Il Punt - Mario Galea| 02 ta’ Marzu 2008 Nr 70
Sinċerament ma nafx għaliex jien Lajburist. Forsi għax missieri kien Lajburist u n-nannu Pietru kien Lajburist ukoll... u z-zija Jessie, Alla jaħfrilha, kienet tmexxi l-Brigata Laburista tar-raħal. Imma dan Fredu Sant qed iġegħelni nistaqsi kuljum lili nnifsi: “Imma jien, għaliex jien Lajburist?”
Din ma nixtieq ngħidha lil ħadd imma jkolli nammetti li meta Sant kien Prim Ministru rnexxielu jagħmel fjask wieħed ikbar mill-ieħor. Kien daħħal 33 taxxa.
Kien għolla l-kontijiet ta’ l-ilma u d-dawl ferm aktar milli huma llum bis-surcharge b’kollox. U dan meta l-prezz taż-żejt kien ferm irħas milli hu llum.
Kien daħħal taxxa fuq il-mediċini u taxxa fuq iċ-ċertifikati tal-mard. Bil-wiċċ tost kollu issa ġie jivvinta li Gonzi se jdaħħal il-ħlas fuq is-saħħa. Bejnietna, lil Sant, lanqas jien m’emmintu f’din. Gonzi kien ċar u tond f’din. Qal jekk jerġa’ jkun Prim Ministru u jidħol xi ħlas fuq is-servizzi tas-saħħa kien jirreżenja. Mhemmx tidwir mal-lewża. Hekk ikunu l-leaders jaħasra.
Lil leader tagħna tgħidx kemm kont inħobbu imma issa m’għadni nemmnu f’xejn. Insomma ħalli inkompli.
Fi żmien Alfred Sant it-turiżmu kien naqas b’4.5 fil-mija. Dawn il-ħwejjeġ jien nipprova ma ngħidhom ma’ ħadd, imma, ħaqq ix-xjafek... hekk hu. U għadni niftakar kemm kien ftaħar bix-xirja li kien għamel fl-1996 biex imbagħad waqt li kien fil-Gvern dik l-istess xirja għoliet b’19 fil-mija f’inqas minn sentejn. U qed niftakar oħra. Kien għamlilna taxxa fuq kull bieb u daħħal it-taxxa ta’ l-ajru.
Sant kien jgħidilna li ried iġib il-finanzi fis-sod u għall-ewwel inqerr magħkom, kont emmintu. Kont għidt: ‘Allura miskin m’għandux tort.’ Fil-verità minflok radam il-ħofra li qal li kien sab, spiċċa biex ħaffer barriera. Imbagħad tela’ dan Gonzi u, imnellaħ li hu, irnexxielu jġib il-finanzi fis-sod. Kieku ma kienx hekk, ma kinux se jħalluna ndaħħlu l-ewro, le? U issa għalkemm m’hawnx ħofor, Sant qed jgħid li jekk ikun fil-Gvern, tas-sahra jibda jħallasna bis-siegħa/siegħa minflok bis-siegħa/siegħa u nofs.
Qal li se jgħolli l-bolla, ineħħi l-bonus u jagħmel taxxa fuq it-tieni proprjetà. Imma dan Sant x’inhu jagħtih? Mela tassew li jrid jibqa’ għal dejjem fl-Oppożizzjoni?
Issa ħareġ b’oħra. Irid lit-tfal jirrepetu sena skola. U jaħasra kif ma jafx jagħlaq ftit ħalqu? X’fettillu semma lill-iskola tad-De La Salle u liċ-Chiswick biex issa dawn ħarġu jgiddbuh? Imma l-agħar waħda hi li jrid jerġa’ jiftaħ il-biċċa ta’ l-Ewropa! Ngħid jien, dan l-inkwiet xi rriduh? Mela jrid iħammrilna wiċċna mad-dinja kollha? Veru ma nafx dan il-leader tagħna x’inhu jagħtih!
Qatt f’għomri kollu ma naf li staqsejt lili nnifsi: “Imma jien għaliex jien Lajburist?” Imma issa qed ikolli nistaqsiha. Kważi kuljum, għax ħaqq ix-xjafek, ikolli nammetti li taħt Gonzi morna tajjeb. Din ma ngħidha ma’ ħadd, tafux! Imma hekk hu. Bis-saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea l-ekonomija żdiedet bil-kbir. Gonzi, ja mgħarras li hu, irnexxielu jbaxxi l-qgħad għall-aktar rata baxxa li qatt kien. F’erba’ snin ħoloq 20,000 impjieg ġdid. Għandna aktar minn 168,000 persuna taħdem bi qligħ. Veru ma nafx kif irnexxielu jagħmel dan kollu.
U dan biex ma nsemmix il-proġetti kbar li għamel... l-isptar Mater Dei. Dak Alfred tagħna ried iħottu, tiftakruha din x’kull waħda wkoll!
Kemm ilu Gonzi Prim Ministru ara kemm saru triqat, l-iskejjel ġodda li bena, l-iSmart City, il-fabbriki, il-Lufthansa Teknik! U biex tagħqad issa ħareġ bi proposti li ma tistax ma tagħtix kashom. Se jkompli jnaqqsilna r-rata tat-taxxa u b’hekk ħafna aktar nies se jibdew iħallsu bil-15 fil-mija minflok bil-25 fil-mija.
Kull omm se tkun intitolata għal sena mingħajr taxxa tad-dħul għal kull wild. Se jneħħi għal kollox it-taxxa fuq il-wirt tad-dar meta din tgħaddi għal għand l-ulied. X’aktar?
Se jneħħi t-taxxa tat-tluq bl-ajru u dik fuq il-liċenzji tat-televiżjoni. U fuq kollox jien persważ li bil-politka ta’ Gonzi uliedi se jkollhom futur fis-sod għax fil-pajjiż ikun hawn il-kalma u s-sigurtà, jiżdied ix-xogħol u jkollna xogħol aħjar. Fuq kollox jibqgħalna aktar flus fil-but.
Ġieżuġież, in-nannu Pietru żgur qed jiċċaqlaq f’qabru. U kieku kelli nitfaċċa quddiemu u jismagħni nitkellem hekk żgur kien ixarrabli daqqa ta’ ponn taħt geddumi. U z-zija Jessie kienet tifqagħli t-tanbur tal-Brigata Laburista ġo rasi. Jaħasra, nannu Piet, jiena Lajburist twelidt u Lajburist kieku nixtieq immut.
Iżda nixtieq biss tweġiba għal din il-mistoqsija sempliċi: “F’ġieħ is-sewwa, kif nista’ f’din l-elezzjoni ma nivvutax PN?”
Mario Galea hu Membru Parlamentari
u Kandidat Nazzjonalista tat-Tielet Distrett |
|
Sabrina Agius tintervista lil Malcolm Seychell
Editorijal
Il Punt
Mario Galea
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef
Għażiż elettur...

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

In-Nazzjonalisti jridu l-provi tal-korruzzjoni meta Malta kollha taf fejn tinsab il-korruzzjoni, ħlief GonziPN. Imma bħalma jgħid il-Malti: ‘Jilgħabha taċ-ċuċ minn ma jridx iħallas dwana'. In-Nazzjonalisti erħilhom jgħaffġu fuq kulminn f'dan il-pajjiż jazzarda joħroġ għonqu u jiftaħ ħalqu fuq xi skandlu jew ieħor.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|