MediaToday

Toni u Peppi| 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Etiku l-użu tat-tfal f’kampanji politiċi?

TONI

Mhux fl-istil tiegħi li noqgħod nislet siltiet reliġjużi. Iżda fejn jidħlu t-tfal hemm passaġġ li dejjem qanqal il-kurżità tiegħi. Dak l-episodju fejn Kristu, b’referenza għat-tfal, qal: “Ħalluhom ħa jiġu għandi.”
Ma kienx hu li mar isibhom, iżda kienet it-tama tiegħu li huma jfittxuh.
F’sens wiesgħa Kristu għamel l-aħħar tliet snin ta’ ħajtu jikkampanja favur twemmin ġust u tul din il-kampanja ftit li xejn ħa vantaġġ mit-tfal, ħlief okkażjonalment u b’mod mhux ippjanat. Qisu ma riedx jieħu vantaġġ mill-innoċenza tagħhom jew jesponihom għall-perikli ta’ dawk li ma jaqblux miegħu.
Oħroġ il-għageb, kulmeta tasal kampanja elettorali, it-tfal isiru kalamita għall-politiċi. Fejn għal ħames snin sħaħ il-politiku ma jsibx iċ-ċans biex lanqas jieħu ritratt mat-tfal tiegħu, f’kampanja elettorali, it-tfal kollha, ikunu fejn ikunu, isiru wieħed mix-xenarji politiċi l-aktar popolari. Ir-raġuni hi ovvja, għax it-tfal iqanqlu simpatija ħafna aktar minn xi Ministru li ma xebax jġib lill-Prim Ministru f’ilsien in-nies.
F’din il-kampanja t-tfal ġew użati, abbużati u riabbużati bl-addoċċ. Il-politiċi bit-tfal tagħhom jistgħu jagħmlu li jridu. Jieħdu kemm iridu ritratti magħhom u jibagħtuhom fid-djar tan-nies, qisu huma biss għandhom familja. Iżda bit-tfal ta’ ħaddieħor iridu joqogħdu attenti u b’seba’ għajnejn. Fi żmien meta għandna l-Kummissarju tat-Tfal kif ukoll dak tal-Protezzjoni tad-Data, rajna xeni li naħseb ma konniex narawhom fiż-żmien meta ma kellniex dawn il-liġijiet.
Min juża lit-tfal biex jilħaq skop politiku jkun qiegħed jikxef idejh kif jaħsibha fuq il-ġenerazzjoni ta’ għada u li m’għandux skrupli. Fuljett politiku li impressjonani u ħallieni b’ħalqi miftuħ kien dak tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.
Fil-faċċata hemm ritratt ta’ tifel jismu Emerson Camilleri li jiddikjara li l-Kulleġġ San Benedittu hu l-aqwa skola. Id-dikjarazzjoni fiha nnifisha ma fiha xejn ħażin iżda li nqdew bi student għal skop elettorali ħażin ħafna. Esponew tifel, għandi nifhem bil-kunsens tal-ġenituri tiegħu, bil-konsegwenzi li dan jista’ jkollu meta jiltaqa’ ma’ sħabu li mhumiex tal-istess fehma politika tiegħu.
Xi ġimgħat ilu nkitbet ittra f’gazzetta lokali. Persuna lmentat kif il-Prim Ministru għamel żjara fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija u quddiem ċorma tfal għamel diskors partiġġan. Quddiemu kellu tfal li x’aktarx mhux biss ma fehmux dak li qalilhom, iżda b’uħud minnhom, b’ġenituri li mhux bilfors ta’ l-istess fehma politika tiegħu.
B’danakollu kellhom jissaportu jaraw lil uliedhom fuq it-TV jiġu wżati bħala prop elettorali. Għajjejna naraw sensiela ta’ inkursjonijiet mill-Prim Ministru fi skejjel fejn ikun hemm tfal qegħdin jiktbu jew jilagħbu u Alla jista’ kollox bil-Prim Ministru jilgħab magħhom jew jieħu interess f’dak li jkunu qegħdin jagħmlu meta kollox ikun maħsub għall-kamera u l-mezzi tax-xandir. Jekk ma tridx dan iris bil-għalliema jħarsu bl-aktar mod patetiku u jiggustaw din ix-xena miżerabbli.
Ma jistax ikun li l-ġenituri ta’ dawk it-tfal kollha jkunu taw il-kunsens tagħhom biex uliedhom jiġu wżati b’dak il-mod mill-politiċi. Iżda jispikka l-fatt li minkejja dan kollu jsir fid-dawl tax-xemx, qajla tisma’ lil xi ġenitur jipprotesta ma’ l-Awtoritajiet ħlief għal xi ittra solitarja ’l hawn u ’l hinn. Sa ċertu punt anke il-ġenituri huma vittmi ta’ dan l-abbuż elettorali għax jekk kellhom jipprotestaw jikxfu idejhom f’pajjiż fejn kulħadd jibża’ li jiġi identifikat u vittimizzat.
Anke l-Awtortitajiet baqgħu siekta quddiem dan kollu. Tista’ tgħid għandna foresta ta’ regolamenti jistabilixxu kif għandu jkun imqassam il-ħin tax-xandir. Dan l-aħħar l-Awtorità tax-Xandir saħanistra ħarġet ordni li kull aħbarijiet għandhom jirrappurtaw il-fatti u li għandhom ikunu nieqsa minn kull opinjoni. Biex il-partiti jħarsu l-interessi tagħhom, kieku għal daqshekk ma nistgħux ingergru.
Iż-żewġ partiti kbar saħansitra qablu bejniethom quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija kif għandha tkun il-kondotta tagħhom waqt il-kampanja elettorali, iżda mingħajr l-ebda referenza għal mod kif jintużaw it-tfal u anke persuni oħra dgħajfa fis-soċjetà bħal pereżempju anzjani fi sptar u anke persuni b’diżabbiltà. Anzi b’mod l-aktar sfaċċat, issa anke qegħdin jisparaw tfal innoċenti ta’ età żgħira li ċertament ma jafux x’laqathom minn fuq il-billboards. Bħalli qallu l-fuljetti u t-televiżjoni ma kinux biżżejjed!
Il-problema tikber meta min għandu l-interess u anke l-obbligu li jħares lit-tfal jibqa’ sieket quddiem dan kollu. Mhux qiegħed ngħid għall-ġenituri biss. Ngħid għal dawk il-kapijiet ta’ l-iskejjel li jippermettu li l-istudenti tagħhom jintużaw għal skopijiet politiċi. Anzi li jiffaċilitaw l-abbuż tal-politiku. Għad irrid niltaqa’ ma’ Kap ta’ skola li jopponi din ix-xorta ta’ prattika. Niskanta ukoll kif għaqda bħall-MUT għadha ma qalet xejn inċisiv fuq din is-sitwazzjoni u jekk temminx li din il-prattika ħażina għandhiex tieqaf.
Iżda agħar minn hekk, meta min suppost għandu jintervjeni jibqa’ mgħaxxex iħares meta jkun il-mument li għandu joqmos. Pereżempju il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data assolutament hu nieqes f’sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta meta kieku jrid għandu s-setgħa li jiċċaqlaq. Aktar minn hekk, il-Kummissarju tat-Tfal imqar ħarġet stqarrija, anke għall-formalità, fejn mingħajr ma tikkundanna biex ma tiksirha ma’ ħadd, ta’ l-inqas tirrakkomanda li t-tfal għandhom jitħallew barra mir-ring politiku speċjalment meta l-istaġun ikun jaħraq ħafna u d-deni jibda tiela’ għal ras kulħadd.
S’issa kulma għamlet il-Kummissarju tat-Tfal kien li ppużat b’teddy bear f’idejha fuq riklam li jidher fil-billboards mat-toroq kollha, riklam li twaqqaf milli jixxadar fuq il-mezzi tax-xandir mill-Awtorità tax-Xandir għax kien ikkunsidrat bħala politiku.
Agħar minn hekk, meta min jirrappreżenta l-istituzzjonijiet edukattivi fejn jattendu eluf ta’ żgħażagħ u tfal, jagħżlu huma u min jeddhom, li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ natura partiġġana.
Dan kien il-kaz tas-Sur Paul A. Attard, President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST, f’attività politikament grassa f’Ħal Qormi. Fost it-tixjir ta’ bnadar tal-Partit Nazzjonalista u trabi mgeżwra f’dawn il-bnadar, deher jinċenza lill-Prim Ministru b’mijiet ta’ studenti li jattendi l-MCAST u li mhux bilfors jaqblu mal-fehma politika tiegħu, jarawh fuq it-TV.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn inkunu qegħdin nieħdu vantaġġ mit-tfal li jaqgħu taħt l-awtorità tagħna għalkemm ma nkunux qegħdin nesponuhom direttament.
Wasal iż-żmien li mal-ħafna regolamenti li għamilna s’issa biex inħarsu l-interessi ta’ l-adulti nfasslu oħrajn biex inħarsu l-interessi ta’ min hu l-aktar vulnerabbli fl-istaġun ta’ l-elezzjonijiet. Jien nemmen li l-partiti kollha għandhom jaqblu li t-tfal m’għandhomx ikunu pedina politika f’dawn iż-żminijiet. Bħalma qablu fuq il-voti u d-distretti elettorali, ma naħsibx li hi daqstant diffiċli li jaqblu f’dan ir-rigward.
Għandu jkun hemm ukoll regola li f’affarijiet ta’ politika ma jkunx jiddependi mill-kunsens tal-ġenituri jekk uliedhom għandhomx jintużaw bhala biċċa għodda elettorali.
F’dawn il-mumenti nissuġġerixxi lill-politiċi jaqraw ftit aktar it-Testment il-Ġdid għax forsi hemm isibu l-aqwa parir: li mhux it-tfal jagħmluk qaddis iżda li hu qaddis min jieħu ħsieb it-tfal.

NOTA:
Għall-ġimagħtejn li ġejjin Peppi Azzopardi mhux se jikteb wara li ngħata ordni mill-
Awtorità tax-Xandir biex ma jikkummentax fuq materja politika. Hu informa lid-direzzjoni tal-gazzetta li ngħata din l-ordni wara li l-MLP ipprotesta ma’ l-Awtorità tax-Xandir għax waqt vox pop hu qal li ma jaqbilx mar-reception class.

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan