MediaToday

Intervista | 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70

“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell

Niltaqa’ ma’ l-iżgħar kandidat li se joħroġ
mal-partit ġdid Lemini Azzjoni Nazzjonali u l-ewwel mistoqsija kważi toħroġ naturali. Nistaqsih x’ħajru jissieħeb ma’ AN.
“Jien minn dejjem kienet tinteressani l-politika u xi tliet snin ilu ltqajt ma’ Brian Hansford u stedinni fuq il-programm. Minn hemm bdew jistidnuni nies oħra fosthom Peppi Azzopardi li kien wieħed mill-għalliema tiegħi.
“Qatt ma kelli partit. Ġej minn familja Laburista imma jien kont nivvota PN. Kont nara ħafna kuntrarju f’dak li jgħidu u jagħmlu l-partiti. Imbagħad bdew il-partit Josie Muscat u Anglu Xuereb. Għoġbitni l-politika tagħhom u bqajt għaddej.”
Seychell jgħid li l-prinċipju ta’ l-AN favur Gvern li ma jgħakkisx lin-nies bit-taxxi jogħġbu ħafna. “Jien ilni naħdem minn mindu kelli 18-il sena. It-tassazzjoni ma narahiex ġusta. Hemm wisq gap. Meta bdew jitkellmu fuq l-abbużi li hawn mis-servizzi soċjali laqtuni.
“Ta’ l-immigrazzjoni laqtitni wkoll. dejjem nitkellmu fuq l-immigranti illegali. B’din nifhmu dawk li jiġu bil-baħar mingħajr passaport. Jekk jiġu barranin jaħdmu b’kuntratt, għalfejn le. M’għandix oġġezzjoni. Dawk jiġu u jitilqu.”
Naqbadlu fuq l-immigrazzjoni. Ma nifhimx kif l-AN jitkellmu fuq politika ta’ inklużjoni għal persuni b’diżabbiltà mbagħad il-kumpassjoni tisparixxi għal kollox fejn jidħlu l-immigranti u l-ommijiet waħedhom. Din mhux kontradizzjoni?
“Ma narahiex kontradizzjoni. Aħna kontra li mara tagħmel ‘father unknown’ fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija. F’xahar partikolari mara tkun taf ma’ min marret. Allaħares le. Imma li mhux tajjeb hu li nagħmlu tajjeb għalihom jien u int bit-taxxi li nħallsu,” jisħaq.
Jispjega kif l-ommijiet waħedhom jimmanuvraw biex jibbenefikaw mis-sistema soċjali. “Tnejn joħorgu flimkien, qishom koppja miżżewġa. Bil-wiċċ tost kollu hemm min ikun jgħix ukoll taħt l-istess saqaf. Imbagħad il-mara jkollha tarbija u tniżżel ‘father unknown’. Dan kollu tagħmlu biex tieħu l-benefiċċji soċjali. Għalfejn imbagħad għandi nħallas jien għaliha?”
Donnu biex jantiċipali l-mistoqsija li jmiss, jinsisti li Azzjoni Nazzjonali mhux kontra l-ommijiet waħedhom imma kontra l-abbuż li jwettqu “ċerti ommijiet waħedhom.”
Imbagħad jindirizza l-kwistjoni tan-nies b’diżabbiltà. “Lin-nies b’diżabbiltà nemmen li għandna ngħinuhom. Imma minflok tibagħtilhom iċ-ċekk aħjar ikunu parti mis-soċjetà u jagħtu l-kontribut tagħhom.”
Fost il-billoards li tellgħet l-AN hemm wieħed b’wiċċ ta’ tifel li qed jistaqsi għalfejn ‘il-papà jismu father unknown’. Nistaqsih jekk jaħsibx li dan il-messaġġ jurix nuqqas kbir ta’ sensittività lejn dawn it-tfal.
“M’għamilniehx biex ninsulentaw lil xi ħadd. Naħseb l-iktar ħaġa li tista’ tasal biex iddejjaq tifel hu li ma jkunx jaf min hu missieru. It-tfal imorru l-iskola u l-maġġoranza jmorru għalihom ommhom jew missierhom. Allura dak it-tifel li m’għandux missier kif iħossu? Aħna kulma qed ngħidu hu li nemmnu li t-tifel għandu jkun jaf min hu missieru.
“Issa jekk jisseparaw l-ġenituri ma tista’ tagħmlilhom xejn. Imma t-tfal m’għandhomx x’jaqsmu. U l-missier fuq kollox għandu dejjem jieħu r-responsabbiltà tiegħu.”
Billboard ieħor insensittiv hu dak fejn jidher tifel bil-ġenituri warajh bit-tifsira li tifel mingħajr żewġ ġenituri qisu mhux normali.
Seychell iwieġeb mingħajr dispjaċir. “Again, ma narax it-tfal. Meta l-ġenituri jisseparaw jilagħbu ping pong bit-tfal. It-tfal għandhom jitpoġgew fuq quddiem u mhux jintużaw bħala arma. Naf koppji li sseparaw imma t-tfal xorta baqgħu jieħdu ħsiebhom. Iżda mill-banda l-oħra hemm koppji oħrajn li t-tfal ma jagħtux kashom u sempliċiment jużawhom. It-tfal dejjem innoċenti. Ġara x’ġara qatt m’hu tort tagħhom,” isostni, anki jekk il-billboard qed juża lit-tifel li suppost għandu l-ġenituri mifrudin.
Seychell jgħid li hemm ċerti nisa u rġiel li mhumiex responsabbli ta’ għemilhom. “Hemm ċertu każijiet fejn ikun hemm irġiel jew nisa deħlin u ħerġin. Hekk mhux sew. Li jkollok it-tfal u toqgħod terġa’ tagħmilha ta’ 18-il sena ma narahiex ħaġa tajba għat-tfal.”
Wara li qalli dan kollu ma jagħtinix ma nistaqsihx: Allura koppja li spiċċat għandha tibqa’ flimkien sempliċiment għax hemm it-tfal?
Jaħtafni fil-kelma. “Le, lanqas xejn. Hemm każijiet gravi bħal meta raġel isawwat lill-mara. Aħna bħala partit kontra d-divorzju imma jekk ikun hemm tagħlim dwar x’inhu d-divorzju u jsir referendum aħna noqogħdu għar-rieda tal-poplu u nbaxxu rasna. Basta jekk se jidħol id-divorzju jħallas għalih l-individwu u mhux l-Istat. La xi ħaġa jkun iridha l-poplu mhux sew iħallas għaliha l-Istat,” iwieġeb b’loġika li ma tantx nifhem. Safrattant il-poplu jrid ukoll li titħares l-ordni fil-pajjiż u jħallas għaliha l-Istat billi jiffinanzja l-Pulizija.
Nistaqsi lil Seychell dwar it-timbru ta’ partit Lemini Estrem. Jitbissem. “Jekk nemmnu li għandu jkun hemm id-dixxiplina u l-ordni fil-pajjiż allura jfisser li tkun Right Wing? Jekk ġuvni jistupra tfajla għalfejn għandu jieħu sentenza sospiża għal sena? Allura dan il-messaġg li qed nagħtu lis-soċjetà?
“Aħna kontra l-immigranti illegali. Imma jien naħeb li la x-Xellug u lanqas il-Lemin ma jkunu jriduhom. Allura nerġa’ ngħid, jekk fuq hekk niġu ikkunsidrati Lemin mela niġu ittimbrati Right Wing.”
Nistaqsih fuq il-gays u l-kuttrumbajsa li għamel il-partit tiegħu dwar l-kwistjoni.
“Fuq il-gays kulma kien qal Josie li aħna qatt ma naqblu li koppji gay ikollhom żwieġ kif nafuh aħna. Iżda naqblu li jkollhom tassazzjoni flimkien jekk jgħixu taħt l-istess saqaf. Il-bqija ma naqblux li għandhom qatt jaddottaw. Issa trid u ma tridx żewġ irġiel jew żewġ nisa ma jistgħux jagħmlu tfal. Aħna żgur kontra li jkun hemm vjolenza fuq gays,” jgħid Seychell. Jibqa’ ma jweġibnix fuq il-kutrumbajsa. Il-pożizzjoni ta’ l-AN fuq koppji gay mhix fil-manifest imma f’dokument separat li kien ippubblikat f’nofs il-kampanja elettorali.
L-AN titkellem ħafna fuq il-valuri nsara u li dawn jeħtieġ inħarsuhom mill-attakki tad-dinja moderna. Nistaqsi lil Seychell jekk jemminx f’pajjiż sekulari fejn ir-reliġjon titqies bħala għażla personali u fejn l-Istat jissawwar fuq valuri li jmorru lil hinn mit-twemmin ta’ xi reliġjon jew oħra.
“Nemmnu f’pajjiż sekulari. Forsi nimxu fuq it-twemmin tal-Knisja imma mhux qed ngħidu li kulħadd bilfors irid imur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Lanqas nemmen li l-Istat għandu jagħti l-flus lill-Knisja,” iwieġeb b’mod xott għall-aħħar anki jekk il-President tal-partit dan l-aħħar beda l-indirizz tiegħu f’konferenza politika bi stqarrija tal-fidi Kattolika.
S’issa l-impatt ta’ l-AN għadu ma nħassx
fl-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika. Qabel ma nitlaq nistaqsi lil Seychell kif jaħseb li se jmur il-partit f’din l-ewwel avventura elettorali.
“Naħseb li mmorru tajjeb. Ħa nkunu sorpriża għal xi wħud. We are here to stay u lesti naħdmu ma’ kulħadd fl-interess tal-pajjiż.”

Intervista
“We are here to stay”

Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell


Editorijal
Aħseb u xtarr


Il Punt
Mid-Djarju ta' Ċikku l-Lajburist
Mario Galea


TONI u PEPPI
Saħħa bi ħlas?


Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Poplu ħaddiem, pajjiż ħawtiel



X'kien Jgħid
It-tiġrija sal-barkun



Wenzu Mintoff

Barumbati

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan