MediaToday

Wenzu Mintoff | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Kollox possibbli

Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu ma ddejjaqx jaqa’ fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna’. Innu li inċidentalment għandu ħafna noti mużikali komuni ma’ l-innu Giovinezza tal-faxxisti Taljani.
In-Nazzjonalisti għandhom fuqhom arja ta’ superjorità kwazi razzjali, li jħarsu lejn kulmin ma jappartjenix għall-klikek tagħhom qisu ġej minn xi razza inferjuri. Jemmnu li huma mibgħutin minn Alla biex jaħkmu fuq dan il-pajjiż għal dejjem ta’ dejjem. Bħal Benito Mussolini li kienu jsibuh bħala ‘l’uomo mandato da Dio’. Ħallik li mbagħad ftit tas-snin wara dan spiċċa mdendel minn saqajh, rasu ’l isfel f’pompa tal-petrol fi Piazza Loreto fil-belt ta’ Milan.
Ara tal-Pe Enne jistgħu jgħajru kemm iridu lil-Laburisti ‘ħanżir taqtagħlu denbu, ħanżir jibqa’’, ‘fliexken mimlija’, ‘mummji’ u ruxxmata titli oħra insolenti u qisu qatt ma kien xejn. Anzi kemm kemm ma jkunx hawn minn jiggosta lil min ikun għamel dawn l-insolenzi. Imma mbagħad ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk f’dan il-pajjiż tazzarda tgħid is-sewwa magħruf.
Bħalmeta fettilli ngħaddi kumment fuq ir-radju dwar dawk in-nisa li akkumpanjaw lil Lawrence Gonzi f’walk about f’Ħal Qormi, li kienu ġabu rwieħhom ta’ ċrieċer u ħamalli u ġabu fix-xejn il-mit li l-PN ‘partit tal-puliti’ u l-MLP ‘partit tal-ħamalli’. Għax għidt l-affarijiet kif inhuma l-Pe Enne ħareġ stqarrija u gideb fuqi meta qal li jien għajjart lin-Nazzjonalisti kollha ħamalli u ‘ikkundannani’ f’nofs kampanja elettorali meta l-qiegħa bdiet tisħon sew, bil-konsegwenzi li dan seta’ jkollu.
Bl-istess mod meta Charles Mangion ħareġ bit-tixbiħa tad-DNA, u kien altru milli evidenti li dan kien qed jirreferi għall-profil politiku tan-Nazzjonalisti. Xejn iżjed xejn inqas. Fil-pront ħarġu ‘fatwa’ kontra tiegħu u xlewh li kien għamel kummenti razzisti meta dan ma kienx minnu.

Irmixk
Huma jistgħu jiġbru l-irmixk ta’ ħaddieħor u jgħolluh fuq pedestall u jiħduh magħhom taħt it-tinda bħalma kienu għamlu b’Gianni Psaila mlaqqam il-Pupa, li kien ftaħar quddiem Malta kollha li kien wieħed minn dak li fl-1984 daħal ikisser il-Kurja.
Xi ngħidu għal Eileen Montesin li tgħidx kemm kienu jgħajruha bil-ħamallaġnijiet u d-doppju sens tagħha meta kienet għadha assoċjata mal-Partit Laburista mbagħad għax din illum qed tagħtihom palata u taqdihom mill-koxxa, f’daqqa waħda saret persuna rispettabbli u jużawha biex tendorsja l-Kapijiet Nazzjonalisti, għal wieħed, tnejn u tinċessahom kemm tiflaħ taħt it-tinda?
L-istess fir-rigward ta’ l-eks Ministru Joe Grima. X’ma kinux jgħidu għall-guffaġni u l-prepotenza tiegħu sakemm baqa’ fil-Partit Laburista?
Imbagħad hekk kif dan sab postu l-ewwel fuq ix-Xandir Nazzjonali, imbagħad fuq in-NET TV u fid-daqqa u l-ħin in-Nazzjonalisti bdew josannawh u sar ‘xandâr ta’ kwalità u mill-iktar rispettabbli’.
Kollox possibbli għalihom, kollox jgħaddi, imma mhux hekk għalina. Meta l-Gvern tal-Labour fis-Sebgħinijiet kellu relazzjonijiet mill-qrib ma’ pajjiżi bħal-Libja u ċ-Ċina, kienu jgħidu li l-Laburisti qed jitħabbu mad-dittaturi, ma’ tal-ħabbażiż u ma’ dawk ta’ wiċċ wieħed.
Mentri llum il-ġurnata anki l-istess Partit Nazzjonalista jagħmel skambji ta’ delegazzjonijiet mal-Partit Komunista Ċiniż u joħrog ilsien daqshiex biex jilgħaq. Ħallik li ħafna drabi jibqa’ b’idejh vojta u ma jġib xejn għal Malta ħlief affarijiet żgħar bħal għamara ta’ Dar Malta fi Brussell biex Richard Cachia Caruana jkollu l-kumdità kollha fejn joqgħod jixxaħħxaħ.

L-Unjoni Ewropea
Huma jistgħu jissussidjaw is-surcharge tad-dawl u ta’ l-ilma bil-capping, u l-Kummissjoni Ewropea tħallihom jagħmlu dan. Jekk imbagħad il-Gvern Laburista jagħti tax credit lis-self-employed u n-negozjanti ż-żgħar, il-Kummissjoni Ewropea skond huma, tista’ ssib problema.
Huma jistgħu jeħduha kemm iridu ma’ l-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet jaħarqu bħall-immigrazzjoni illegali. Ħallik li ma waslu mkien.
Imma jekk imbagħad il-Labour jgħid li jrid jieħu l-każ tat-tarznara u tal-bdiewa Maltin mal-Kummissjoni Ewropea, erħilhom iqarqu bin-nies u jwerwruhom li se tinfetaħ mill-ġdid il-kwistjoni ta’ l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Fi żminijiet imbiegħda n-Nazzjonalisti tgħidx kemm kienu jippontifikaw u jitkażaw b’min kien juża t-tfal għal skopijiet politiċi, b’mod partikulari għax l-MLP kellu l-brigata, speċi ta’ boy scouts tiegħu.
Ara huma jistgħu jinqdew kemm iridu bit-tfal għal skopijiet politiċi anki jekk ikunu ġejjin minn familji mhux Nazzjonalisti.
Għax qatt daqs din il-kampanja elettorali ma rajna politikanti Nazzjonalisti jagħmlu żjarat fi skejjel u klassijiet u tgħidx kemm perrċu tfal għal għajn il-kameras, żgur mhux fl-interess ta’ l-istess tfal imma biex jieħdu rikba pubbliċitarja minn fuqhom u addio l-liġi tad-data protection li suppost tħarishom.
L-ikbar viltà kienet dik li saret fl-iskola tar-Rabat ta’ Għawdex xi ġimagħtejn ilu meta qagħdu jiskomodaw l-itfal fil-jum il-Ħadd tal-Karnival, qagħdu jlibbsuhom l-uniformi biex dan kollu tqiegħdet l-ewwel ġebla ta’ skola ġdida meta GonziPN kien diġà sar caretaker.

Fil-campus
Imbagħad xi ngħidu għal dak li ġara nhar it-Tnejn l-Università meta grupp ta’ studenti Nazzjonalisti, b’mod organizzat u b’intolleranza u ostilità liema bħalha, ippruvaw jagħmlu meeting politiku Nazzjonalista minn dibattitu Universitarju. Flok ma ra kif għamel biex jikkalma u jġib għall-ordni l-fans fanatiċi tiegħu, Gonzi qagħad jiggustahom u jfittex l-iskużi biex jiġġustifika dik l-imġiba intolleranti u antidemokratika. Mur ara kemm kien ikun hawn newwieħa jitkażaw u jġibu lil minn jitkaża li kieku kienu studenti Laburisti li ma ħallewx lil Gonzi jgħid dak li kellu jgħid?
Fiż-żminijiet tad-dlam tal-Pe Enne tgħidx kemm kienu jitkażaw u jġibu lil min jitkaża għax id-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, immexxi minn Toni Pellegrini, kien jistampa black & white ir-rivista Il-Gżejjer li ftit li xejn kien jolqtok. Din ir-rivista kien ikun fiha ħafna ritratti mċajprin tal-Ministri u ma kienet isservi għal xejn ħlief biex timla biha il-waste paper basket.
Illum il-ġurnata mhux biss qed jitqassmu kotba u faxxikli sħaħ kollha kulur li jqumu eluf kbar tal-liri mħallsin minn flus il-poplu, imma anki riklami fil-bus stops, fuq it-televiżjoni u r-radju dwar skemi u proġetti li minn ewl id-dinja ta’ bilfors iridu jitwettqu wara l-Elezzjoni Ġenerali. Proprju għalhekk l-Awtorità tax-Xandir spiċċat tiddikjara li dawn kienu fil-fatt riklami politiċi u imbarazzat mhux ftit li minn ippresta ruħu għal dawn l-eżerċizzji ta’ propaganda partiġġana.

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan