MediaToday

X'kien Jgħid | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Viljakkeriji

In-Nazzjonalisti naf sew xi jsarrfu għax tul ħajti ġarrabthom u kif. Għaddewni minn martirju u persekuzzjoni manja huma u l-kassokkati li kienu jappoġġawhom. Sa waslu biex darba minnhom ħaġġruni f’Ħal Qormi. Imnalla ssutawni bit-tub tal-ħamrija u l-ġebel li xeħtu għal fuqi kien tal-franka u mhux taż-żonqor. L-eżilju tiegħi hawnhekk fl-Eġittu nafu wkoll lilhom u lill-isqfijiet ħbieb tagħhom. Imma li hu tajjeb, hu li dawn il-Monsinjuri Nazzjonalisti qajla baqgħu jissemmew fl-istorja, imma jien tajjeb jew ħażin, għadni nissemma’.
Il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista hi xempju ta’ l-ikbar diżonestà, ta’ kif timmanipula l-imħuħ tan-nies u ma tirrispettax l-intelliġenza tagħhom. F’din l-elezzjoni mhemmx kwistjoni emozzjonali li tittraxxina lin-nies, li ddaħħalhom fi trance u ġġiegħlhom joħolmu bil-ġenna fl-art li kellha ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Quddiem sitwazzjoni fejn in-Nazzjonalisti ftit li xejn kellhom siment x’jgħaqqad it-taħlita tagħhom għall-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu, tant hu hekk li f’ċerti żoni ta’ Malta beda jinħass li kien hemm eżodu ta’ nies li ma ridux jafu iktar bihom, tal-PN ta’ bilfors riedu jaraw x’jivvintaw biex iwaqqfu din l-emoraġijia ta’ voti.
Fi żminijiet oħra, b’Gonzi ieħor jiddetta l-aġenda, is-soluzzjoni għal problema kienet tkun pjuttost dogmatika, it-twerwir ta’ l-erwieħ fidili, bin-nirien ta’ l-infern bl-impożizzjoni tad-dnub il-mejjet. Fiż-żminijiet li qed tgħixu llum lanqas it-tfal m’għadhom jibżgħu mill-infern u bir-rata kif mexjin l-affarijiet ma nissorprendi ruħi xejn jekk wara li qaltilna li l-limbu ma jeżistix il-Knisja għad toħroġ tgħidilina li la l-half-way house tal-purgatorju u lanqas il-ġenna u l-infern ma jeżistu. Ġaladarba m’għadux possibli it-twerwir bid-dnub il-mejjet, in-Nazzjonlisti ta’ jeni diżonesti li huma qegħdin ixajtnu lil Alfred Sant kemm jifilħu u qed jaffrontawh bl-isteriżmu u l-intolleranza organizzata li konna naraw bħalha fi żmien il-kwistjonijiet politiċi reliġjużi meta l-esponenti tal-partit li jkun dabbar l-interdett ma kinux jitħallew isemmgħu leħinhom bil-kakafonija tad-daqq tal-qniepen u t-tisfir
tas-sfafar minn naħa
tal-fanatiċi ta’ Gonzi.
Imma d-diżonestà tan-Nazzjonalisti f’din il-kampanja elettorali testendi lil hinn mis-soltu demonizzazzjoni tal-Mexxej Laburista li minn kollox intqal fuqu ħlief forsi li għandu l-qrun u d-denb u li jiekol it-trabi bħalma kienu jgħidu d-demokristjani Taljani għall-mexxejja tal-partiti tax-Xellug fi żmien il-gwerra bierda.

Viljakkerija
Tal-PN din id-darba l-viljakkerija tagħhom ma ħallewhiex għall-aħħar minuta qabel il-votazzjoni kif kienu għamlu 5 snin ilu fil-famuż meeting tal-Luxol il-Ħamis.
Minn kif qaluli sħabi tax-Xirka, bħalissa għaddej blitzkreig tal-PN, stil Faxxista, kontra l-partiti ż-żgħar. Bumbardament kontinwu biex iwerwru lin-nies li vot lil Harry jew lil Josie hu vot lil Fredu. Imma skużi ta’, din x’demokrazija hi li l-ewwel tikkastiga lill-partiti ż-żgħar b’sistema elettorali ripressiva li la hi proporzjonali u wisq inqas rappreżentattiva, imbagħad toqgħod tikkalunja lil partiti ż-żgħar li vot lilhom hu vot moħli u misruq minn Nazzjonlisti u b’hekk indirettament qed jispiċċa jiġi aġevolat il-Partit Laburista?
Vot lil Harry hu vot lil Harry. Xejn iktar, xejn inqas. Imbagħad wara kollox x’inhu l-aħjar? Vot lil Harry jew lil Josie = vot lil Fredu, jew vot lil GonziPN = vot liċ-Ċaqnu jew lil Żaren Vassallo?
Ikolli ngħid li l-iktar riklam politiku li laqatni matul il-kampanja elettorali tagħkom, kien dak tad-deputat Laburista Joe Mizzi li jgħid “nitla’ jien, jitla’ ż-żejt”.
Issa jien ma nifhimx wisq il-loġika ta’ min biex jitla’ ż-żejt irid jitla’ hu. Għax jekk ma jitlax hu ngħid jien, mhux xorta għandu jagħti palata biex jitla’ ż-żejt? Barra minn hekk jekk tara sew x’qed iwiegħdu l-partiti għal dak li hu tnaqqis tat-taxxi varji, proġetti kapitali li jirrikjedu l-miljuni, għotjiet finanzjarji u x’naf jien, bilfors li saddejna l-ħofor kollha u ż-żejt diġà beda tiela’ u għalhekk m’għandux għalfejn jitla’ Joe Mizzi.
Bħal-lum ħmistax, nofs Malta neqsin ftit tkun qed tagħmel il-vixxri u n-nofs l-ieħor ikun f’estasi. Imma tgħaddi ġimgħa u jgħaddu ħmistax u lura għan-normal u jkollkom tħabbtu wiċċkom ma’ l-istess problemi, sfidi u l-politikanti mit-tlablib iridu jgħaddu għall-azzjoni.
Meta se jasal dak il-jum u tibdew tħabblu s-suf biex l-għażiża Malta ma tibqax aktar żewġ nofsijiet li ma jagħmlux ħaġa waħda sħiħa?

 

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan