dinjità u l-ħarsien tiegħu jkunu biss kliem fl-ilma. Wieħed jista’ jħares li verament jagħti sens u valur lill-ħaddiem tagħna meta nassiguraw li jkun hemm ferm iktar postijiet tax-xogħol. Mhux biss. Imma wieħed irid jaħdem biex il-valur ekonomiku ta’ dik l-attività tikber. Il-ħlas, il-paga tagħna tikber. Dan jista’ jsir biss jekk il-partit fil-Gvern ikun kapaċi jġib iktar kumpaniji sodi hawn. Jissoda l-ekonomija, jissoda l-mezzi ta’ produzzjoni billi jagħżel attivitajiet li jrendu iktar xogħol li jħalli iktar qligħ fil-bwiet tan-nies.

5. Dan iseħħ biss meta l-Gvern ikollu politika li trendi stabbiltà, paċi, koerenza, viżjoni u linja ċara. Mingħajr dawn, mingħajr din l-abbiltà. Id-dinja tax-xogħol tmur lura u magħha jmur lura l-ħaddiem. Issa l-pajjiż għandu quddiemu żewġ mudelli. Għandu dak li ra bejn l-1996 u l-1998 taħt il-Partit Laburista u dak li ra bejn l-2004 u l-2008 taħt Lawrence Gonzi. Il-kuntrasti huma ċari. Taħt ta’ l-ewwel naqas ix-xogħol u taħt it-tieni żdied sew. Il-figuri juru b’mod mill-iktar ċar li taħt ta’ l-ewwel żdied il-qgħad b’telf ta’ ħafna mpjiegi u taħt l-ieħor żieda kontinwa sakemm illum għandna ’l fuq minn 140,000 persuna jaħdmu. Dan hu x’politika partit u mhux ieħor ġiebu.

6. Sagrifiċċji kulħadd lest li jagħmel. Iżda riskji bla u mingħajr sens tkun bluha li wieħed jidħol għalihom. Il-fatti huma ċari quddiem il-poplu. Quddiem il-ħaddiem għal min irid jagħmel użu tajjeb tar-raġuni. Min irid imur għall-għażla elettorali jrid jiddediedi b’liema animu sejjer jimxi ’l quddiem. Isegwi r-raġuni u jkompli jissoda l-ekonomija tiegħu jew jissogra billi jimxi b’sentimenti oħra. Jara jridx Gvern li jżid il-postijiet tax-xogħol bid-diversi fabbriki u intrapriżi li qed jespandu u li se jiġu, inkella le. L-għażla hi determinanti. Waħda li tmexxi ’l quddiem jew tibgħat lura lill-ħaddiem Malti u Għawdxi, għax fejn jonqos ix-xogħol tonqos id-dinjità tiegħu. Illum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh ir-rekond li jġib l-iktar xogħol. Waħda li ħadd ma jista’ jmeriha.

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan