MediaToday

Ittri | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

Taħt GonziPN kollox possibbli

Minn Etienne Grech,
Kandidat MLP,
Fgura

Sa minn meta konna tfal konna nitgħallmu li għal Alla kollox hu possibbli. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu b’xi miraklu li jkun seħħ u li permezz tiegħu individwi li jkunu tilfu l-fidi jerġgħu jakkwistaw dik il-ħeġġa biex f’ħajjithom jakkwistaw l-aqwa possibbli.
Issa jidher li dan il-kunċett dieħel ukoll fil-politika partiġġana wara li l-Partit Nazzjonalista, jew aħjar il-Partit ta’ Gonzi, iddeċieda li għall-kampanja elettorali jagħżel it-tema ‘Iva, flimkien kollox possibbli’.
Minbarra li din it-tema hi kompletament ikkuppjata minn dik użata minn Nicolas Sarkozy fil-kampanja elettorali Franċiża s-sena li għaddiet, meta wieħed janalizzaha fid-dettal malajr isib diversi fatti importanti.
Fid-dinja kollox possibbli, iżda taħt GonziPN jidher li l-affarijiet negattivi huma dawk li l-aktar li jseħħu fir-realtà. Kulħadd jiftakar lil dak li qed jipproġetta lilu nnifsu bħala ‘one-man party’ jistqarr li bi Gvern Nazzjonalista, mill-għada ta’ l-elezzjoni l-poplu jista’ jserraħ rasu għaliex se jkollu serħan il-moħħ.
Naħseb jekk nistaqsu lin-nisa tad-dar dwar l-għoli tal-ħajja u lil dawk il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom tul dawn l-aħħar ħames snin ċertament li jistqarru li kollox hu possibbli, anki li GonziPN jistqarr mod u jseħħ mod ieħor.
Proprju fuq il-ħaddiema, l-avukat Austin Gatt stqarr li hu jilgħab imħatra li fi żmien 10 snin ma jkollniex fabbrika oħra tat-tessuti. Naħseb wara dikjarazzjoni bħal din dawk il-ħaddiema f’din l-industrija ċertament li qed jitolbu li Gatt hu żbaljat, iżda għal GonziPN kollox hu possibbli, anki li l-ħaddiema jispiċċaw bla xogħol u jitnaqqar l-għajxien tagħhom.
Esponent ieħor ta’ GonziPN, Mario Galea, fil-kampanja elettorali tas-sena 2003 kien stqarr li għall-Partit Laburista se tkun l-ewwel int li tintlaqat bil-miżuri li Gvern Laburista kien beħsiebu jimplimenta. Ċertament li kollox hu possibbli u għandek tgħid tul dawn il-ħames snin kont int li spiċċajt bil-martell fuq rasek b’GonziPN isammar kemm jiflaħ.
Anki kien hemm min saħaq li l-finanzi tal-pajjiż huma fis-sod, proprju ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali. Iżda wara li b’dan il-kliem kisbu l-fiduċja tan-nies, fi ftit xhur l-istorja nbidlet u peress li kollox possibbli, min stqarr dan id-diskors kien żbaljat tant li spiċċa mwarrab minn Ministru.
L-istess persuna kien stqarr li bl-introduzzjoni tal-VAT se jorħsu 40,000 prodott. Kollox hu possibbli, iżda biex nivverifikaw jekk dan huwiex possibbli tajjeb li nistaqsu lin-nisa tad-dar.
Issa GonziPN beda jfaqqa’ proposti li jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja tal-poplu jimplimentahom. Kollox hu possibbli iżda din id-darba m’hemmx dubju li l-poplu Malti u Għawdxi mhux se jaqa’ għan-nasba tal-GonziPN u permezz tal-vot tiegħu se jwassal messaġġ ċar favur
il-bidla.
Wara l-aħħar elezzjoni kienu diversi esponenti politiċi li saħqu li l-Partit Laburista kien spiċċa, b’referenza speċjali għal Alfred Sant.
Kollox hu possibbli, iżda l-verità hi li l-Partit Laburista u Alfred Sant huma b’saħħithom aktar minn qatt qabel.
Grazzi għall-fiduċja li qed juri l-popli Malti, nhar it-8 ta’ Marzu, l-MLP se jingħata l-mandat biex ikun jista’ jwettaq il-pjan għal bidu ġdid li se jagħti lil pajjiżna nifs ġdid, Gvern nadif u trasparenti li jżomm quddiem għajnejh lil kull ċittadin Malti u Għawdxi, għax ħadd mhu għar-rimi!

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan