Emmanuel Micallef | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Għażiż elettur...
Żgur li matul il-ġimgħat li għaddew ħareġ fil-beraħ kemm għandna partiti politiċi u kandidati sinjuri. Forsi jista’ jkun ukoll huma midjunin bil-kbir imma minħabba li l-individwi u l-organizzazzjonijiet huma imdaħħlin fil-politika allura l-banek ma jsibux oġġezzjoni li jsellfuhom l-eluf ta’ l-ewro anke jekk m’għandhomx biżżejjed x’jagħmel tajjeb f’każ li ma jwasslux. F’dan il-kaz il-banek japplikaw il-kunċett li huma jaslu biex joħorgu għonqhom għall-partiti politiċi biex ma jħallux lill-pajjiż ibati minn defiċit demokratiku!
Din l-impressjoni neħodha mill-fatt ta’ kemm rajna materjal propagandistiku li ħareġ mill-partiti u minn bosta mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Kieku mqar l-istess ammont ta’ flus intefaq biex kemm jista’ jkun ikunu rfinati l-proposti elettorali tagħhom u biex dawn jaslu għand l-elettorat fi stat verġni, jigifieri mingħajr manipulazzjonijiet, frilli u xinxilli kieku mhux biss il-kampanja elettorali kienet tkun ferm iktar interessanti imma nkunu nistgħu ngħidu li verament qegħdin nesperjenzaw mod ġdid kif issir il-politka.
Iżda dawn l-eluf ta’ ewro, li globalment ilaħħqu l-miljuni, intefqu fi propaganda, kampanji pubbliċitarji, attivitajiet, reklamar, programmi fil-mezzi tax-xandir u bisibilju ta’ fuljetti u pubblikazzjonijiet. Għaliex l-importanti li l-messaġġ jasal b’saħħa fid-dar ta’ l-elettorat. Kemm l-elettorat jagħti kas ta’ dan il-materjal kollu wieħed jiddubita iżda ta’ l-anqas iservu biex jinqatgħu ċerti kurżitajiet dwar il-persuni fil-politika – ħaġa ferm ’il bogħod mill-għan ta’ dan il-materjal propagandistiku!
Forsi għalhekk ukoll li f’din il-kampanja ngħatat spinta lil home visits. Iżda kemm dawn iż-żjarat effettivament ħallew il-frott jien ma nafx. Għaliex billi kandidat iqatta’ 10 minuti biex imbagħad jgħidlek “se jkolli nħallik għax għadni lura u l-importanti li taħseb fija” ma tantx titħalla impressjoni ta’ konvinċiment politiku.
Naħseb li dan il-fatt jafuh il-kandidati li jagħmlu dawn iż-żjarat għax din id-darba wkoll innutajt li ħafna minnhom wara li jiġu d-dar, jekk jiġu, iqabbdu lil canvassers mill-uffiċċji tagħhom biex iċemplulek id-dar u jfakkruk kemm jixraq li ttella’ lill-kandidat tagħhom u għalhekk għandek tagħtih in-numru 1 u jsaqsuk ukoll jekk għandekx bżonn it-trasport dakinhar ta’ l-elezzjoni.
Ħadd minnhom ma jsaqsik jekk tixtieqx xi spjegazzjoni jew tinħtieġ iktar informazzjoni dwar xi waħda mill-proposti mressqa mill-partit li f’ismu se jikkontesta l-kandidat. Dan donnu mhux importanti għall-elettorat.
Din id-darba għażilt li naqra kull pubblikazzjoni li waslitli d-dar. Kollha jgħidulek li huma l-aħjar, li qegħdin biex iservuk, li tfittixhom u ssibhom. Kulħadd jiftaħar b’rixu u kemm hu meħtieġ li jassigura postu fil-Parlament. X’aktarx li se nibqa’ b’togħma qarsa iżda għadni nistenna li nirċievi mqar karta waħda mingħand xi kandidat li tgħid xi ħaga hekk:
“Għażiż elettur, jien mhux se nitolbok tivvotali. Nemmen li l-għażla trid tagħmilha int minn rajk bl-iktar mod liberu. Naf li int intelliġenti biżżejjed biex id-dritt tal-vot tużah bl-aħjar mod biex tirreafferma t-twemmin tiegħek fid-demokrazija.
“Sinċerament nirrispetta d-deċizjoni tiegħek anke jekk din tfisser li se tivvantaġġa lill-partit li jien ma nirrappreżentax. Fi proċess demokratiku mhemmx kompromessi. Ma tistax tapplika r-regoli tad-demokrazija bil-biċċiet. Ma tistax lanqas tippriedka d-demokrazija imbagħad meta tiġi biex tapplikaha, twettaqha kif jaqbillek.
“Għalhekk l-iktar ħaġa importanti fl-elezzjoni li ġejja mhix lil min se tivvota imma li tingħata l-opportunità li tixħet il-vot tiegħek lil kandidat li trid int u skond id-deċizjonijiet li tagħmel int. Il-vot li jitħalla fil-kexxun, li ma jintużax fil-proċess, hu vot mitluf li jista’ jtappan l-għażla tal-maġġoranza ta’ l-elettorat. Hu wkoll ċaħda tal-mument li fih titħaddem id-demokrazija fil-prattika. Iżda l-istess demokrazija tagħtik din l-għażla wkoll li, jekk tħoss li hu ta’ ġid għall-pajjiż u għalik innifsek, ma tipparteċipax fil-votazzjoni.
“Daqstant iehor hu vot mitluf jekk int tivvota skond kif jgħidulek jekk tuża l-vot tiegħek bħala arma biex tikseb int mingħajr kunsiderazzjoni tal-ġid komuni; jekk il-vot tiegħek ikun jirrifletti l-emozzjonijiet u s-simpatija mingħajr l-iċken ħjiel ta’ ħsieb dwar il-futur tal-pajjiż. Bil-vot tiegħek tista’ twassal għall-andament tar-riżultat elettorali. Iżda l-iskop tal-vot tiegħek mhux ir-riżultat. Hi l-eżerċitazzjoni tad-dritt tal-vot li tagħmel id-differenza. Id-dritt tal-vot jagħtik il-poter li tiddetermina l-futur tat-tmexxija tal-pajjiż u allura l-ġejjieni tiegħek u ta’ familtek.
“Id-dokument tal-vot fih innifsu ma jiswa xejn ħlief bħala evidenza proċedurali li int għandek dritt tivvota. Hu d-dritt tal-vot innifsu li jagħmlek parteċipi fil-proċess demokratiku u ta’ importanza kbira. Qed nippreżenta ruħi bħala kandidat ta’ l-elezzjoni ġenerali proprju għal dan il-għan biex nara li d-dritt tiegħek ma jintilifx; biex dan id-dritt jitgawda mhux sa nhar is-Sibt li ġej imma għal ħames snin ta’ wara. Inkun sodisfatt jekk int tagħmel tiegħek dawn il-ħsibijiet li qsamt miegħek anke jekk ma tivvotalix.”
Naf li l-kaxxa ta’ l-ittri qatt mhu se timtela b’messaggi bħal dawn. Għadna ma lħaqniex dan il-livell ta’ maturità politika. Għalkemm nagħrfu li l-elettur għandu jkun il-protagonista fil-proċess elettorali iżda fir-realtà jibqa’ l-politiku l-protagonista u l-elettur jibqa’ jkun stmat daqslikieku kien hu r-rappreżentant tal-politiku u mhux bil-kontra. Dan id-difett li ħloqna, forsi wkoll intenzjonalment, fis-sistema politika li nħaddmu, iwassal biex filwaqt li fil-proċess elettorali l-partit ikollu jbaxxi rasu għar-rieda tal-poplu iżda wara li jintemm il-proċess elettorali nispiċċaw biex il-poplu jkollu jbaxxi rasu għall-Gvern u mhux il-Gvern ibaxxi rasu għar-rieda tal-poplu!
Ma nagħmlux ħazin jekk nhar is-Sibt li ġej inżommu dan f’moħħna sakemm niġu biex nixħtu l-vot fil-kaxxa siġillata! |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|